Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

L-UE tagħlaq in-negozjati tal-adeżjoni tal-Kroazja

Brussell, it-30 ta' Ġunju 2011 – illum l-Istati Membri tal-UE iddeċidew li jagħlqu n-negozjati tal-adeżjoni tal-Kroazja, deċiżjoni li għanda tippermetti l-firma tat-Trattat tal-Adeżjoni sa tmiem is-sena. Wara l-proċedura tar-ratifika fl-Istati Membri kollha u l-Kroazja, l-adeżjoni hi prevista għall-1 ta' Lulju 2013.

"Qed niċċelebraw din il-ġrajja storika mal-ħbieb Kroati tagħna: Fi żmien 20 sena bħala repubblika indipendenti, il-Kroazja inbidlet tremendament. Hi għamlet progress impressjonanti biex tissodisfa l-kriterji tal-adeżjoni mal-UE. Dan qed jiġi ppremjat illum", qal Stefan Füle, il-Kummissarju tal-UE għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat. "Il-Kummissjoni Ewropea konsistement appoġġjat lill-Kroazja f'din it-triq ta' riforma. Konna ġusti imma stretti: Ma ngħatat l-ebda konċessjoni, ma qtajniex għad-dritt u ma qtajniex kantunieri. Il-Kummissjoni se tissokta b'dan l-approċċ strett, trasparenti biex tissorvelja kif il-Kroazja tkun qed twettaq l-impenji sabiex tkun tista' tassumi bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tas-sħubija mill-ewwel jum tal-adeżjoni." "X'kontribut kbir għall-kredibbiltà tal-proċess tat-tkabbir!" żied jgħid.

Id-deċiżjoni tal-lum timmarka tmiem b'suċċess ta' negozjati ta' sitt snin li matulhom il-Kroazja intalbet mhux biss biex tadotta liġijiet u regolamenti ġodda biex tikkonforma mal-istandards tal-UE, imma wkoll biex timplimentahom, biex b'hekk tagħti prova li r-riforma tkun qabdet triq irriversibbli.

In-negozjati tal-adeżjoni bejn l-UE u l-Kroazja, li jikkonsistu minn 35 kapitolu ta' negozjati li jkopru l-firxa sħiħa tal-politiku u r-regoli tal-UE, bdew f'Ottubru tal-2005. Instabu soluzzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet biex jippermettu lill-Kroazja biex tintegra bla skossi fl-UE u biex l-UE tkun kapaċi tilqa' membru ġdid. Fil-konferenza aħħarija tal-adeżjoni fi Brusell illum, l-Istati Membri tal-UE qablu li jagħlqu l-kapitlu ta' politika li fadal taħt in-negozjati, inkluż f'żewġ oqsma ewlenin: il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, u l-politika tal-kompetizzjoni.

Fil-kapitlu dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, il-Kroazja nediet riformi f'oqsma kritiċi, b'hekk saħħet l-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħarsien tal-jeddijiet fundamentali. Dawn huma essenzjali biex iġibu riżultati fil-futur qrib b'appoġġ għall-istat tad-dritt għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha.

Fil-kapitlu dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li jinsab proprju fil-qalba tas-suq intern tal-UE, il-Kroazja kellha tadotta pjanijiet ta' ristrutturar biex jgħinha tikseb vijabbiltà fis-setturi tagħha tal-azzar u tal-bini tal-vapuri, b'konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat.

L-Istati Membri qablu li l-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib sad-data tal-adeżjoni li l-Kroazja tkun issosidfat l-impenji li daħlet għalihom fin-negozjati u t-tħejjijiet kontinwi tagħha biex tassumi r-responsabbiltajiet tas-sħubija fl-UE mal-adeżjoni.

Il-qafas finanzjarju approvat fit-30 ta' Ġunju jipprevedi li l-Kroazja se tissieħeb fl-UE fl-1 ta' Lulju 2013. Il-Fondi Strutturali se jkunu disponibbli għal proġetti ta' infrastruttura b'appoġġ għall-ekonomija Kroata u r-reġjuni tagħha. Il-fondi tal-UE għall-iżvilupp rurali se jintużaw ukoll biex jimmodernizzaw is-settur agrikolu u biex jgħinu fl-iżvilupp tal-inħawi agrikoli fil-Kroazja.

Wara l-għeluq tat-taħdidiet mal-istati membri tal-UE, hu mistenni li jiġi ffirmat it-trattat tal-adeżjoni mal-Kroazja fi żmien sitt xhur, wara opinjoni formali tal-Kummissjoni, il-kunsens mill-Parlament Ewropew u deċiżjoni mill-Kunsill. Wara dan kollu, l-Istati Membri kollha u l-Kroazja iniedu l-proċeduri tar-ratifika b'konformità mar-regoli nazzjonali tagħhom stess, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet permezz ta' vot fil-parlament.

Għal aktar tagħrif:

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea – Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir:

http://ec.europa.eu/enlargement/index_en.htm

Contact :

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website