Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: prezzijiet irħas tar-roaming mill-1 ta' Lulju

European Commission - IP/11/814   30/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

L-Aġenda Diġitali: prezzijiet irħas tar-roaming mill-1 ta' Lulju

Brussell, it-30 ta' Ġunju 2011 B'effett mill-1 ta' Lulju 2011 sat-30 ta' Ġunju 2012, l-operaturi tat-telefowns ċellulari tal-UE għal darb'oħra se jkunu obbligati jraħħsu l-prezzijiet fil-livell tal-konsumatur għat-telefonati roaming f'konformità mar-regoli tal-UE li kienu introdotti għall-ewwel darba fl-2007 u emendati fl-2009. Konsumaturi li jagħżlu l-"Ewrotariffa" rregolata mill-UE mhumiex se jħallsu iktar minn 35 ċenteżmu kull minuta għat-telefonati li jagħmlu u 11-il ċenteżmu kull minuta għat-telefonati li jirċievu meta jkunu msifrin fl-UE. Dan it-tnaqqis huwa l-aħħar wieħed f'sensiela ta' tnaqqis regolat tal-prezzijiet skont ir-Regolament fis-seħħ dwar ir-Roaming fl-UE li jiskadi fl-aħħar ta' Ġunju 2012.

Fit-30 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni ppubblikat rapport (ara IP/10/851) li jindika li, filwaqt li dan it-tnaqqis raħħas temporanjament il-prezzijiet tar-roaming matul il-perjodu rregolat, ir-regoli kurrenti ma solvewx il-problema sottostanti ta' nuqqas ta' kompetizzjoni fis-servizzi tar-roaming u l-prezzijiet baqgħu viċin wisq il-limiti massimi tal-prezzijiet fil-livell tal-konsumatur.

Dan ħoloq il-bżonn għal intervent regolatorju ġdid bl-għan li tintlaħaq b'mod sostenibbli l-mira stabbilita fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200 li d-differenza bejn it-tariffi tat-telekomunikazzjonijiet roaming u nazzjonali għandha tkun kważi żero sal-2015. Din il-mira tintlaħaq jekk il-kompetizzjoni fis-swieq tal-mowbajl tagħti lill-konsumaturi għażla mgħaġġla u ħafifa ta' servizz roaming f'livell ta' prezz domestiku kompetittiv rilevanti jew viċin. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposta għal soluzzjoni għal tul ta' żmien twil għall-problemi strutturali fis-swieq tar-roaming tat-telefonati, tal-messaġġi testwali u tad-dejta.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: Matul is-sena li ġejja, dawn il-limiti massimi ġodda tal-prezzijiet se jnaqqsu l-prezzijiet fil-livell tal-konsumatur meta wieħed jagħmel jew jirċievi telefonati meta jkun f'pajjiż ieħor tal-UE. Madankollu jeħtieġ li nindirizzaw il-problemi tar-roaming mill-għeruq b'apporoċċ strutturali li jdum diversi snin. Għalhekk, il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposti komprensivi ġodda għal soluzzjonijiet għal tul ta' żmien twil li jindirizzaw il-kawża vera tal-problema – in-nuqqas ta' kompetizzjoni fis-swieq tar-roaming."

Telefonati irħas

Il-prezzijiet massimi fil-livell tal-konsumatur (VAT eskluża) għal telefonati roaming se jitnaqqsu bejn l-1 ta' Lulju 2011 u t-30 ta' Ġunju 2012. Huma se jorħsu minn 39 ċenteżmu tal-lum għal 35 ċenteżmu kull minuta meta wieħed jagħmel telefonati u minn 15-il ċenteżmu għal 11-il ċenteżmu kull minuta meta wieħed jirċievi telefonati. Għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona euro, l-ammont se jkun ikkalkulat fuq ir-rata ta' skambju ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE mill-1 ta' Ġunju 2011.

Ir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjoni tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tal-mowbajls ikunu konformi mar-regoli ġodda dwar ir-roaming tad-dejta u l-prezzijiet aktar baxxi tat-telefonati. Il-konsumaturi jistgħu jikkuntattjaw lir-regolatur nazzjonali fl-Istat Membru fejn huwa bbażat l-operatur tal-mowbajl tagħhom jekk ikollhom problemi jew mistoqsijiet rigward il-limiti l-ġodda.

Roaming tad-dejta

Mill-1 ta' Lulju 2011 il-limitu massimu tal-prezz għar-roaming tad-dejta fil-livell tal-operatur (il-prezz li l-operaturi jiċċarġjaw lil xulxin) se jonqos għal 50 ċenteżmu għal kull MegaByte (minn 80 ċenteżmu għal kull MB). Ir-Regolament li jinsab fis-seħħ ma jistabbilixxix limitu massimu tal-prezzijiet fil-livell tal-konsumatur għas-servizzi tad-dejta.

Il-Konsumaturi u dawk li jivjaġġaw minħabba xogħol se jkomplu jkunu protetti minn "kontijiet xokk" mhux mistennija minħabba li jkunu niżżlu dejta minn netwerks tal-mowbajl minħabba li l-kontijiet ta' kull xahar għat-tniżżil tad-dejta huma limitati għal EUR 50 sakemm il-klijent, espliċitament, ma jagħmilx ftehim mod ieħor.

Sfond

Il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew, li qed jaħdmu fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea, introduċew għall-ewwel darba limiti fuq il-prezzijiet tar-roaming fl-2007 (IP/07/870), li jiżguraw li l-abbonati tal-mowbajl iħallsu tariffi tar-roaming simili fl-UE kollha. F'Lulju tal-2009, huma adottaw regolamenti riveduti li jnaqqsu aktar il-prezzijiet tar-roaming bir-rati biex b'hekk, sa Lulju  2011, il-prezzijiet massimi tar-roaming ikunu 35 ċenteżmu kull minuta meta wieħed jagħmel telefonati u 11-il ċenteżmu kull minuta meta wieħed jirċievi telefonati meta jkun imsiefer (ara IP/09/1064 u MEMO/09/309). Ir-regoli tar-roaming tal-2009 se japplikaw sal-aħħar ta' Ġunju 2012.

Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok żur is-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-roaming:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/index_en.htmTable

Is-sit tal-internet tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/digital-agenda

Is-sit tal-internet ta Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Persuni ta' kuntatt :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)

ANNESS

Limiti massimi ġodda għall-prezzijiet fil-livell tal-konsumatur eskluża l-VAT mill-1 ta' Lulju 2011 sat-30 ta' Ġunju 2012

Telefonati roaming

Telefonati magħmula

35 ċenteżmu

Telefonati riċevuti

11 ċenteżmu

Messaġġi fil-voice mail permezz tar-roaming

Messaġġi voice mail riċevuti

B'xejn

Limitu massimu tal-prezz tar-roaming tad-dejta fil-livell tal-operatur

MegaByte 1 li jittella' jew jitniżżel mill-Internet

50 ċenteżmu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website