Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Inċentivi kbar favur l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

Brussell, it-22 ta’ Ġunju 2011 – L-irħas tip ta’ enerġija hija dik li ma nużawx Bdejna ngħoddu l-ġranet sabiex niksbu l-mira tal-Ewropa ta’ 20 % iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-2020. Jekk fis-snin li ġejjin ma jinbidel xejn, l-UE se tikseb biss nofs il-mira. Dan jhedded il-kompetittività tagħna, il-ġlieda tagħna biex innaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u s-sigurtà tal-provvista tagħna. Dan għadu spiża ewlenija fil-kont ta’ kull konsumatur. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi sett ġdid ta’ miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sabiex jiġi eliminat dan in-nuqqas u l-UE terġa’ taqbad it-triq it-tajba. Din il-proposta għal din id-Direttiva l-ġdida tressaq miżuri sabiex jiżdiedu l-isforzi tal-Istati Membri biex l-enerġija tintuża b’mod iżjed effiċjenti fl-istadji kollha tal-katina tal-enerġija – mit-trasformazzjoni tal-enerġija u t-tqassim tagħha sal-konsum aħħari tagħha.

“Il-proposta tagħna għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza fil-mod kif nużaw l-enerġija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u li tgħin liċ-ċittadini, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-industrija jimmaniġġjaw aħjar il-konsum tagħhom tal-enerġija. Dan għandu jwassal ukoll għal tnaqqis fil-kont tal-enerġija. Il-proposta toħloq ukoll potenzjal kbir għal impjiegi ġodda madwar l-UE kollha” qal Günther Oettinger, il-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija.

Fil-qosor, il-Kummissjoni qed tipproponi l-miżuri sempliċi, iżda ambizzjużi, li ġejjin:

  • Obbligu legali li fl-Istati Membri kollha jiġu stabbiliti skemi għall-iffrankar tal-enerġija: id-distributuri tal-enerġija jew il-kumpaniji li jbigħu l-enerġija bl-imnut se jkollhom l-obbligu li kull sena jiffrankaw 1.5 % tal-bejgħ tagħhom tal-enerġija, bil-volum, billi jimplimentaw miżuri favur l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bħal miżuri biex itejbu l-effiċjenza tas-sistema tat-tisħin, l-istallazzjoni ta twieqi bi ħġieġ doppju u l-użu ta materjali li jservu għall-iżolament fis-soqfa, fost il-klijenti aħħarin tal-enerġija. Bħala alternattiva, l-Istati Membri għandhom ukoll il-possibbiltà li jipproponu mekkaniżmi oħrajn għall-iffrankar tal-enerġija, pereżempju permezz ta’ programmi ta’ finanzjamnt jew ftehimiet volontarji li jwasslu għall-istess riżultati iżda li ma jissejsux fuq obbligu min-naħa tal-kumpaniji tal-enerġija.

  • Is-settur pubbliku għandu jmexxi bl-eżempju tiegħu: il-korpi pubbliċi se jagħmlu sforzi sabiex is-suq jadotta prodotti u servizzi li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti billi se jkollhom l-obbligu legali li jixtru bini, prodotti u servizzi li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti. Barra minn hekk, huma se jkollhom inaqqsu bil-mod il-mod l-enerġija użata fil-bini tagħhom billi kull sena jwettqu x-xogħlijiet ta’ restawr meħtieġa li jkopru mill-inqas 3 % tal-erja tal-art kollha tagħhom.

  • Iffrankar ewlieni tal-enerġija għall-konsumaturi: aċċess ħafif u bla ħlas għal dejta dwar il-konsum tal-enerġija storiku u f’ħin reali tagħhom permezz ta’ kejl individwali iktar preċiż bil-miter se jagħti s-setgħa lill-konsumaturi li jimmaniġġjaw aħjar il-konsum tagħhom tal-enerġija. Il-kontijiet għandhom jissejsu fuq il-konsum reali u jkunu jirriflettu sewwa d-dejta mill-kejl bil-miter.

