
Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa
EUR 113-il miljun għall-programm tal-2012 għall-persuni l-aktar fil-bżonn
Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2011 – Ġie stabbilit il-valur totali tal-fondi għal EUR 113 miljun għall-programm tal-2012 għall-provvista tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea, bl-allokazzjonijiet preċiżi ffissati għal kull Stat Membru [ara l-Annessi]. Dan huwa tnaqqis kbir minn kważi EUR 500 miljun li ngħataw fis-snin reċenti minħabba deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’April li biha ddikjarat li r-regolament attwali jirrikjedi li l-ikel kopert minn din l-iskema għandu jiġi mill-ħażniet pubbliċi tal-UE. Għaldaqstant, l-iskema tal-2012 hija bbażata esklussivament fuq il-ħażniet eżistenti tal-intervent kollha (162 000 tunnellata ta’ ċereali u 54 000 tunnellata ta’ trab tal-ħalib xkumat f’intervent).
Il-Kummissjoni pprevediet din il-problema potenzjali u fl-2008 pproponiet għall-ewwel darba li tibdel l-iskema. Minkejja l-appoġġ mill-Parlament Ewropew, dan baqa' mhux approvat mill-Kunsill. Bil-għan li d-dokument jitressaq ’il quddiem, il-Kummissjoni ressqet proposta riveduta f’Settembru li għadda. Sfortunatament anke din ma kinitx approvata mill-Kunsill.
Għalkemm il-medja tal-istandards tal-għejxien fl-UE hija waħda mill-ogħla fid-dinja, ċerti persuni ma għandhomx biżżejjed x'jieklu. Madwar 43 miljun persuna fl-UE jinsabu f'riskju ta’ faqar alimentari, li jfisser li dawn ma jaffordjawx jieklu ikla xierqa kull jumejn. Il-programm għall-aktar persuni fil-bżonn jappoġġja l-provvista tal-ikel lil dawn l-individwi jew speċjalment lill-familji vulnerabbli li jsibu ruħhom f’diffikultajiet. Fl-2009 aktar minn 440 000 tunnellata ta’ prodotti tqassmu lil 18-il miljun persuna f'19-il Stat Membru. L-organizzazzjonijiet karitattivi u l-NGOs jistrieħu fuq il-parteċipazzjoni tal-UE biex jgħinu lil dawn il-persuni fil-bżonn. Għaldaqstant huwa kruċjali li tinsab soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun biex jintgħelbu l-problemi eżistenti u biex ikunu jistgħu jintużaw il-flus disponibbli.
Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Dacian Cioloș, saħaq fuq l-importanza ta’ din l-iskema. "Għalina din l-iskema tfisser impenn politiku – u l-importanza tagħha hija rikonoxxuta minn diversi organizzazzjonijiet karitattivi u NGOs madwar l-UE. Għaldaqstant, irridu nsibu mezz ħalli nissoktaw bl-iskema f’perjodu ta’ żmien medju u fit-tul li tkun b’mod ċar konformi mas-sitwazzjoni legali. L-aktar soluzzjoni faċli għandha tkun li l-Istati Membri jaqblu mal-proposta li tinsab fuq il-mejda u li diġà għandha l-appoġġ tal-Parlament Ewropew."
Sfond
“Il-Programm ta’ Tqassim tal-Ikel lill-Persuni l-Aktar fil-Bżonn tal-Komunità” (MDP) tal-UE ilu jeżisti sa minn Diċembru 1987, meta l-Kunsill kien adotta r-regoli biex jiġu rilaxxati l-ħażniet pubbliċi tal-inervent tal-prodotti agrikoli lill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jużawhom bħala għajnuna alimentari lill-persuni l-aktar fil-bżonn tal-Komunità.
Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista, f’nofs is-snin disgħin l-MDP ġie modifikat biex isir possibbbli li l-ħażniet tal-intervent jiġu supplimentati max-xiri mis-suq. Dan ma kellux l-intenzjoni ta' soluzzjoni fit-tul izda soluzzjoni li wieħed seta’ jdur għaliha meta jkun hemm nuqqas ta’ provvisti ta’ ċerti prodotti. Il-bażi tal-programm baqgħet l-intervent, “sakemm il-ħażniet jinżlu għal livell normali”. Gradwalment, ir-riformi kontinwi għall-Politika Agrikola Komuni (PAK) wasslu biex l-intervent jerġa' lura għar-rwol ta’ xibka ta’ sikurezza.
L-MDP huwa ffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). Il-baġit tiegħu żdied minn ftit anqas minn EUR 100 miljun fl-1987 sa EUR 500 miljun mill-2009 ’l quddiem. Il-parteċipazzjoni fil-programm hija volontarja; fl-2012 qed jieħdu sehem għoxrin Stat Membru.
Kull sena, l-Istati Membri li jkunu jixtiequ jieħdu sehem, jikkomunikaw il-bżonnijiet tagħhom lill-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwantitajiet ta' prodotti disponibbli fil-ħażniet tal-intervent. Abbażi ta’ dan u tad-dejta tal-Eurostat dwar il-faqar, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-limitu tal-baġit għal kull Stat Membru li jipparteċipa u tfassal lista ta’ prodotti li għandhom jiġu irtirati mill-ħażniet pubbliċi jew li jinxtraw mis-suq, billi jintuża l-baġit allokat.
