Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kunsill Ewropew: Il-Kummissjoni se tmexxi 'l quddiem u tintensifika l-ħidma dwar il-politika tal-migrazzjoni u l-ażil

European Commission - IP/11/781   24/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kunsill Ewropew: Il-Kummissjoni se tmexxi 'l quddiem u tintensifika l-ħidma dwar il-politika tal-migrazzjoni u l-ażil

Brussell, l-24 ta' Ġunju 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-konklużjonijiet adottati llum mill-Kunsill Ewropew dwar il-kwistjonijiet tal-ażil u l-migrazzjoni.

"Ninsab kuntenta ħafna bl-attenzjoni li ngħatat mill-Kunsill Ewropew għall-ażil, il-migrazzjoni, il-moviment ħieles tal-persuni u l-kwistjonijiet tal-fruntieri. Tabilħaqq, dawn is-suġġetti se jiffurmaw il-futur tal-Ewropa u hemm ħtieġa ċara għal impetu politiku sabiex inkomplu niżviluppaw politika komuni b'saħħitha.

L-ewwel nett, nixtieq nissottolinea l-impenn politiku ċar għall-intensifikazzjoni tan-negozjati li jinsabu għaddejjin dwar il-proposti leġiżlattivi tal-ażil, sabiex tkun tista' tiġi stabbilita Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil sal-2012. L-Ewropa teħtieġ sistema komuni tal-ażil li tkun effiċjenti iżda li fl-istess waqt tipprovdi ħarsien effettiv għal dawk li jkunu qed jaħarbu mill-persekuzzjoni u l-vjolenza. Grazzi għall-messaġġ ċar mill-Kunsill Ewropew, ninsab kunfidenti li nistgħu nilħqu l-mira tagħna fil-limitu ta' żmien stabbilit.

Ir-rikonoxximent sħiħ mill-Mexxejja Ewropej tal-moviment ħieles tal-persuni bħala prinċipju ewlieni tal-Unjoni Ewropea u bħala dritt fundamentali huwa tal-akbar importanza billi jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi mħarsa Schengen, żona mingħajr fruntieri interni. Il-kontrolli effettivi fuq il-fruntieri huma prerekwiżit essenzjali għas-salvagwardja tal-integrità ta' Schengen matul is-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni se tirrispondi għas-sejħa tal-Kunsill Ewropew għal sistema effettiva u affidabbli ta' monitoraġġ u evalwazzjoni u għal mekkaniżmu ta' salvagwardja. Mekkaniżmu bħal dan jista' jintuża f'ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna, f'sitwazzjonijiet fejn il-funzjonament globali tal-koperazzjoni ta' Schengen jista' jkun fir-riskju."

Fl-aħħar nett, nilqa' l-impenn tal-Kunsill Ewropew li jniedi djalogi dwar il-migrazzjoni mal-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar, djalogi li se jittrattaw l-aspetti kollha tal-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà. Il-Kummissjoni hija determinata li tinvolvi ruħha fi djalogi kostruttivi ta' dan it-tip fi sforz sabiex tappoġġja lil dawn il-pajjiżi fit-tranżizzjoni tagħhom lejn id-demokrazija u sabiex tippromwovi l-migrazzjoni u l-mobilità b'mod li jkun ta' benefiċċju reċiproku", qalet il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström.

Inizjattivi riċenti mill-Kummissjoni dwar il-politika tal-ażil u l-migrazzjoni ħejjew it-triq għal diskussjonijiet bejn il-Kapijiet ta' Stat u Gvern tal-UE. B'segwitu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni issa se tiffoka fuq dawn li ġejjin:

1- Li tiżgura li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil titlesta sal-2012

Il-Kunsill Ewropew bagħat sinjal ċar li jsejjaħ għal Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (CEAS) effettiva, ġusta u protettiva sal-2012.

  • Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-isforzi tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew sabiex jilħqu ftehim rapidu dwar il-pakkett tal-ażil kollu kemm hu. Il-proposti modifikati dwar id-Direttivi tal-Proċeduri tal-Ażil u tal-Kundizzjonijiet tal-Ilqugħ, adottati riċentement mill-Kummissjoni (IP/11/665 u MEMO/11/365), għandhom jiffaċilitaw in-negozjati bejn iż-żewġ koleġiżlaturi u jippermettu progress dwar l-istrumenti kollha li baqa' tas-CEAS.

2- Li ssaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni – u tiggarantixxi l-moviment ħieles tal-persuni

Huwa neċessarju li jinżammu livelli għolja ta' sigurtà fuq il-fruntieri esterni tagħna filwaqt li l-qsim tal-fruntieri jsir aktar sempliċi għal dawk li jivvjaġġaw jew jemigraw legalment lejn l-UE.

