Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Ninvestu llum għat-tkabbir ta' għada

Commission Européenne - IP/11/799   29/06/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Ninvestu llum għat-tkabbir ta' għada

Brussell, 29 ta' Ġunju 2011 - L-Unjoni għandha baġit żgħir li madankollu għandu impatt kbir għaċ-ċittadini tal-Ewropa. Il-proposta tal-Kummissjoni għal baġit multiannwali għall-2014-2020 tirreaġixxi għat-tħassib tal-lum u għall-ħtiġijiet ta' għada. Tiffoka fuq finanzjament prijoritarju fil-livell tal-UE li jipprovdi valur miżjud reali. Pereżempju, il-faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" li tiffinanzja proġetti transkonfinali fl-enerġija, it-trasport u t-teknoloġija tal-informatika biex tissaħħaħ is-sinsla tas-suq komuni; ħafna aktar flus għar-Riċerka u l-Innovazzjoni biex ninvestu fil-kompetittività tagħna; u aktar fondi għaż-żgħażagħ tal-Ewropa – dawn huma biss uħud mill-elementi ġodda fil-proposta tal-Kummissjoni. Fl-istess ħin, dan il-baġit innovattiv tal-UE jibqa' ffokat: l-ammont globali propost għas-seba' snin li jmiss hu ta' EUR 1.025 biljun f'impenji (1.05% tad-DNG tal-UE) u EUR 972.2 biljun (1 % tad-DNG tal-UE) fi ħlasijiet.

F'dawn iż-żminijiet attwali ta' awsterità fiskali fl-UE kollha, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ambizzjuża imma realistika għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) l-ġdid, spjega l-Kummissarju għall-Ipprogrammar Finanzjarju u l-Baġit Janusz Lewandowski: permezz ta' riallokazzjoni għaqlija tal-baġit, ħloqna l-possibbiltà ta' finanzjament għal prijoritajiet ġodda bħal infrastruttura transkonfinali għall-enerġija u t-trasport, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-kultura, il-ħarsien tal-fruntieri esterni u t-tisħiħ tal-qraba tagħna fin-Nofsinhar u fil-Lvant. Barra minn dan, immodernizzajna prattikament il-politiki kollha tagħna billi ssimplifikajna l-programmi tagħna u billi imponejna aktar kondizzjonalità fuq il-mod kif jintefqu l-fondi.

(ara t-tabella sħiħa fl-Anness)

Għat-tkabbir u għall-impjiegi

Il-faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" , li hi fond ġdid, għandha l-għan li tagħti spinta lill-valur pan-Ewropew tal-proġetti ta' infrastruttura. B' EUR 40 biljun disponibbli u EUR 10 biljuni oħra mill-Fond ta' Koeżjoni, din tinkludi lista preliminari ta' proġetti ta' trasport, enerġija u ICT li għandhom iwasslu għal aktar interkonnettività fl-Ewropa. Dawn il-konnessjonijiet, li jgħinu biex ikun hemm tkabbir, se jipprovdu aċċess aħjar għas-suq intern u jtemmu l-iżolament ta' ċerti "gżejjer" ekonomiċi. Il-faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" toffri opportunitajiet biex jintużaw għodda innovattivi tal-finanzjament biex jinkiseb aktar investiment, aktar malajr, liema għodda setgħu jinkisbu biss permezz ta' finanzjament pubbliku. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu ta' bonds tal-proġetti tal-UE biex tgħin biex dawn il-proġetti jitwettqu.

It-tkabbir ekonomiku sostenibbli jibda fl-ibliet u r-reġjuni tagħna. L-ammonti sostanzjali għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (EUR 376 biljun għall-perjodu kollu) se jkunu marbuta mill-qrib mal-għanijiet ta' Ewropa 2020. Se tiġi introdotta kategorija ġdida ta' "reġjuni fi tranżizzjoni". Dispożizzjonijiet ġodda ta' kondizzjonalità se jiżguraw li l-finanzjament tal-UE jkun iffokat fuq ir-riżultati u joħloq inċentivi sodi għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-għanijiet ta' Ewropa 2020 effettivament jitwettqu. Se jiġu konklużi kuntratti ta' sħubija ma' kull Stat Membru biex jiġi żgurat li jkun hemm appoġġ reċiproku tal-finanzjament nazzjonali u dak tal-UE.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li ssaħħaħ il-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali L- investiment fiż-żgħażagħ huwa wieħed mill-aħjar pjanijiet tan-negozju. Sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-istrumenti attwali, qed jiġi propost li jinħoloq programm integrat ta' EUR 15.2 biljun għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, b'enfasi ċara fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u l-mobbiltà.

Matul is-seba' snin li ġejjin l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni se jiżdied b'mod sinifikanti. Il-kompetittività globali tal-Ewropa se tingħata spinta mill-istrateġija komuni tal-UE, "Orizzont 2020", li tiswa EUR 80 biljun u li se tgħin biex jinħolqu l-impjiegi u l-ideat tal-ġejjieni. Din se tiġbor il-proġetti kollha f'dan il-qasam biex telimina l-frammentazzjoni u biex jiġi żgurat li l-proġetti ffinanzjati mill-UE jkunu jikkomplementaw aħjar l-isforzi nazzjonali u li jgħinu biex jikkordinawhom.

