Navigation path

Left navigation

Additional tools

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar is-sostenn għas-settur tal-films

European Commission - IP/11/757   20/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar is-sostenn għas-settur tal-films

Brussell, l-20 ta' Ġunju 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea varat konsultazzjoni pubblika bħala l-ewwel pass għal reviżjoni tal-kriterji li jintużaw biex jiġu applikati r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat fl-UE għas-sostenn finanzjarju li jagħtu l-Istati Membri għall-ħdim u d-distribuzzjoni tal-films. Il-Komunikazzjoni attwali dwar iċ-Ċinema għandha għaxar snin. Il-Kummissjoni ppubblikat dokument tematiku li jidentifika oqsma għar-riflessjoni, bħall-kompetizzjoni biex jiġu attirati produzzjonijiet ewlenin tal-films bl-użu tal-għajnuna mill-istat, u sostenn għal attivitajiet apparti l-produzzjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom sat-30 ta' Settembru 2011.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-politika tal-kompetizzjoni Joaquín Almunia kkummenta: "Qabel infasslu r-regoli futuri dwar l-għajnuna mill-istat għal dan is-settur importanti, il-kollegi tiegħi u jien irridu niġbru l-fehmiet dwar x'għandu jkun l-objettiv komuni Ewropew għal tali sostenn. Pereżempju, tellieqa ta' sussidji biex jattiraw produzzjonijiet ewlenin mill-Istati Uniti timmina l-effettività tal-għajnuna mill-istat għas-sostenn ta' films Ewropej fuq skala izgħar. L-iskop tar-regoli tagħna jeħtieġ imur lil hinn mill-inkoraġġiment tal-produzzjoni ta' iktar films? U huwa meħtieġ sotenn biex min jipproduċi l-films ikun imħajjar jesplora l-possibbiltajiet tar-rivoluzzjoni diġitali? Huwa biss meta jkollna stampa iktar ċara ta' kwistjonijiet bħal dawn li nkunu nistgħu nibdew niżviluppaw regoli xierqa dwar l-għajnuna mill-istat."

It-temi għad-diskussjoni fil-konsultazzjoni huma:

  • il-kompetizzjoni bejn ċerti Stati Membri biex jużaw l-għajnuna mill-istat biex jiġbdu lejhom investiment mill-kumpaniji kbar tal-produzzjoni tal-films, l-aktar mill-Istati Uniti

  • sostenn għal aspetti apparti l-produzzjoni tal-films u xogħlijiet televiżivi (ngħidu aħna d-distribuzzjoni u l-projezzjoni diġitali)

  • obbligi ta' nfiq fit-territoriju imposti mill-iskemi ta' sostenn għall-films u

  • jekk ir-regoli speċifiċi dwar l-għajnuna mill-istat fis-settur awdjo-viżiv jistgħux jew għandhomx ikunu adattati għal teknoloġiji ġodda, kunċetti kreattivi ġodda u mġiba tal-konsumaturi li qed tinbidel.

L-Istati Membri tal-UE jipprovdu madwar €2.3 biljun fis-sena f'sostenn għall-films: l-għotjiet u self b'imgħax baxx jammontaw għal €1.3 biljun u €1biljun f'inċentivi fiskali. Madwar 80% ta' dawn huma għall-produzzjoni tal-films. Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja joffru l-parti l-kbira ta' dan is-sostenn finanzjarju.

Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni ssegwi l-estensjoni tal-kriterji ta' evalwazzjoni attwali dwar l-għajnuna mill-istat f'Jannar 2009 (IP/09/138) sal-31 ta' Diċembru 2012. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għall-produzzjoni tal-films bħalissa hija bbażata fuq ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat indikati fil-Komunikazzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema (IP/01/1326). Rigward it-tipi l-oħra ta' sostenn fis-settur tal-films, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni spiss tirreferi għar-regoli fil-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema meta tevalwa l-miżuri skont l-Artikolu 107.3(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, li jippermetti għajnuna ta' karattru kulturali.

Ara l-Memo/11/428 għal mistoqsijiet u tweġibiet dwar it-tnedija tar-reviżjoni.

Id-dokument tematiku u informazzjoni oħra dwar il-konsultazzjoni pubblika huma ppubblikati f'

http://ec.europa.eu/competition/consultations/2011_state_aid_films/index_en.html .

Il-kummenti għandhom jintbagħtu sat-30 ta’ Settembru tal-2011 lil:

Stateaidgreffe@ec.europa.eu

Sfond

Il-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema attwali (ara IP/01/1326) tistipula l-kriterji li ġejjin sabiex għajnuna mill-istat ta' dan it-tip tibbenefika mill-eċċezzjoni kulturali li hemm fit-Trattat għall-projbizzjoni ġenerali fuq għajnuna mill-istat:

  • l-għajnuna trid tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (pereżempju ma jistax ikollha impatt fuq is-suq intern)

  • l-għajnuna trid tkun immirata lejn prodott kulturali. Kull Stat Membru jrid jiżgura li l-kontenut tal-produzzjoni li jirċievi l-għajnuna jkun kulturali skont kriterji nazzjonali verifikabbli (bl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà)

  • il-produttur għandu jkun liberu li jonfoq mill-inqas 20% tal-baġit tal-film fi Stati Membri oħra mingħajr ma jġarrab tnaqqis fl-għajnuna pprovduta skont l-iskema

  • bħala prinċipju l-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 50% tal-baġit għall-produzzjoni, b'eċċezzjoni ta' films diffiċli jew li għalihom hemm disponibbli baġit baxx.

  • l-għajnuna ma tistax tipprovdi għal attivitajiet supplimentari speċifiċi għall-ħdim ta' film (pereżempju il-post-produzzjoni).

Kuntatti :

Amelia Torres (+32 2 295 46 29)

Maria Madrid Pina (+32 2 295 45 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website