Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-kuntratti finali mogħtija mill-Kummissjoni jagħmlu l-Galileo realtà

European Commission - IP/11/772   22/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-kuntratti finali mogħtija mill-Kummissjoni jagħmlu l-Galileo realtà

Brussell, it-22 ta’ Ġunju 2011 L-aħħar żewġ kuntratti, minn sitta, għall-Galileo, il-programm globali tal-Ewropa għan-navigazzjoni tas-satellita, se jiġu ffirmati fl-16.00 mill-Aġenzija Spazjali Ewropea f'isem il-Kummissjoni Ewropea, fil-fiera prestigjuża Le Bourget Aerospace ġewwa Pariġi. Il-valur magħqud taż-żewġ kuntratti hu ta' EUR 355 miljun. Il-kuntratt iffirmat ma' Thales Alenia Space (FR), għall-valur ta' EUR 281 miljun, jiżgura l-formatting tal-informazzjoni għax-xandir tan-navigazzjoni permezz tas-satelliti. Il-kuntratt iffirmat ma' Astrium (UK), għall-valur ta' EUR 73,5 miljuni, jikkonċerna l-"organizzazzjoni" tas-satelliti, inklużi l-manutenzjoni u l-pożizzjoni korretta tas-satelliti fl-orbita. L-iffirmar ta' dawn il-kuntratti huwa essenzjali għat-tnehid u l-forniment tat-tliet servizzi minn Galileo fl-2014:

1. is-Servizz Miftuħ tas-sinjal bażiku bla ħlas, li jista' jużah kulħadd,

2. is-Servizz Pubbliku Regolat magħmul minn żewġ sinjali kriptati b'aċċess ikkontrollat għall-utenti speċifiċi bħal korpi tal-gvern u

3. s-Servizz ta' Tfittxija u Salvataġġ għall-attivitajiet ta' tfittxija u salvataġġ umanitarju.

Għall-Viċi President, Antonio Tajani, il-Kummissarju Ewropew għall-intrapriża u l-politika industrijali, "L-għotja tal-kuntratti lil kumpaniji Franċiżi u tar-Renju Unit turi għal darb'oħra li l-Galileo huwa kollaborazzjoni Ewropea transkonfinali. L-iffirmar tal-kuntratti jwassal għat-tmiem tal-proċess ta' ksib strett ħafna, u l-bidu ta' kapitlu ġdid għall-Galileo. Strett ħafna – għaliex matul il-programm Galileo, fejn hu possibli, personalment jien ninsisti fuq it-tnaqqis fl-ispejjeż. Kapitlu ġdid għall-Galileo - għaliex issa qegħdin żgur fit-triq li nġibu fis-seħħ l-infrastruttura li twassal għall-forniment ta' servizzi vitali għaċ-ċittadin fl-2014. Kollha kemm aħna qegħdin inħarsu 'l quddiem għall-varar tal-ewwel żewġ satelliti Galileo mill-port Spazjali tal-French Guiana fl-20 ta' Ottubru".

Sfond

Il-kisba tas-servizzi essenzjali għall-kapaċità tat-tħaddim fis-sħiħ tal-Galileo hija maqsuma f'sitt kuntratti. F'Jannar 2010, tliet kuntratti ġew mogħtija sabiex jiżguraw is-sapport tas-sistema tal-inġinerija, satelliti u lanċjaturi (ara .IP/10/7) Ir-raba' kuntratt ġie ffirmat fi Brussell f'Ottubru 2010 ma' SpaceOpal għat-tħaddim tal-infrastruttura fl-ispazju u fuq l-art (IP/10/1382).

Il-Galileo se jirfed bosta setturi tal-ekonomija Ewropea permezz tas-servizzi tiegħu: in-netwerks tal-enerġija elettrika, il-kumpaniji ta' ġestjoni ta' flotot ta' vetturi, it-tranżazzjonijiet finanzjarji, l-industrija tat-trasport bil-baħar, l-operazzjonijiet ta' salvataġġ, il-missjonijiet ta' żamma tal-paċi se jibbenefikaw kollha mis-Servizz Miftuħ b'xejn, mis-Servizz Pubbliku Regolat u mis-Servizz ta' Tfittxija u Salvataġġ.

Barra minn hekk, lill-Ewropa, il-Galileo se jġibha indipendenti f'teknoloġija li qed issir kritika, inkluż f'oqsma bħad-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni. Il-Galileo mistenni li jiġġenera EUR 60 biljun għall-ekonomija Ewropea f'perjodu ta' 20 sena f'termini ta' introjti addizzjonali għall-industrija u f'termini ta' benefiċċji pubbliċi u soċjali, mingħajr ma jitqies il-benefiċċju tal-indipendenza.

Il-Galileo se jipprovdi tliet servizzi bikrija fl-2014/2015 ibbażati fuq kostellazzjoni inizjali ta' 18-il satellita: Servizz Miftuħ inizjali, Servizz Pubbliku Regolat inizjali u Servizz ta' Tfittxija u Salvataġġ inizjali. Servizzi oħrajn li ġejjin iktar tard se jkopru Servizz Kummerċjali li jgħaqqad żewġ sinjali kriptati għal rata ogħla ta' twassil tad-dejta u ta' iktar preċiżjoni fl-awtentikazzjoni tad-dejta.

EGNOS (European Geostationary Navigation Overlay Service) huwa s-sistema ta' awmentazzjoni reġjonali għas-sinjali tal-GPS tal-Ewropa. Din is-sistema wittiet it-triq għall-Galileo. Is-servizz miftuħ tal-EGNOS ilu jaħdem minn Ottubru 2009, u l-Kummissjoni dan l-aħħar nidiet is-servizz "Safety-of-Life" tal-EGNOS għall-avjazzjoni. Ara IP/11/247

Contacts :

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Andrea Maresi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website