Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-mexxejja tal-UE japprovaw il-pjan tal-Kummissjoni għall-integrazzjoni tar-Rom

European Commission - IP/11/789   24/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-mexxejja tal-UE japprovaw il-pjan tal-Kummissjoni għall-integrazzjoni tar-Rom

Brussell, l-24 ta' Ġunju 2011 – Il-qafas tal-UE tal-Kummissjoni Ewropea għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (IP11/400, MEMO/11/2160) ġie approvat fl-ogħla livell politiku. Il-mexxejja Ewropej imlaqqgħin fi Brussell illum appoġġaw pjan biex tintemm l-esklużjoni tal-minorità Rom fil-kontinent li kienet ilha mijiet ta' snin. Taħt il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, kull wieħed mis-27 pajjiż tal-UE se jistabbilixxi kif bi ħsiebu jtejjeb il-qagħda tal-iktar komunitajiet Rom vulnerabbli li jgħixu fit-territorju tiegħu. L-Istati Membri se jkollhom jindirizzaw erba' oqsma ewlenin għal integrazzjoni soċjali u ekonomika aħjar – l-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni – u jistabbilixxu miżuri proporzjonati mal-popolazzjoni Rom tagħhom. Hemm disponibbli finanzjament u qafas legali b'saħħtu tal-UE għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni b'sostenn għall-isforzi nazzjonali. Il-Gvernijiet se jkollhom sal-aħħar tal-2011 biex jippreżentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea imbagħad se tevalwa l-pjani u tirrapporta lura fir-rebbiegħa li ġejja.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja qalet: "Il-ftehim tal-lum huwa pass enormi 'l quddiem għal miljuni ta' Rom madwar l-Ewropa. L-UE qed tibgħat sinjal qawwi: l-esklużjoni tar-Rom mhux kompatibbli mal-valuri soċjali u mal-mudell ekonomiku tagħna.

Il-mexxejja Ewropej ħadu impenn li qatt ma kien hemm bħalu biex itejbu l-integrazzjoni tar-Rom u nixtieq nirringrazzja lill-Presidenza Ungeriża b'mod partikolari għad-determinazzjoni tagħha biex tikseb dan l-impenn. Nilqa' wkoll il-kooperazzjoni minn korpi internazzjonali oħra b'esperjenza bħall-Kunsill tal-Ewropa, li qed jaħdem mill-qrib ma' awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa għal integrazzjoni aħjar tar-Rom.

Issa wasal iż-żmien li nittraduċu l-kliem f'azzjoni. Il-Qafas tal-UE ma jistax jikseb suċċess mingħajr appoġġ b'saħħtu u kontinwu tal-Istati Membri kollha. Nistenna b'entusjażmu biex nara kif kull gvern nazzjonali bi ħsiebu jwettaq integrazzjoni aħjar tal-poplu Rom f'pajjiżu."

László Andor il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni saħaq fuq l-importanza ta' azzjoni immedjata biex ir-Rom jiġu integrati billi qal "Il-qagħda tal-poplu Rom madwar l-Ewropa kollha marret għall-agħar u għalhekk hemm bżonn li b' urġenza nimxu mit-tamiet u l-aspirazzjonijiet għall-azzjoni prattika li attwalment tagħmel id-differenza fil-fatti.

L-appoġġ li qed jagħtu llum il-mexxejja tal-UE għall-qafas tal-UE huwa pass importanti li juri li l-Ewropa ma taċċettax l-esklużjoni soċjali u ekonomika ta' miljuni ta' nies Rom. L-istrateġiji nazzjonali, li nittama li jkunu ambizzjużi u reqalistiċi, issa jistgħu jibdew jibdew".

Huwa żied:"Ir-rappreżentanti tar-Rom jista' jkollhom rwol deċiżiv biex jiżguraw li l-istrateġiji għall-integrazzjoni tar-Rom ikunu kemm xierqa kif ukoll implimentati b'mod effettiv. Il-monitoraġġ se jkun kruċjali biex niżguraw li l-istrateġiji nazzjonali jkunu implimentati u li l-flus ivvutati għall-integrazzjoni tar-Rom verament jaslu għand il-benefiċjarju aħħari".

Sfond

L-10-12-il miljun Roma fl-Ewropa għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni, esklużjoni u ċaħda ta' jeddijiethom, filwaqt li l-gvernijiet qed jitilfu żieda fid-dħul u l-produttività għax it-talent potenzjali tagħhom jista' jintilef. Hu imperattiv li jkun hemm integrazzjoni ekonomika u soċjali aħjar – imma biex tkun effettiva hemm bżonn azzjoni mil-livelli kollha flimkien biex jiġu indirizzati l-bosta kawżi tal-esklużjoni.

Ħafna mill-oqsma għat-titjib tal-integrazzjoni tar-Roma – bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni - huma primarjament responsabbiltajiet nazzjonali jew reġjonali. Madankollu, l-UE għandha rwol importanti li tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri u li tgħin bi strument ta' finanzjament, inklużi l-Fondi Soċjali u Strutturali, u tagħti appoġġ lil sforzi simili li qed iwettqu korpi oħrajn bħall-Kunsill tal-Ewropa.

Fil-5 ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni ressqet Qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (IP11/400, MEMO/11/216). Il-Qafas se jgħin biex jiggwida l-politiki nazzjonali tar-Roma u jimmobilizza l-fondi disponibbli fil-livell tal-UE biex iwieżen l-isforzi tal-integrazzjoni. Huwa jiffoka fuq erba' binarji: aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miri nazzjonali individwali għall-integrazzjoni tar-Rom li jirriflettu d-daqs tal-popolazzjoni ta' kull wieħed kif ukoll l-istatus attwali tal-politiki tagħhom ta' integrazzjoni.

Kif stipulat fil-Qafas tal-UE, l-Istati Membri se jkollhom jissottomettu l-istrateġiji nazzjonali għar-Rom sal-aħħar tal-20011. Se jkollhom jispeċifikaw kif se jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali fil-livell tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom. Il-Kummissjoni wara se tevalwa l-istrateġiji nazzjonali u tirrapporta lura lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fir-rebbiegħa tal-2012. Dan l-eżerċizzju se jibda jirrepeti ruħu kull sena, u b'hekk ivara reviżjoni regolari tal-progress li jkun sar fil-livell nazzjonali fi ħdan il-qafas tal-UE.

Fis-Sajf tal-2010, il-Kummissjoni Ewropea iddefendiet fil-miftuħ il-pożizzjoni li r-Rom huma ċittadini tal-UE u għandhom jibbenefikaw bis-sħiħ mill-jeddijiet tagħhom u jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE (SPEECH/10/428 u MEMO/10/502).

Għal iktar informazzjoni

L-UE u r-Rom:

http://ec.europa.eu/roma

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Sit elettroniku tat-Tkabbir, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=466&langId=mt

Il-paġna ewlenija ta' László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)

Maria Javorova (+32 2 299 89 03)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website