Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar it-titjib tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja

Commission Européenne - IP/11/813   30/06/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar it-titjib tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja

Brussell, it-30 ta' Ġunju 2011 – 49 % tal-Ewropej qed jgħixu f'żoni fejn l-għanijiet tal-UE għall-kwalità tal-arja għadhom ma ntlaħqux u t-tniġġis tal-arja huwa wieħed mit-tħassibiet ambjentali ewlenin li qed jaffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE.

Bħala parti minn reviżjoni komprensiva tal-politiki tal-Ewropa dwar l-arja bl-intenzjoni li jiġu stabbiliti għanijiet ġodda fit-tul lil hinn mill-2020, il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-politika attwali tagħha f'dan il-qasam. Għat-tnax-il ġimgħa li ġejjin, qed jinstemgħu l-opinjonijiet dwar il-punti pożittivi u negattivi tal-qafas leġiżlattiv eżistenti u dwar il-progress tal-implimentazzjoni tiegħu. Din il-konsultazzjoni msejsa fuq l-internet hija parti minn proċess usa’ ta' riflessjoni li ser jgħin għar-reviżjoni mhux iktar tard mill-2013.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Jekk inħarsu lura lejn ir-rekord tal-Ewropa fit-titjib tal-kwalità tal-arja, għandna biex inkunu kburin ħafna. Iżda b'500 000 mewt prematura assoċjati ma' tniġġis għoli tal-arja minn materja partikola, huwa ċar li għad fadal ħafna xogħol xi jsir. Jenħtieġ li minnufih nibdew diskussjoni dwar il-ġenerazzjoni li jmiss ta' għanijiet tal-kwalità tal-arja.

Il-konsultazzjoni pubblika qed tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jaqsmu l-opinjonijet tagħhom dwar l-aqwa mod biex tittejjeb il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja. Il-konsultazzjoni pubblika hija maqsuma f'żewġ partijiet – kwestjonarju qasir għall-pubbliku ġenerali u taqsima itwal għall-esperti u l-prattikanti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, ir-riċerkaturi, in-negozji, il-partijiet interessati, is-saħħa, l-ambjent u gruppi oħrajn involuti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja.

Il-passi li jmiss

Dan huwa l-bidu ta' proċess wiesa' ta' konsultazzjoni kif ġie mħabbar mill-Kummissjoni f'Jannar 2011 (ara MEMO/11/31). Il-Kummissjoni se tkompli bix-xogħol preparatorju tagħha u se twettaq rawnd ieħor ta' konsultazzjonijiet pubbliċi qabel ma tippreżenta l-ideat dwar il-futur tal-politika tal-UE dwar l-arja mhux aktar tard mill-2013.

Sfond

Il-politika tal-UE dwar l-arja għandha storja twila u hija waħda mill-istejjer ta' suċċess tal-politika ambjentali. Skont Ir-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), matul l-aħħar 20 sena naqsu l-emissjonijiet mis-sustanzi rilevanti kollha li jniġġsu l-arja. L-emissjonijiet minn ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja naqsu b'mod sinifikanti. Pereżempju l-emissjonijiet taċ-ċomb qed jitnaqqsu b'madwar 90 %. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-emissjonijiet industrijali, l-emissjonijiet mill-vetturi u l-kwalità tal-fjuwil kellha rwol importanti.

Iżda l-kwalità tal-arja tal-UE xorta għadha lura milli tikseb l-għanijiet tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali, fejn l-UE qablet "li tikseb livelli ta' kwalità tal-arja li ma jagħtux lok għal impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent."

Fl-2008, 45 % tal-popolazzjoni tal-UE kienet għadha tgħix f'żoni li jaqbżu l-valuri ta' limitu tal-materja partikola (PM10), 49 % f'żoni li jaqbżu l-valur ta' limitu annwali tal-NO2, u 46 % f'żoni li jaqbżu l-valur tal-mira tas-saħħa tal-O3. Barra minn hekk, bejn 20 u 30 % tal-popolazzjoni urbana hija esposta għal firxa ta' qbiż fil-limitu.

L-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-"Attitudnijiet taċ-ċittadini Ewropej dwar l-ambjent" (365) juri li 36 % taċ-ċittadini jelenkaw it-tniġġis tal-arja bħala wieħed mill-ħames tħassibiet ambjentali ewlenin tagħhom, filwaqt li 40 % jsemmu li l-ewwel kwistjoni ambjentali li tiġihom f'moħħhom hija t-tniġġis fil-bliet.

Għal aktar tagħrif:

Il-konsultazzjoni tista’ timtela fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/environment/consultations_en.htm

Għal iktar dettalji dwar il-politika tal-UE dwar l-arja u r-reviżjoni tagħha:

http://ec.europa.eu/environment/air/index_en.htm

http://ec.europa.eu/environment/air/review_air_policy.htm

Persuni ta' kuntatt:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 295 06 68)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site