Meta l-ħażniet tal-intervent jiġu pprovduti, jinħarġu l-offerti għall-konverżjoni, jew l-iskambju ta’ dawn l-oġġetti essenzjali (pereżempju l-qamħ) fi prodotti proċessati tal-istess "familja" (pereżempju d-dqiq jew l-għaġin). Dawn il-prodotti jitqassmu bħala għajnuna alimentari lill-persuni l-aktar fil-bżonn, jew fil-forma ta' basktijiet bl-ikel jew bħala ikliet fiċ-ċentri mmexxija mill-għaqdiet karitattivi u korpi kompetenti oħra li jinħatru mill-Istati Membri. L-MDP jappoġġja l-provvista tal-ikel lill-individwi jew speċjalment lill-familji vulnerabbli li jsibu ruħhom f’diffikultajiet.
Ir-riformi suċċessivi tal-PAK wasslu għal sistema ferm aktar orjentata lejn is-suq b’livell ħafna aktar baxx ta’ ħażniet tal-intervent. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li din setgħet tkun problema għall-iskema ta’ Għajnuna lill-Persuni fil-Bżonn u fl-2008 ppubblikat għall-ewwel darba proposta biex tiġi aġġustata l-iskema (inklużi miżuri biex ikun aktar faċli biex il-prodotti jkollhom aċċess għas-suq miftuħ). Madanakollu, din l-iskema baqgħet ma ġietx approvata mill-Kunsill, b’oppożizzjoni minn 6 Stati Membri.
F'Settembru 2010, il-Kummissarju ppreżenta proposta riveduta (biex jiġi kkunsidrat ukoll it-Trattat ta’ Lisbona) – ara IP/10/1141. Madanakollu, din għadha mhix approvata mill-Kunsill.
Fl-2009, Il-Parlament Ewropew ta "Opinjoni" dwar il-proposta tal-2008. Għad m’hemmx pożizzjoni mill-Parlament Ewropew (għalissa) dwar il-proposta ta’ Settembru 2010.
Fit-13 ta’ April 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni kontra l-Kummissjoni dwar ilment li tressaq fl-2009 mill-Ġermanja kontra l-iskema tal-Għajnuna għall-Persuni fil-Bżonn, u li fiha l-Qorti bażikament iddikjarat li l-maġġoranza tal-provvisti tal-ikel taħt l-iskema għandhom jiġu minn ħażniet pubbliċi.
Il-pjanijiet annwali normalment jiġu adottati f’Settembru. Fid-dawl tat-tnaqqis drammatiku fir-riżorsi, ir-raġuni għal din l-adozzjoni "aktar bikrija" tal-pjanijiet annwali hija biex l-Istati Membri u l-għaqdiet karitattivi jkollhom aktar żmien biex jippruvaw isibu sorsi alternattivi ta’ ikel.
Għal aktar tagħrif:
Għal dokumenti u aktar tagħrif dwar il-programm ta' tqassim tal-ikel għall-persuni li huma l-aktar fil-bżonn, jekk jogħġbok ara: http://ec.europa.eu/agriculture/markets/freefood/index_en.htm
Anness 1: Ir-riżorsi finanzjarji li huma disponibbli għall-implimentazzjoni tal-pjan tal-2012 f'kull wieħed mill-Istati Membri
Anness 2: Il-kwantità ta' kull tip ta' prodott li għandha tittieħed mill-ħażniet tal-intervent tal-Komunità sabiex titqassam fl-Istati Membri skont il-pjan tal-2012
ANNESS I: Riżorsi finanzjarji li tqiegħdu għad-dispożizzjoni biex jiġi implimentat il-pjan għall-2012 f’kull Stat Membru (f’EUR)
Stat Membru | Tqassim |
Belgique/België | 2 795 058 |
България | 4 183 873 |
Česká republika | 122 600 |
Eesti | 718 782 |
Éire/Ireland | 1 304 105 |
Elláda | 4 805 742 |
España | 18 084 154 |
France | 15 869 928 |
Italia | 22 103 802 |
Latvija | 1 558 586 |
Lietuva | 1 849 759 |
Luxembourg | 47 463 |
Magyarország | 3 237 794 |
Malta | 131 505 |
Polska | 17 310 824 |
Portugal | 4 524 628 |
România | 12 035 925 |
Slovenija | 515 467 |
Slovakia | 959 383 |
Suomi/Finland | 1 327 965 |
Total | 113 487 343 |
ANNESS II: Kwantità ta' kull tip ta’ prodott li għandha tiġi irtirata mill-ħażniet tal-intervent tal-UE f’kull Stat Membru (f’tunnellati)
Stat Membru | Ċereali | Butir | Trab tal-ħalib xkumat |
Belgique/België | - | 1 560.273 | |
България | 39 144.763 | - | |
Česká republika | 450.000 | - | |
Eesti | - | 383.316 | |
Éire/Ireland | - | 727.985 | |
Elláda | - | 2 682.689 | |
España | - | 10 095.040 | |
France | - | 8 859.003 | |
Italia | - | 12 338.912 | |
Latvija | - | 870.043 | |
Lietuva | - | 1 032.583 | |
Luxembourg | - | - | |
Magyarország | - | 1 807.420 | |
Malta | 1 230.373 | - | |
Polska | - | 9 663.348 | |
Portugal | - | 2 525.764 | |
România | 112 609.424 | - | |
Slovenija | - | 287.747 | |
Slovakia | 8 976.092 | - | |
Suomi/Finland | - | 741.304 | |
TOTAL | 162 410.652 | 53 575.425 |
Persuni ta' kuntatt: Roger Waite (+32 2 296 14 04) Johan Reyniers (+32 2 295 67 28) |