Għal agrikoltura aktar ekoloġika u moderna

B'EUR 371.72 biljun, Politika Agrikola Komuni moderna li hija politika komuni Ewropea vera tibqa' ta' importanza strateġika għall-ekonomija u l-ambjent tagħna, għal ikel li hu tajjeb għas-saħħa u għall-iżvilupp tal-komunitajiet rurali. Din turi kif euro wieħed jista' u jrid jaqdi diversi skopijiet. 30% mill-appoġġ dirett lill-bdiewa se jingħata bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu n-negozji tagħhom aktar ekoloġiċi. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni jkun disponibbli għall-bdiewa. Barra minn dan, id-diskrepanza fil-ħlasijiet diretti bejn l-Istati Membri se titnaqqas.

Għal Ewropa aktar sigura

Biex nibnu Ewropa aktar sigura rridu ntejbu l-ambjent tagħna u nipproteġu l-klima. Il-Kummissjoni qed tipproponi li dawn jiġu integrati globalment. Il-Kummissjoni għandha l-għan li żżid il-proporzjon għal minn tal-anqas 20% għan-nefqa relatata mat-tibdil fil-klima, b'kontribuzzjonijiet minn oqsma differenti tal-politika fuq il-bażi ta' evidenza minn stimi tal-impatt.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tinvesti EUR 4.1 biljun fis-sigurtà Ewropea biex tiġġieled il-kriminalità u t-terroriżmu u EUR 3.4 miljun fil-politiki ta' migrazzjoni u asil, li huma ta' importanza kruċjali għall-kompetittività u l-koeżjoni soċjali tagħna.   Iż-żewġ fondi se jkollhom dimensjoni esterna għal ħidma ma' pajjiżi terzi.

Għal Ewropa aktar b’saħħitha fix-xena dinjija

Il-baġit se jgħin ukoll biex l-Ewropa tkun aktar b'saħħitha fix-xena dinjija permezz ta' baġit ikbar għar-relazzjonijiet esterni ta' EUR 70.2 biljun. L-alleanzi li qed jinbidlu u l-potenzi emerġenti ġodda jfissru li l-Ewropa trid tagħmel iktar biex tkun influwenti. Se jiġu allokati EUR 16-il biljun lill-Politika tal-Viċinat tagħna għall-promozzjoni tad-demokrazija u l-prosperità madwar l-Ewropa. Se nkomplu wkoll inwettqu l-impenji tagħna biex ngħinu lil dawk li huma l-ifqar fid-dinja. L-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (IFK) se jirċievi EUR 20.6 biljun biex jiffoka fuq il-qerda tal-faqar u jwettaq il-wegħda tagħna għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

Riżorsi aħjar għall-baġit tal-UE

Il-baġit multiannwali ġdid tal-UE se jkollu riżorsi aktar trasparenti u ġusti u se jnaqqas u jissimplifika l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tipproponi li jkun hemm riżorsi proprji ġodda apparti minn dawk eżistenti, kif inhu previst mit-Trattat. L-għan mhuwiex li jiżdied il-baġit tal-UE iżda li jkollu sisien aktar sodi u li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet diretti tal-Istati Membri.

Ir-riżorsi proprji l-ġodda jkunu taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjari u VAT ġdida modernizzata. Fl-istess ħin, ir-riżorsa attwali bbażata fuq il-VAT (sehem mill-VAT nazzjonali miġbur mill-Istati Membri) titneħħa.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tissimplifika l-mekkanizmi ta' korrezzjoni eżistenti li japplikaw għal xi Stati Membri. Dan għandu jsir permezz ta' tnaqqis gross ta' somma waħda mill-pagamenti tad-DNG tagħhom.

Amministrazzjoni 2014-2020

Bħalissa n-nefqa għall-amministrazzjoni tammonta għal 5.7% biss tal-baġit totali tal-UE. Il-Kummissjoni tipproponi li ma jkun hemm l-ebda żieda fin-nefqa amministrattiva matul il-perjodu finanzjarju li jmiss. Parallelment, fuq il-bażi tar-riforma tal-persunal tal-2004 (li diġà ffrankat lill UE EUR 3 biljun u li se tiffrankalha EUR 5 biljun oħrajn sal-2020), il-Kummissjoni qed tipproponi li timmodifika ulterjorment ir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-UE.

Għal aktar informazzjoni:

Il-komunikazzjoni hija disponibbli fuq il-websajt tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali

MEMO/11/468: Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM): Mistoqsijiet u Tweġibiet

MEMO/11/469: Il-flus fejn huma meħtieġa – kif il-baġit tal-UE huwa ta' valur għalik

MEMO/11/459: Ħrejjef dwar il-Baġit tal-UE u l-Qafas Finanzjarju Multiannwali

SPEECH/11/487: Rimarki mill-President Barroso dwar il-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-2014-2020

Persuni ta' Kuntatt:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Mark Gray (+32 2 298 86 44)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)

Karolina Kottova (+32 2 298 70 19)

Patrizio Fiorilli (+32 2 295 81 32)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site