Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Lejn ekonomija ekoloġika globali u governanza aħjar – il-Kummissjoni qed tippreżenta l-orjentazzjonijiet ta’ politika għall-Konferenza Rio+20

Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2011 - Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li qed twitti t-triq għall-pożizzjoni tal-UE waqt il-Konferenza Rio+20 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, li ser issir f’Rio de Janeiro f’Ġunju 2012.

Il-Komunikazzjoni tisħaq fuq l-għanijiet u l-azzjonijiet speċifiċi taż-żewġ temi marbutin ma’ xulxin tal-Konferenza: biex tippermetti t-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar, u biex tiżgura governanza aħjar għall-iżvilupp sostenibbli.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik u l-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs ippreżentaw il-Komunkazzjoni b’mod konġunt, u b'hekk inħolqot rabta importanti bejn l-ambjent u l-iżvilupp.

Janez Potočnik qal: "L-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi u l-kapital nazzjonali hija essenzjali, għall-pajjiżi f’kull stadju tal-iżvilupp. – u din b’mod partikolari tista’ tkun opportunità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw peress li r-riżorsi u l-kapital naturali huma marbuta b’mod fundamentali mal-isforzi biex jinqered il-faqar. Biex dan ikun jista’ jsir f’livell globali, irridu nibdew niżviluppaw globalment is-suq it-tajjeb u l-kundizzjonijiet regolatorji. Rio+20 tista’ tkun il-bidu ta’ tranżizzjoni mad-dinja kollha lejn ekonomija ekoloġika globali.

Andris Piebalgs żied jgħid "Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma l-ewwel li jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima u mid-degradazzjoni tal-ambjent. L-għargħar, in-nixfiet u l-livell tal-baħar li qed jogħla huma l-effetti l-aktar viżibbli. Dawn iqiegħdu fil-periklu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali li qed nagħmlu ħilitna biex nistimulaw permezz tal-assistenza tagħna. Rio+20 hija l-opportunità biex tassigura impenn politiku biex jittejjeb il-benessri ta’ miljuni ta’ persuni. Irridu nersqu lejn ekonomija ekoloġika li tgħinna niksbu t-tkabbir sostenibbli li jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha. "

Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi "xiex, kif u min" ta' tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, bi proposti għal azzjonijiet speċifiċi li jistgħu jiġu implimentati fil-livelli internazzjonali, nazzjonali u reġjonali. It-temi ewlenin huma:

1. L-investiment friżorsi ewlenin u l-kapital naturali ("xiex"): dawn huma: l-ilma, l-enerġija rinnovabbli, ir-riżorsi marittimi, il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, l-agrikoltura sostenibbli, il-foresti, l-iskart u r-riċiklaġġ Dawn l-oqsma jaffettwaw miljuni ta’ persuni u jistgħu jgħinu biex jittaffa l-faqar. Jistgħu jsiru oqsma għat-tkabbir ekonomiku tal-ġejjieni u għas-swieq globali.

2. Il-kombinazzjoni tas-suq u l-istrumenti regolatorji ("kif"): it-taxxi ekoloġiċi, it-tneħħija ta’ sussidji ta' ħsara ambjentali, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji pubbliċi u privati, l-investiment f'ħiliet u f’xogħlijiet ekoloġiċi. Jeħtieġ li jiġu żviluppati indikaturi li jirriflettu sens usa’ tal-progress (kemm ambjentali kif ukoll soċjali), u li jistgħu jiffunzjonaw flimkien mal-PDG.

3. It-titjib tal-governanza u l-inkoraġġiment għall-involviment tas-settur privat ("min"): ir-rinforz u s-simplifikazzjoni tal-istrutturi eżistenti ta’ governanza internazzjonali (pereżempju billi jittejjeb il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent [United Nations Environment Programme] (UNEP)). Huwa essenzjali wkoll li jkun hemm aktar involviment min-negozji u mis-soċjetà ċivili.

Il-Komunikazzjoni tal-lum hija l-pedament għal aktar djalogu bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, is-soċjetà ċivili, in-negozju u l-pajjiżi li ser jipparteċipaw f’Rio+20. L-UE jeħtieġ li tressaq pożizzjoni konsolidata lin-NU sal-1 ta’ Novembru 2011.

Il-Passi li Jmiss

Abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni flimkien mal-Kunsill u l-Parlament ser taħdem biex tibni pożizzjoni konsistenti tal-UE li għandha tikkontribwixxi biex il-Konferenza Rio+20 tikseb riżultati ambizzjużi b’politiki u azzjonijiet konkreti għal ekonomija aktar ekoloġika.

Sfond

Għalkemm sar progress pożittiv biex jinqered il-faqar u d-degradazzjoni ambjentali, wara żewġ diċennji mill-ewwel 'Earth Summit' fl-1992, għad baqa’ bosta sfidi globali. Bosta mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) huma ferm 'il bogħod milli jintlaħqu. Madwar 1.4 biljun persuna għadhom jgħixu f’faqar estrem u persuna minn kull sitta ma għandhiex biżżejjed x’tiekol. Ir-riżorsi naturali qed jispiċċaw filwaqt li qed ikomplu jiżdiedu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra. F’dan il-kuntest, f’Ġunju 2012, il-mexxejja tad-dinja ser jiltaqgħu f’Rio de Janeiro għar-raba’ Earth Summit ta’ din ix-xorta, biex ifakkru l-20 anniversarju mill-Konferenza tan-NU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992 f’Rio u l-10 anniversarju mis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li kien sar f’Johannesburg fl-2002. Il-konferenza Rio+20 ser tiffoka fuq żewġ temi li huma marbutin ma’ xulxin: l-ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar; u l-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli.

Għal aktar dettalji dwar il-kontenut tal-Komunikazzjoni, ara:

http://ec.europa.eu/environment/international_issues/rio20_en.htm

Għal aktar dettalji dwar il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ara: http://www.uncsd2012.org/rio20/

Contacts :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 295 06 68)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website