Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

L-Aġenda Diġitali: żewġ siti biss tan-netwerking soċjali jipproteġu awtomatikament il-privatezza tal-profili tal-minuri

Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2011. Żewġ siti biss tan-netwerking soċjali (Bebo u MySpace), li ġew eżaminati f’isem il-Kummissjoni Ewropea, għandhom konfigurazzjoni awtomatika li tagħmel il-profili tal-minuri aċċessibbli biss għal min jinsab fil-lista ta’ kuntatti approvati tagħhom, u erba’ siti biss jiżguraw awtomatikament li l-minuri jistgħu jiġu kkuntattjati mill-ħbieb biss (Bebo, MySpace, Netlog u SchuelerVZ). Madankollu, il-maġġoranza tas-siti tan-netwerking soċjali eżaminati, jiġifieri 14, jagħtu lill-minuri informazzjoni dwar is-sikurezza li hija adattata għall-età tagħhom, jirrispondu għal talbiet għall-għajnuna u ma jħallux il-profili tal-minuri jitfittxu permezz ta’ magni tat-tiftix esterni. L-għadd ta’ minuri li jużaw is-siti tan-netwerking soċjali fl-UE qed jiżdied – bħalissa, 77 % ta’ dawk li għandhom bejn it-13 u s-16-il sena u 38 % ta’ dawk li għandhom bejn id-9 u t-12-il sena jużaw l-internet.

Dawn ir-riżultati jidhru f’rapport li għadu kif ġie ppubblikat mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-“Prinċipji ta’ Netwerking Soċjali iktar Sikur għall-UE”, ftehim awtoregolatorju nnegozjat mill-Kummissjoni fl-2009 għas-sikurezza tat-tfal onlajn (ara d-dokument IP/09/232). Bħala parti mill-għan stipulat mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara d-dokumenti IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200) biex tiżdied il-fiduċja fl-internet, il-Kummissjoni nediet analiżi tal-ftehimiet awtoregolatorji attwali dwar il-ħarsien tal-minuri onlajn.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet: “Ninsab diżappuntata li bosta siti tan-netwerking soċjali mhux qed jiżguraw li l-profili tal-minuri jkunu awtomatikament aċċessibbli biss għall-kuntatti approvati tagħhom. Jien se nħeġġiġhom jieħdu impenn ċar biex jirranġaw dan f’verżjoni riveduta tal-ftehim awtoregolatorju li qed niddiskutu bħalissa, mhux biss sabiex il-minuri jitħarsu mill-kuntatti mhux mixtieqa, iżda wkoll sabiex titħares ir-reputazzjoni tagħhom fuq l-internet. It-tfal u ż-żgħażagħ ma jifhmux kompletament il-konsegwenzi li jista’ jkun hemm meta wieħed jiżvela wisq fuq l-internet dwar il-ħajja personali tiegħu. Jeħtieġ li jkun hemm edukazzjoni u gwida min-naħa tal-ġenituri, iżda jeħtieġ ukoll li nsostnu dan bil-protezzjoni sa ma t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet ibbażati fuq għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tagħhom.”

Il-possibbiltà li wieħed jimmarka min hu min fir-ritratti, offruta mis-servizzi tan-netwerking soċjali kważi kollha, jagħmilha faċli ferm li wieħed ifittex ir-ritratti ta’ xi ħadd partikulari onlajn. Iż-żgħażagħ jistgħu jħabbtu wiċċhom ukoll ma’ riskji oħrajn onlajn, fosthom it-tħejjija għall-abbuż sesswali u l-ibbulijar elettroniku. It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom bżonn l-għodod ix-xierqa tas-sikurezza sabiex jimmaniġġjaw l-identità tagħhom ta’ fuq l-internet b’mod responsabbli.

Fl-istħarriġ li sar bejn Diċembru 2010 u Jannar 2011, ġew eżaminati 14-il sit tal-internet: Arto, Bebo, Facebook, Giovani.it, Hyves, Myspace, Nasza-klaza.pl, Netlog, One.lt, Rate.ee, SchülerVZ, IRC Galleria, Tuenti u Zap.lu. Disa’ siti oħra se jiġu eżaminati aktar tard din is-sena.

