Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Jiġu onorati r-rebbieħa tal-2011 tal-Premju tal-UE għall-Arkitettura Kontemporanja/il-Premju Mies van der Rohe

Brussell/Barċellona, l-20 ta' Ġunju 2011 – Ir-rebbieħa tal-2011 tal-Premju tal-UE għall-Arkitettura Kontemporanja/ il-Premju Mies van der Rohe ġew onorati llum f'Barċellona. David Chipperfield Architects b'kollaborazzjoni ma' Julian Harrap rebħu l-premju ewlieni għall-bini mill-ġdid tagħhom tal-Mużew Neues f'Berlin u Ramon Bosch u Bet Capdeferro ħadu l-premju "aċċenn speċjali għall-periti emerġenti" għall-Collage House f'Ġirona. Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, Androulla Vassiliou, u Ramón García Bragado, President tal-Fondazzjoni Mies van der Rohe, ippreżentawlhom skulturi tal-artist Katalan Xavier Corberó u premijiet fi flus li jammontaw għal EUR 60,000 u EUR 20,000 rispettivament. Wara ċ-ċerimonja, ir-rebbieħa se jagħtu taħditiet pubbliċi nhar il-21 ta' Ġunju.

"Nittama li dan il-premju se jħeġġeġ aktar investituri privati u pubbliċi biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lit-talent immens li għandna fl-Ewropa fil-qasam tal-arkitettura kontemporanja. Ninsab ċerta li David Chipperfield se jibqa' joħloq bosta proġetti splendidi oħrajn, u nawgura lil Ramon Bosch u lil Bet Capdeferro karriera internazzjonali mimlija suċċess fil-ġejjieni," qalet il-Kummissarju Vassiliou.

Iż-żewġ proġetti rebbieħa kienu t-tnejn li huma jinvolvu taħlita ta' materjali qodma u ġodda, u taw ħajja ġdida lill-istrutturi diġà eżistenti. Ara IP/11/453

Apparti li jirrikonoxxi l-eċċellenza, il-Premju tal-UE għall-Arkitettura Kontemporanja/il-Premju Mies van der Rohe huwa wkoll ta' inkoraġġiment għall-periti biex dawn jaħdmu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom u jikkontribwixxu fit-trawwim ta' Ewropa aktar b'saħħitha u aktar kreattiva, b'konformità mal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020.

Il-premju jista' jwassal għal kummerċ ġdid. Ir-rebbieħ tal-premju tal-2009, Tarald Lundevall, tal-kumpanija Norveġiża SNØHETTA, qal: "Tana ħafna aktar viżibilità fuq livell internazzjonali u għenna nirbħu kummissjonijiet ġodda."

Ir-rebbieħa tal-premju speċjali għall-periti emerġenti tal-2009, Lea Pelivan u Toma Plejić ta' STUDIO UP (Żagreb, il-Kroazja) qalu: "Kien unur kbir ħafna għalina li ngħatajna premju għall-ewwel xogħol tagħna li nbena, kif ukoll stimulu qawwi. L-uffiċċju tagħna sar magħruf fid-dinja globali tal-arkitettura mall-ewwel. Il-premju mhuwiex biss privileġġ, iżda huwa wkoll responsabbiltà biex fil-ġejjieni noħolqu proġetti kbar."

It-Tnax-il ċerimonja tal-premijiet inzertat fil-ġurnata tal-25 anniversarju mill-inawgurazzjoni tal-bini mill-ġdid tal-Padiljun Mies van der Rohe f'Ġunju tal-1986.

Sfond

Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Arkitettura Kontemporanja/il-Premju Mies van der Rohe li tnieda fl-1987, huwa l-aktar premju prestiġjuż fl-arkitettura Ewropea. Dan jiġi ppreżentat kull sentejn.

Fl-2011, ir-rebbieħa ntgħażlu minn 343 biċċa xogħol ippreżentati minn 33 pajjiż Ewropew. Sitt xogħlijiet ntagħżlu bħala kandidati għall-premju ewlieni. Ara IP/11/341. Il-finalisti l-oħra kienu: Bronks Youth Theatre (Brussell, il-Belġju, imfassal minn Martine De Maeseneer, Dirk Van den Brande); MAXXI: Il-Mużew tal-Arti tas-Seklu XXI (Ruma, l-Italja, minn Zaha Hadid, Patrick Schumacher, Gianluca Racana); Is-Sala tal-Kunċerti tar-Radju Daniż (Kopenħagen, id-Danimarka, minn Jean Nouvel); Il-Mużew tal-Akropoli (Ateni, il-Greċja, minn Bernard Tschumi) u ċ-Ċentru ta' Rijabilitazzjoni Groot Klimmendaal (Arnhem, il-Pajjiżi l-Baxxi, minn Koen van Velsen).

Il-membri tal-ġurija li għażlu l-finalisti għall-2011 huma: Mohsen Mostafavi, il-President tal-Ġurija/id-Dekan, Graduate School of Design, Harvard University, Cambridge, l-Istati Uniti tal-Amerika; Ole Bouman, id-Direttur, Nederlands Architectuurinstituut, Rotterdam; Yvonne Farrell, Grafton Architects, Dublin; Annette Gigon, Gigon/Guyer, Zürich; Anne Lacaton, Lacaton & Vassal Architectes, Pariġi; Tarald Lundevall, Perit, SNØHETTA, Oslo; Pei Zhu, Beijing, iċ-Ċina, u Lluís Hortet, Segretarju tal-Ġurija/id-Direttur ta' Fundació Mies van der Rohe.

L-arkitettura tagħti kontribut sinifikanti lill-ekonomija tal-UE u tirrappreżenta parti importanti mill-industriji kulturali u kreattivi li jipprovdu impjieg għal 8,5 miljun ruħ fl-UE u tikkontribwixxi 4,5 % lill-PDG tal-Ewropa. Il-Programm Kulturali tal-UE – li għall-2007-2013 għandu baġit ta' EUR 400 miljun, jappoġġa proġetti ta' kooperazzjoni fl-oqsma tal-arkitettura u l-wirt kulturali f'36 pajjiż (is-27 Stati Membri, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija u l-Bosnja-Ħerżegovina).

Il-Fondazzjoni Mies van der Rohe

Il-Fondazzjoni Mies van der Rohe (Fundació Mies van der Rohe) twaqqfet fl-1983 mill-muniċipju ta' Barċellona bl-iskop inizjali li jinbena mill-ġdid il-Padiljun Ġermaniż, imfassal oriġinarjament minn Ludwig Mies van der Rohe (1886-1969) għall-Wirja Internazzjonali ta' Barċellona tal-1929. Minbarra li tippreserva u tmexxi l-Padiljun, din il-Fondazzjoni tiffoka wkoll fuq: il-promozzjoni tad-dibattitu dwar l-arkitettura kontemporanja u l-urbaniżmu; il-bini ta' arkivju dokumentarju dwar Ludwig Mies van der Rohe kif ukoll dwar l-arkitettura moderna u kontemporanja; u l-organizzazzjoni ta' premijiet, korsijiet, lekċers, wirjiet, pubblikazzjonijiet u studji relatati.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/culture/our-programmes-and-actions/doc1103_en.htm

http://ec.europa.eu/culture

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/vassiliou/index_en.htm

http://www.miesarch.com

Persuni ta' kuntatt :

Dennis Abbott : +32 (0)2.295.92.58

Dina Avraam: +32 (0)2.295.96.67

Fundació Mies Van der Rohe:

Jordi García / Eva Salvó: +34 93 215 10 11

Mail: press@miesbcn.com


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website