Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tfal u l-familji se jibbenefikaw minn regoli ġodda tal-UE dwar il-pagamenti tal-manteniment

European Commission - IP/11/763   21/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

It-tfal u l-familji se jibbenefikaw minn regoli ġodda tal-UE dwar il-pagamenti tal-manteniment

Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2011 – Skont regoli ġodda tal-UE li bdew japplikaw minn din il-ġimgħa, it-tfal madwar l-UE se jibdew jibbenefikaw aktar malajr minn pagamenti tal-manteniment meta l-familji jinfirdu. Quddiem sitwazzjoni fejn huwa stmat li hemm 16-il miljun koppja internazzjonali fl-UE, u miljun divorzju fis-sena, aktar u aktar familji jeħtiġilhom jirkupraw il-ħlasijiet ta' manteniment meta xi ħadd mill-ġenituri jkun jgħix barra mill-pajjiż u meta dan jiċħad li jipprovdi għajnuna finanzjarja. Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu sistema li topera madwar l-UE kollha biex jiġi ffaċilitat l-irkupru ta’ pagamenti tal-manteniment, sabiex ġenituri li mhumiex fil-pajjiż ma jkunux aktar jistgħu jaħarbu l-obbligi tagħhom.

“L-interessi tat-tfal għandhom dejjem jiġu qabel kollox. Dawn ir-regoli se jiżguraw li huma jibqgħu jirċievu l-appoġġ finanzjarju jekk ġenitur ikun jgħix il-bogħod minnhom f’pajjiż ieħor tal-UE,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja.

Bħalissa, l-Ewropej jistgħu jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi meta jkun qed jippruvaw jirkupraw l-għajnuna għat-tfal u forom oħra ta' manteniment mingħand xi ħadd li jgħix f'pajjiż ieħor tal-UE, bħal meta koppja tiddivorzja u ġenitur wieħed imur jgħix barra l-pajjiż. Dan jista’ jwassal għal piżijiet konsiderevoli għall-ġenituri u t-tfal, sew f'dawk li għandu x’jaqsam mal-qagħda finanzjarja tagħhom, kif ukoll ma’ dik psikoloġika. Barra minn dan, il-gvernijiet ħafna drabi jkollhom iħallsu biex jikkumpensaw għan-nuqqasijiet ta' min imissu jħallas.

Ir-regoli l-ġodda se jippermettu lin-nies biex jirkupraw b’mod effettiv it-talbiet tagħhom ta' manteniment f'sitwazzjonijiet transkonfinali. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, deċiżjoni dwar obbligi ta’ manteniment f’pajjiż wieħed tal-UE se tkun infurzabbli f’pajjiż ieħor mingħajr ma jkun hemm xi proċedura speċjali. Dan se jħaffef il-proċeduri u l-ġenituri jiffrankaw il-flus. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali biex tingħata assistenza f’dak li għandu x’jaqsam ma' applikazzjonijiet għall-manteniment.

Sfond

Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-esekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment ġie adottat fit-18 ta' Diċembru 2008. Ir-Regolament beda japplika bejn Stati Membri tal-UE fit-18 ta’ Ġunju 2011.

Fuq livell globali, il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Manteniment tal-2007 tistabbilixxi sistema dinjija sabiex jiġi rkuprat il-manteniment tat-tfal u ħlasijiet oħra ta' manteniment tal-familja. L-UE iffirmat il-Konvenzjoni fis-6 ta’ April 2011. (IP/11/441) Il-Konvenzjoni toħloq qafas legali komuni bejn pajjiżi tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE, sabiex l-awtoritajiet jikkooperaw fl-infurzar ta' talbiet ta' manteniment u hekk min għandu jħallas ma jistax aktar jevita li jagħmel dan billi jħalli l-UE.

Il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tar-Regolament mill-Istati Membri individwali sabiex tiżgura li r-rekwiżiti tar-Regolament jintlaħqu. Il-Kummissjoni tkun tista’ mbagħad tieħu l-miżuri kollha xierqa, f’każ ta’ bżonn.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website