  • L-industrija: Inċentivi biex l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jsirulhom verifiki tal-enerġija u sabiex jixterdu l-aqwa prattiki, filwaqt li l-kumpaniji l-kbar issirilhom verifika tal-konsum tal-enerġija tagħhom sabiex din tgħinhom jidentifikaw il-potenzjal tagħhom biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija.

  • L-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tal-enerġija: il-monitoraġġ tal-livelli tal-effiċjenza ta’ kapaċitajiet ġodda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-istabbiliment ta’ pjanijiet nazzjonali għat-tisħin u t-tkessiħ bħala l-bażi għal ippjanar sod ta’ infrastrutturi effiċjenti għat-tisħin u t-tkessiħ, inkluż l-irkupru tas-sħana mormija.

  • It-trażmissjoni u t-tqassim tal-enerġija: l-ilħiq ta’ kisbiet fl-effiċjenza billi jiġi żgurat li r-regolaturi nazzjonali tal-enerġija jqisu l-kriterji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fid-deċiżjonijiet tagħhom, b’mod partikulari meta jkunu qed japprovaw it-tariffi tan-netwerks.

Il-kuntest

Il-proposta tal-Kummissjoni qed tinħareġ wara l-aħħar sejħiet għall-azzjoni li għamlu l-Kunsill Ewropew (fl-4 ta’ Frar 2011), il-Kunsill tal-Enerġija (fl-10 ta’ Ġunju 2011) u l-Parlament Ewropew sabiex tinkiseb il-mira li l-konsum tal-enerġija tal-UE previst għall-2020 jitnaqqas b’20 %. Mill-aħħar stimi li għamlet il-Kummissjoni, u meta jitqiesu l-miri nazzjonali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li l-Istati Membri stabbilixxew għalihom infushom għall-2020 fil-kuntest tal-istrateġija msejħa “Ewropa 2020”, jidher li l-UE għadha lura ferm milli tilħaq l-għan tagħha.

Sabiex tiffaċċja din l-isfida, il-Kummissjoni Ewropea l-ewwel kienet ressqet, fit-8 ta’ Marzu 2011, Pjan ġdid għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, li fih ipproponiet għadd ta’ miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li għandhom jiġu implimentati fis-setturi ekonomiċi kollha sabiex tkun iffrankata iktar enerġija. Dan il-pjan intlaqa’ tajjeb mill-Kunsill tal-Enerġija u mill-Parlament Ewropew.

Illum, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-proposta leġiżlattiva għal Direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li tibdel ħafna mill-azzjonijiet ewlenin li ġew proposti f’dan il-Pjan għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija f’miżuri li jorbtu. Din il-proposta tissejjes fuq id-Direttivi eżistenti għall-koġenerazzjoni u għas-servizzi tal-enerġija1, u tgħaqqadhom fi strument legali komprensiv wieħed li jindirizza l-kwistjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-oqsma tal-provvista tal-enerġija u tal-konsum aħħari tal-enerġija.

Id-Direttiva tipprevedi wkoll li, fl-2014, il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress li jkun sar lejn l-ilħiq tal-għan tal-UE għall-2020 li jkun hemm 20 % iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u, jekk ikun hemm bżonn, se tagħmel proposta leġiżlattiva oħra sabiex jiġu stabbiliti miri nazzjonali obbligatorji għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Għal aktar tagħrif ara:

Id-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija:

http://ec.europa.eu/energy/efficiency/eed/eed_en.htm.

Għal iktar tagħrif, jekk jogħġbok ara wkoll MEMO/11/440.

Persuni ta’ kuntatt:

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)

1 :

Id-Direttiva 2004/8/KE dwar il-koġenerazzjoni u d-Direttiva 2006/32/KE dwar l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar is-servizzi tal-enerġija.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site