Navigation path

Left navigation

Additional tools

Attivati €35 miljun għall-ekoinnovazzjoni

European Commission - IP/11/812   30/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Attivati €35 miljun għall-ekoinnovazzjoni

Brussell, it-30 ta' Ġunju 2011 – Fondi b'valur ta' €35 miljun għall-finanzjament ta’ 42 proġett ekoinnovattiv magħżula skont il-Programm tal-2010 għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) qed jiġu attiviti, hekk kif l-applikazzjonijiet għas-sejħa għal proposti tal-2011 jinsabu miftuħa.

Fost l-applikanti rebbieħa tas-sena l-oħra wieħed isib metodu mhux invażiv għat-tiswija ta’ pajpijiet tal-ilma li jnixxu; pannelli akustiċi li jnaqqsu l-istorbju tal-ferroviji bl-użu ta' lastiku minn tajers qodma; pannelli interni bijodegredabbli li jistgħu jnaqqsu l-piż tal-inġenji tal-ajru bi 15%; proċess ta' fermentazzjoni li jippermetti l-irkupru tas-CO2 mill-birreriji; u sistema ta' djar prefabbrikati magħmula minn materjali rinnovabbli mixtrija lokalment (injam u tiben).

It-42 proġett ikopru firxa wiesgħa ta' innovazzjonijiet ambjentali li għandhom ħaġa waħda inkomuni: kollha jikkontribwixxu biex jitħares l-ambjent prezzjuż tagħna filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea.

Meta kien qed jikkummenta dwar il-proġetti l-ġodda, Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent qal: "Dawn l-ekoinnovazzjonijiet huma sors kbir ta' inspirazzjoni. Juru mod aktar ambjentali, iżda fl-istess ħin ta' suċċess, kif isir in-negozju fl-Ewropa. Ninsab kuntent li nista' ngħid li l-fondi disponibbli għall-2011 jammontaw għal €38 miljun – żieda ta' tliet miljuni mis-sena l-oħra – iżda wisq inqas mil-livell dejjem akbar tad-domanda".

Xi 287 proposta ġew sottomessi fis-sejħa tal-2010, żieda ta' 42% meta mqabbel mal-2009. Madwar 66% mill-parteċipanti u l-benefiċjarji huma intrapriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs).

Il-fondi tal-Ekoinnovazzjoni tas-CIP huma mfassla biex isostnu prodotti, servizzi u proċessi ġodda li jużaw inqas riżorsi naturali u jipproduċu inqas skart, emissjonijiet u tniġġis.

Għat-€38 miljun disponibbli fis-sejħa għall-proposti tal-2011 huma mistiedna applikazzjonijiet fil-qasam tal-konservazzjoni tal-ilma bħala qasam ta' prijorità, flimkien mar-riċiklaġġ tal-materjal, bini sostenibbli, l-industrija tal-ikel u x-xorb u l-kummerċ ambjentali. Is-sejħa se tibqa’ miftuħa sal-8 ta' Settembru 2011. Il-valur miżjud Ewropew huwa kundizzjoni rekwiżita.

Sfond

L-ekoinnovazzjoni, li hija kontributur ewlieni għall-Pjan ta' Azzjoni tat-Teknoloġiji Ambjentali (ETAP) u tirrappreżenta l-lat ambjentali tal-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), ġiet allokata baġit totali ta' madwar €200 miljun għall-perjodu 2008-2013.

Il-proġetti tal-Ekoinnovazzjoni jinvolvu parteċipazzjoni għolja ta' SMEs, li l-biċċa l-kbira minnhom qatt qabel ma rċevew fondi mill-UE.

Għal aktar tagħrif:

Għal-lista tat-42 proġett magħżula għall-fondi skont is-sejħa tal-2010 u analiżi tal-proposti ara:

http://ec.europa.eu/environment/eco-innovation/in-action/

Għal informazzjoni dwar is-sejħa għal proposti tal-2011 u dwar kif tapplika ara:

http://ec.europa.eu/environment/eco-innovation/getting-funds/call-for-proposals/

Għal aktar informazzjoni dwar l-Ekoinnovazzjoni tas-CIP ara:

http://ec.europa.eu/ecoinnovation

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 295 06 68)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website