  • Il-Kummissjoni se tipproteġi l-kisba taż-żona a' Schengen bħala żona mingħajr kontrolli interni tal-fruntieri. Minbarra t-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni aktar b'saħħitha sabiex tiġi vverifikata l-applikazzjoni korretta tar-regoli ta' Schengen, il-Kummissjoni bdiet tirrifletti dwar mekkaniżmu ta' salvagwardja ta' Schengen li għandu jintuża f'sitwazzjonijiet kritiċi meta Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu fuq il-fruntieri jew meta parti partikolari mill-fruntieri tkun taħt pressjoni qawwija. Il-possibilità li jerġgħu jiġu introdotti temporanjament il-kontrolli tal-fruntieri tista' tiġi inkluża fil-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni ta' Schengen, meta ma tkun possibbli l-ebda miżura oħra u taħt kundizzjonijiet stretti. Il-Kummissjoni hija lesta li tippreżenta l-proposta tagħha fil-bidu tal-ħarifa.

  • Lejn tmiem is-sena (Diċembru), il-Kummissjoni se tippreżenta proposti leġiżlattivi dwar Sistema Ewropea tas-Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR), bil-għan li tiżgura li l-informazzjoni operattiva dwar kull inċident fuq il-fruntiera esterna tkun tista' tiġi skambjata dak il-ħin stess bejn l-Istati Membri ġirien. Is-sistema għandha tkun operattiva sal-2013.

  • Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll sistema integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri li tagħmel użu sħiħ mit-teknoloġiji l-ġodda. It-twaqqif ta' sistema Ewropea tad-Dħul/Ħruġ, li tippermetti li d-dejta dwar il-qsim tal-fruntieri minn ċittadini ta' pajjiżi terzi tkun disponibbli għall-kontrolli tal-fruntieri u l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u ta' programm tal-vjaġġatur irreġistrat, li jippermetti lil ċittadini ta' pajjiżi terzi jużaw il-kontrolli tal-fruntieri awtomatizzati li jagħmel l-aċċess għall-UE eħfef, se jiġu kkunsidrati f'Komunikazzjoni skedata għall-ħarifa ta' din is-sena. Din se tiġi segwita minn proposti leġiżlattivi fir-rebbiegħa tal-2012.

3- Li tippromwovi l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi

L-aħħar żviluppi madwar il-Baħar Mediterran jitolbu approċċ konsistenti u l-UE għandha tkun lesta sabiex tgħin, tikkopera u toffri perspettivi.

  • Il-Kummissjoni hija lesta li tidħol fi Djalogi dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mat-Tuneżija, il-Marokk u l-Eġittu. Dawn id-djalogi se jħejju t-triq sabiex jiġu konklużi Sħubijiet tal-Mobilità li jġibu flimkien il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġu ġestiti l-migrazzjoni u l-mobilità b'mod li jkun ta' benefiċċju reċiproku. Il-promozzjoni tal-kuntatti bejn in-nies, li tagħti opportunitajiet aħjar lill-istudenti, lir-riċerkaturi u lin-negozjanti sabiex jivvjaġġaw bejn l-UE u s-sħab tagħha fuq in-naħa l-oħra tal-Mediterran tista' twassal għal kontribuzzjonijiet importanti għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku tar-reġjun kollu kemm hu. Fil-futur, jistgħu jiġu kkunsidrati aktar pajjiżi fir-reġjun, inkluża l-Libja meta jiġu ssodisfati kundizzjonijiet suffiċjenti (IP/11/629 u MEMO/11/330

  • F'Novembru 2011, il-Kummissjoni se tippreżenta l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni. L-għan huwa li jkompli jiġi żviluppat approċċ Ewropew komprensiv dwar il-kwistjonijiet tal-migrazzjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi, li jġib flimkien l-oqsma differenti ta' politika tal-iżvilupp, l-affarijiet soċjali u l-impjiegi, ir-relazzjonijiet esterni u l-affarijiet interni. Dan jippermettilna li nsaħħu d-djalogu u l-koperazzjoni operattivi mas-sħab tagħna, kemm minn perspettiva fit-tul kif ukoll f'risponsi rapidi għal sitwazzjonijiet ta' kriżi u emerġenza.

Sfond

Fl-4 ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Migrazzjoni li tippreżenta l-komponenti ta' politika wiesgħa dwar il-migrazzjoni, tindirizza l-kriżi kurrenti fil-Mediterran tan-Nofsinhar u tħares ukoll lejn il-kwistjonijiet tal-migrazzjoni u l-ażil aktar fit-tul (IP/11/532 u MEMO/11/273).

Għal aktar informazzjoni

Homepage ta' Cecilia Malmström, Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Homepage tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website