Ir-rapport juri li:

  • 13 minn 14-il sit eżaminati jipprovdu informazzjoni dwar is-sikurezza u gwida u/jew materjali edukattivi speċifikament immirati għall-minuri (kollha ħlief Arto);

  • l-informazzjoni dwar is-sikurezza għall-minuri hija pjuttost ċara u adattata għall-età tagħhom fuq is-siti kollha li jagħtuha u sar progress tajjeb mill-ewwel valutazzjoni li saret is-sena l-oħra (ara d-dokument IP/10/144). Madankollu, fuq bosta siti tal-internet għadu diffiċli li wieħed isib din l-informazzjoni;

  • il-mekkaniżmi ta’ rrappurtar huma aktar effettivi llum milli kienu fl-2010. Għaxra mill-erbatax-il sit eżaminati wieġbu għar-rapporti tal-utenti li talbu għall-għajnuna, meta mqabbla ma’ ħamsa biss mill-erbatax-il wieħed fl-2010. Fil-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet, it-tweġibiet waslu f’inqas minn ġurnata;

  • disa’ siti (Arto, Bebo, Facebook, Giovani, Hyves, Netlog, One, Rate u SchuelerVZ) jipprovdu Termini tal-Użu li jinftehmu faċilment mill-minuri u/jew verżjoni tat-Termini tal-Użu jew tal-Kodiċi tal-Kondotta li hija adattata għat-tfal;

  • Bebo, Facebook, Myspace, Nasza-Klasa, One, Rate u SchuelerVZ jipprovdu informazzjoni dwar is-sikurezza għat-tfal u l-ġenituri li tista’ tinstab kif ukoll tinftiehem faċilment.

Barra minn hekk, ir-rapport juri li:

  • huma biss Bebo u MySpace li jiżguraw li l-profili tal-minuri huma awtomatikament aċċessibbli biss għal-lista ta’ kuntatti approvati tagħhom;

  • huma biss Bebo, MySpace, Netlog u SchuelerVZ li jiżguraw li l-minuri jistgħu jiġu kkuntattjati awtomatikament biss minn min jinsab fil-lista ta’ kuntatti approvati tagħhom;

  • l-għaxar siti l-oħra eżaminati ppermettew lill-“ħbieb tal-ħbieb” (ħbieb ta’ min jinsab fil-lista ta’ kuntatti approvati tagħhom li m’għandhomx konnessjoni diretta mal-utent, jiġifieri jistgħu ma jkunux jafuhom) u/jew lil dawk li mhumiex ħbieb jikkuntattjaw lill-minuri permezz ta’ messaġġi personali u/jew kummenti fuq il-profili pubbliċi tagħhom (pereżempju fuq ir-ritratti, l-blogs, eċċ.);

  • 12 mill-14-il sit tal-internet (kollha ħlief Rate u Zap) jagħmluha impossibbli li l-profili tal-minuri jinstabu permezz ta’ magni tat-tiftix esterni bħall-Google jew Yahoo!, meta mqabbla ma’ sitt siti tal-internet fl-2010. Madankollu, fuq bosta mis-siti tal-internet il-profili tal-minuri setgħu jinstabu minn utenti oħrajn li mhumiex ħbieb tagħhom permezz tal-magni tat-tiftix interni.

Skont stħarriġ tal-proġett imsejjaħ “EUKidsOnline” li sar aktar kmieni din is-sena (ara d-dokument IP/11/479), 56 % ta’ dawk bejn il-11 u t-12-il sena u 78 % ta’ dawk bejn il-15 u s-16-il sena jgħidu li jafu kif ibiddlu l-konfigurazzjonijiet tal-privatezza fuq il-profil tan-netwerk soċjali tagħhom.

Il-kuntest

Sal-lum, 21 kumpanija ffirmaw il-Prinċipji ta’ Netwerking Soċjali iktar Sikur: Arto, Bebo, Dailymotion, Facebook, Giovani, Google, Hyves, Microsoft Europe, MySpace, Nasza-klasa, Netlog, One, Rate, Skyrock, VZnet Netzwerke, Stardoll, Sulake, Tuenti, Yahoo! Europe u Zap. F’Novembru 2010 ffirmathom ukoll il-kumpanija Wer-kennt-wen, iżda din ma ġietx eżaminata fil-valutazzjoni attwali.

Għal iktar tagħrif ara:

Il-Prinċipji ta’ Netwerking Soċjali iktar Sikur għall-UE u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/social_networking/eu_action/implementation_princip_2011/index_en.htm

Il-Programm għal internet iktar sikur:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/index_en.htm

Il-proġett imsejjaħ “EUKidsOnline”:

http://www2.lse.ac.uk/media@lse/research/EUKidsOnline/Home.aspx

Is-sit tal-internet tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/digital-agenda

Is-sit tal-internet ta’ Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Persuni ta’ kuntatt:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website