Navigation path

Left navigation

Additional tools

Lejn informazzjoni ambjentali armonizzata fl-Ewropa: agħti l-opinjoni tiegħek dwar standards li se jħallu effett fuq il-ħajja ta' kulħadd

European Commission - IP/11/798   29/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Lejn informazzjoni ambjentali armonizzata fl-Ewropa: agħti l-opinjoni tiegħek dwar standards li se jħallu effett fuq il-ħajja ta' kulħadd

Brussell, 29 ta' Ġunju 2011 – L-organizzazzjoni ta' salvataġġ transkonfinali f'każ ta' emerġenza, il-prevenzjoni ta' ħsara ambjentali kbira jew il-paragun tal-konsum tal-enerġija ta' bini f'pajjiżi differenti, dalwaqt se jkunu jistgħu jsiru b'mod aktar mgħaġġel u iktar faċli bis-saħħa ta' titjib fil-qsim tad-dejta fl-UE.

Permezz ta' INSPIRE – Infrastruttura għal Informazzjoni dwar l-Ispazji fl-Ewropa (Infrastructure for Spatial Information in Europe) – l-Unjoni Ewropea qed toħloq standard komuni biex tagħmel l-informazzjoni ambjentali disponibbli malajr u b'mod faċli. Dan se jissarraf f'benefiċċji ċari għaċ-ċittadini Ewropej li jvarjaw minn servizzi ta' emerġenza mtejba sa ambjent li jgħixu fih in-nies kuljum iktar b'saħħtu. Standards komuni se jgħinu biex jitnaqqsu l-ispejjeż u biex titjieb il-bażi għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Bħalissa qed jiġu mitluba l-opinjonijiet dwar jekk l-istandards proposti humiex adattati (ara l-ħolqa iktar 'l isfel).

L-istandards komuni se jikkontribwixxu għat-titjib fir-rati tas-suċċess f'każijiet fejn l-aċċess għal informazzjoni korretta huwa essenzjali. Dan se jgħin biex ikunu evitati inċidenti sfortunati bħal dak li involva s-servizzi tat-tifi tan-nar fin-Nofsinhar ta' Franza, li dam biex ingħata minħabba nuqqas ta' aċċess għal dejta aġġornata u integrata. INSPIRE se jkollha wkoll irwol importanti biex tikkalkula kif il-pajjiżi jilħqu l-objettivi tal-UE fir-rigward tat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija: illum, il-marġni tal-iżball jista' jkun f'livelli li jilħqu l-20 %.

Mijiet ta' esperti mill-Ewropa kollha ilhom jaħdmu flimkien għal diversi snin biex jaqblu dwar definizzjonijiet komuni f'oqsma politiċi importanti bħall-enerġija, it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, l-ambjent marittimu u s-saħħa tal-bniedem. L-istandards proposti issa huma miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika biex ikun ivvalutata kemm huma użabbli d-dixxiplini u n-nazzjonijiet kollha.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "L-istandards INSPIRE se jgħinuna ntejbu l-ambjent. Iktar ma jkollna fehim komuni fl-Ewropa dwar dak li nitkellmu dwaru, iktar inkunu nistgħu naħdmu aħjar flimkien għall-benefiċċju tal-ambjent. Nispera li ħafna nies jgħidulna x'jaħsbu dwarha."

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, u li għalhekk hija responsabbli għaċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) li jieħu ħsieb il-koordinazzjoni teknika tal-INSPIRE, qalet: "Bis-saħħa tal-materjal u l-ħila esperta li iktar minn 650 organizzazzjoni pubblika u privata u kkordinati mill-JRC għamlu disponibbli, l-INSPIRE hija bażi ta' għarfien b'potenzjal għoli ħafna. Standards ta' dejta ambjentali komuni huma kruċjali mhux biss għat-tfassil tal-politiki iżda wkoll biex tkun imsaħħa r-riċerka xjentifika u fl-aħħar mill-aħħar l-użu ta' teknoloġiji innovattivi u sostenibbli."

Mezzi ta' kejl komuni għall-ambjent Ewropew miftuħa għall-eżaminazzjoni pubblika

L-ispeċifikazzjonijiet tad-dejta li jkopru 25 tema inklużi l-kopertura tal-art, il-bini, il-ħamrija, l-użu tal-art, l-enerġija, is-saħħa u s-sikurezza, issa huma miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sal-21 ta' Ottubru 2011.

Dan ifisser li kulħadd jista' jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-istandards li se jarmonizzaw l-approċċi kollha tal-UE fir-rigward tad-dejta dwar żoni ta' riskji naturali, kundizzjonijiet atmosferiċi, karatteristiċi ġeografiċi meterjoloġiċi, karatteristiċi ġeografiċi oċeanografiċi, reġjuni tal-baħar, ħabitats u bijotipi, speċijiet ta' distribuzzjoni, u riżorsi tal-enerġija u minerali.

Ladarba jiġu adottati, l-istandards se jiffaċilitaw l-integrazzjoni transkonfinali u l-analiżi ta' dejta ambjentali, l-immudellar u l-attivitajiet ta' previżjoni f'ħafna oqsma politiċi.

Studji wrew li l-benefiċċji ta' INSPIRE huma kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali: filwaqt li tippermetti valutazzjoni tal-impatt ambjentali iktar mgħaġġla u li tiswa inqas flus, l-INSPIRE twassal għal opportunitajiet ta' negozju aħjar u toħloq sinerġiji bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

INSPIRed sal-2020

It-tnedija ta' din il-konsultazzjoni tikkoinċidi mal-Konferenza INSPIRE li se ssir f'Edinburgu, l-Iskozja, mis-27 ta' Ġunju sal-1 ta' Lulju 2011. Dan l-avveniment se jlaqqa' flimkien 700 rappreżentant mill-gvernijiet u s-settur privat biex dawn jesploraw kif l-INSPIRE tista' tikkontribwixxi għall-objettivi strateġiċi tal-Ewropa 2020 permezz tat-tema "INSPIRed sal-2020 – Nikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv."

Sfond

Id-Direttiva INSPIRE daħlet fis-seħħ fil-15 ta' Mejju 2007 u se tkun implimentata f'diversi stadji, b'implimentazzjoni sħiħa meħtieġa sal-2019. Hija għandha l-għan li toħloq infrastruttura li tittratta d-dejta dwar l-ispazji li tippermetti l-qsim ta' informazzjoni dwar l-ispazji fost l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u li tiffaċilita l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar l-ispazji fl-Ewropa.

Il-konsultazzjoni hija miftuħa fl-indirizz:

http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/

Għal aktar dettalji ara:

http://inspire.ec.europa.eu

Persuni ta' kuntatt :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 295 06 68)

Mark English (+32 2 296 24 10)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website