Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil beda jaqdi l-funzjonijiet kollha tiegħu

Brussell, is-17 ta' Ġunju 2011 - Fid-19 ta' Ġunju, il-Kummissarju Ewropew tal-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström se tipparteċipa fiċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) fil-Belt Valletta (Malta). L-Uffiċċju l-ġdid beda jwettaq xi wħud mill-attivitajiet tiegħu f'Novembru 2010, u min-nhar il-Ħadd li ġej ser ikun qiegħed jaqdi l-funzjonijiet kollha tiegħu. L-EASO ġie stabbilit bil-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni prattika dwar materji li jolqtu l-asil, u biex jgħin lill-Istati Membri jaqdu l-obbligi Ewropej u internazzjonali tagħhom li jagħtu protezzjoni lil persuni li jkollhom bżonnha.

"Ninsab kuntenta ħafna li qed niftaħ l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil. Permezz ta' azzjoni dwar kwistjonijiet prattiċi u operattivi fejn jidħlu l-asil u l-migrazzjoni, l-Uffiċċju ta' Appoġġ joffri għajnuna siewja lill-Istati Membri billi jiffaċilita l-kooperazzjoni fil-prattika fl-aspetti kollha tal-valutazzjoni ta' talbiet għall-asil, u fil-mod kif jintlaqgħu dawk li jkunu qed ifittxu l-asil. Se jipprovdu appoġġ lil Stati Membri li jkunu qed iħabbtu wiċċhom bla mistenni ma flussi lejhom ta' persuni li jkunu qed ifittxu asil kif ukoll lil dawk li sempliċement ikollhom bżonn irendu s-sistema tagħhom tal-asil aktar ġusta u aktar effiċjenti. Huwa strument indispensabbli biex jingħata kontribut għall-kisba ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Asil li tkun aktar komprensiva u protettiva. Il-prassi dwar kif jintlaqgħu dawk li jkunu qed ifittxu l-asil għadha tvarja b'mod konsiderevoli minn pajjiż għall-ieħor tal-UE u għad irid isir ħafna biex ikun hemm konverġenza akbar bejn il-metodoloġiji. L-Uffiċċju ta' Appoġġ se jkollu rwol importanti f'dan", qalet Cecilia Malmström

L-attività inawgurali se ssir nhar il-Ħadd, id-19 ta' Ġunju fil-Ġonna tal-Barrakka ta' Fuq fil-Belt Valletta, fil-preżenza tal-Kummissarju Malmström, tal-Prim Ministru ta' Malta, Lawrence Gonzi, u tal-Ministru Malti tal-Ġustizzja u l-Intern, Carmelo Mifsud Bonnici. Rappreżentanti tal-Presidenza Ungeriża u dik Pollakka tal-Kunsill, MEPs, Ambaxxaturi tal-UE u d-Deputat Kummissarju għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti ukoll se jipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjonijiet.

Il-Bord ta' Ġestjoni tal-EASO se jiltaqa' fl-20 u fil-21 ta' Ġunju 2011, meta d-Direttur Eżekuttiv, Rob Visser, se jippreżenta analiżi tas-sitwazzjoni fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tal-Aġenzija għall-2011 u sejjer ukoll jipproponi qafas għall-programm ta' ħidma tal-2012.

Il-Kummissjoni Ewropea ilha tipprovdi appoġġ vitali lill-EASO, inkluż billi pprovdietlu riżorsi umani, għarfien u kompetenza, reklutaġġ u appoġġ loġistiku u se tkompli tagħmel kull ma tista' sabiex tassigura li l-Uffiċċju jkun jista' jilħaq malajr ir-ritmu sħiħ tal-ħidma tiegħu.

Il-benefiċċji tal-appoġġ prattiku

L-EASO jgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw politika aktar konsistenti u ġusta dwar l-asil, pereżempju billi jgħin fl-identifikazzjoni ta' prattiki tajbin, fl-organizzazzjoni ta' taħriġ fil-livell Ewropew u fit-titjib tal-aċċess għal informazzjoni preċiża dwar il-pajjiżi ta' oriġini. Jipprovdi wkoll appoġġ tekniku u operattiv lill-Istati Membri li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma' "pressjonijiet partikolari" (jiġifieri Stati Membri li jirċievu għadd kbir ta' talbiet għall-asil f'xi perjodu partikolari). Appoġġ bħal dan huwa ddirezzjonat permezz tal-użu ta' timijiet ta' esperti tal-asil li jistgħu jgħinu biex tittaffa l-pressjoni fuq is-sistemi ta' asil tal-pajjiż.

Il-ħidma diġà bdiet, u r-reklutaġġ tal-persunal li se jaħdem fl-Uffiċċju ta' Appoġġ qed joqrob lejn il-fażi finali tiegħu. L-Aġenzija diġà ffurmat grupp ta' madwar 350 espert mill-Istati Membri kollha tal-UE li jkunu disponibbli f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza. Dawn il-gruppi jipprovdu servizzi ta' interpretazzjoni, informazzjoni dwar pajjiżi ta' oriġini u għarfien dwar kif għandhom jiġu ġestiti każijiet ta' asil.

Fl-1 ta' April 2011 ġie ffirmat Pjan Operattiv biex jintbagħtu Gruppi tal-UE ta' Appoġġ dwar l-Asil il-Greċja sabiex l-awtoritajiet Griegi jingħataw assistenza fit-twaqqif ta' sistema ta' asil u ta' akkoljenza moderna u effiċjenti. L-ewwel grupp intbagħat f'Mejju 2011. Għadd ta' Stati Membri offrew l-esperti tagħhom (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit).

L-Isfond

Fit-18 ta' Frar 2009 il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi l-EASO (IP/09/275). Il-proposta ġiet fil-forma ta' Regolament li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (ir-Regolament (UE) 439/2010) li għandu jkun akkumpanjat minn tibdil fil-Fond Ewropew għar-Refuġjati (ERF).

Matul l-ewwel semestru tal-2010, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew approvaw b'mod formali l-ħolqien ta' Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) u l-Istati Membri ddeċidew li s-sede tiegħu tkun il-Belt Valletta, Malta.

Għal iktar informazzjoni

Mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss : MEMO/11/415

Il-websajt ewlenija ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-websajt ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website