Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

L-Aġenda Diġitali: L-Ewropa qed tinvesti fir-riċerka tal-fotonika biex taċċellera l-broadband b’veloċità qawwija

Brussell it-28 ta’ Ġunju 2011 – Tlettax-il proġett tar-riċerka tal-fotonika qed jiġu mnedija fil-qasam tan-netwerks tal-fibre broadband b’veloċità qawwija bil-għan li jiġu żviluppati teknoloġiji biex l-internet b’veloċità qawwija ħafna jitwassal fid-djar b’aktar minn 1 Gigabit fis-sekonda. Il-proġetti ntgħażlu fl-2010 b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea, l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Renju Unit u l-Iżrael, li flimkien qed iħallsu total ta’ EUR 22.3 miljun għal dawn il-proġetti. Il-proġetti ta’ riċerka ser idumu minn sentejn sa tliet snin. L-għoti tal-aċċess għall-broadband veloċi u ultraveloċi lil kull Ewropew sal-2020 u l-ixprunar tal-investiment fir-riċerka Ewropea tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-kumunikazzjonijiet huma għanijiet ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet: "Ninsab ferħana ħafna li ngħata bidu sabiex ir-riċerka dwar it-teknoloġija rilevanti biex l-internet b’veloċità qawwija ħafna jitwassal fid-djar u fin-negozji ta’ 500 miljun Ewropew. Din it-teknoloġija għandu jkollha rwol kruċjali biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-broadband tal-Ewropa għal bosta snin fil-futur."

Il-proġetti ta’ riċerka kollha jiffokaw fuq kif il-komponenti (eż. it-transceivers, l-amplifikaturi u r-routers) u s-sistemi tal-IT jistgħu jwasslu veloċitajiet ta’ 1 Gigabit fis-sekonda u anke aktar fid-djar tal-abbonati, filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż operattivi għall-broadband ultraveloċi. Għaldaqstant, l-għan huwa li tiġi żviluppata teknoloġija li toffri servizz aktar veloċi lill-klijenti mingħajr ma jiżdiedu l-ispejjeż.

Il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi terz tal-finanzjament tal-proġetti u l-aġenziji nazzjonali tal-finanzjament qed ikopru l-kumplament. L-approċċ konġunt jippermetti lill-pajjiżi parteċipanti jiżviluppaw netwerks tal-broadband ottiċi b'veloċità qawwija ferm aktar malajr, peress li l-isforzi konġunti jistgħu jiġġeneraw b’aktar effiċjenza massa kritika għall-konsum tas-suq.

It-tlettax-il proġett ta’ riċerka individwali jikkostitwixxu l-inizjattiva Piano+, li huwa proġett ERANET+ u huwa parti mis-7 Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) tal-Kummissjoni Ewropea.

Eżempji ta' proġetti

Il-proġett ADDONAS għandu l-għan li jwassal kwalità aħjar għall-vidjow mobbli u applikazzjonijiet fil-ħin preċiż bħalma huwa l-cloud computing billi jipperfezzjona t-teknoloġja tal-isswiċċjar għaċ-ċirkwiti tal-broadbands ultraveloċi. Dan għandu jippermetti li t-traffiku tad-dejta jintbagħat biss meta jkun meħtieġ, u b’hekk ineħħi l-intoppi fil-prestazzjoni tar-router. Fl-istess ħin, it-teknoloġija kkonċernata għandha timmira li tnaqqas b’aktar minn 50 %, il-kont totali tal-enerġija għall-operaturi u l-utenti.

Biex jgħin it-trażmissjoni b’veloċità ultra qawwija tad-dejta, il-proġett ALOHA għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità tat-trażmissjoni tas-semiconductors tal-broadband (jiġifieri l-lasers ottiċi). L-għan huwa li tittejjeb il-prestazzjoni tar-rati ta’ trażmissjoni għal 10 Gigabit fis-sekonda u iktar u li titħaffef it-tranżizzjoni tal-komponenti tal-laser iktar veloċi għall-adozzjoni tas-suq tal-massa.

Il-proġett TUCAN għandu l-mira li jiżviluppa t-teknoloġija tat-tunable transceiver bi prezz baxx (jiġifieri l-lasers li l-frekwenza tal-operat tagħhom tkun tista’ tinbidel) li jkunu jistgħu jilħqu l-miri tal-ispejjeż tan-netwerk tal-aċċess filwaqt li jissokktaw bi prestazzjoni għolja u jnaqqsu r-rekwiżiti tal-enerġija. In-netwerks attwali huma mfassla għal lasers bi frekwenza fissa b’livell ta’ prezzijiet li jkunu anqas minn EUR 10 għal kull laser iżda dawn mhumiex magħmula biex jiffunzjonaw mar-rati għolja tad-dejta (minn 1 sa 10 Gigabits fis-sekonda) għal kull klijent kif għandu jintalab f'netwerks ta’ aċċess b’veloċità qawwija ħafna.

Il-proġett SEPIANet għandu l-għan li jiżviluppa komponenti, moduli u subsistemi ottiċi għal prodotti ta’ aċċess futuri bbażati fuq teknoloġija ta’ printed circuit board elettro-ottiku inkorporat li għandha tnaqqas b’mod sinifikanti l-konsum tal-enerġija u żżid l-effiċjenza tal-enerġija u l-bandwidth, li attwalment mhijiex possibbli fis-sistema tal-lum tan-netwerks għall-aċċess ibbażat fuq teknoloġiji bl-użu tar-ram.

Sfond

Il-fotonika hija teknoloġija strateġika li tixpruna l-innovazzjoni f’diversi setturi, bħalma huma l-komunikazzjonijiet (inkluż l-aċċess għall-internet b’veloċità qawwija ħafna), id-dwal u l-applikazzjonijiet mediċi.

L-aċċess għall-broadband ultraveloċi qiegħed dejjem isir aktar importanti fl-Ewropa peress li d-domanda għas-servizzi mxennqa għall-bandwidth qed timmultiplika. Servizzi ġodda tad-divertiment u tan-negozju bħall-high-definition (HD) jew it-televixin "3D", mużika jew vidjows li jitniżżlu mill-internet fuq l-ismart phones u faċilitajiet ta’ konferenzi bil-vidjow li jeħtieġu internet ħafna aktar veloċi milli jinsab disponibbli fl-Ewropa llum.

Aktar tagħrif dwar il-proġetti ta’ riċerka jista' jinkiseb minn hawn:

http://www.pianoplus.eu/projects.html

Is-sit tal-internet tal-Aġenda Diġitali: http://ec.europa.eu/digital-agenda

Is-sit tal-internet ta’ Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website