Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/74

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2011

It-trasport bl-ajru: Il-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur kontra seba' Stati Membri minħabba ftehimiet mar-Russja dwar titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet proċeduri ta' ksur kontra l-Belġju, id-Danimarka, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit dwar il-ftehimiet bilaterali tagħhom dwar is-servizzi tal-ajru mar-Russja, billi bagħtet lil kull wieħed minn dawn l-Istati Membri talba formali għal informazzjoni magħrufa bħala 'avviż ta' tqegħid fil-mora'. Il-Kummissjoni hija mħassba li l-ftehimiet jistgħu jfixxklu l-kompetizzjoni bejn linji tal-ajru Ewropej u jipprovdu l-bażi għal imposti għal titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja li jistgħu jkunu illegali skont ir-regoli tal-UE dwar antitrust. Avviżi simili ta' tqegħid fil-mora kienu diġa' ntbagħtu f'Ottubru 2010 lill-Awstrija, lill-Finlandja, lil Franza u lill-Ġermanja (ara IP/10/1425), u l-Kummissjoni qed tevalwa b'mod attiv il-konformità mal-liġi tal-UE tal-ftehimiet bilaterali tal-avjazzjoni tal-Istati Membri l-oħra mar-Russja. Il-fatt li l-linji tal-ajru tal-Unjoni Ewropea jridu jħallsu biex itiru minn fuq is-Siberja fi triqithom lejn ħafna destinazzjonijiet tal-Asja mhux biss se jogħlli l-prezz tat-titjiriet, iżda se jwassal ukoll għal kompetizzjoni inġusta bejn il-linji tal-ajru tal-UE u dawk li mhumiex.

Fil-fehma tal-Kummissjoni Ewropea, il-ftehimiet dwar it-trasport tat-traffiku bl-ajru għandhom jittrattaw lil-linji tal-UE b'mod ugwali u għandhom iħarsu r-regoli dwar antitrust. Inkella, ċerti linji tal-ajru tal-UE jista' jkollhom trattament inqas favorevoli minn dak li jingħata lill-kompetituri diretti tagħhom jew ikollhom iħallsu imposti addizzjonali mhux raġonevoli li jistgħu jgħaddu għal fuq il-konsumaturi billi jogħlew il-biljetti tal-ajru.

Libertà tal-istabbiliment

Il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn Stat Membru individwali u pajjiż li mhuwiex fl-UE għandhom jinkludu "klawżola ta' deżinjazzjoni tal-UE" li tirrikonoxxi li t-termini japplikaw b'mod ugwali għal-linji tal-ajru kollha tal-UE, u mhux biss għal-linji tal-ajru ta' dak l-Istat Membru biss. Din hija parti essenzjali mis-Suq Uniku tal-Avjazzjoni Ewropew li nħoloq fil-bidu tas-snin disgħin, li jiggarantixxi li l-linji tal-ajru huma intitolati joperaw taħt l-istess kundizzjonijiet fl-UE kollha. Ir-rekwiżit li jkun hemm "klawżola ta' deżinjazzjoni tal-UE" ġie kkonfermat fid-"deċiżjonijiet tas-Smewwiet Miftuħa" [Open Skies] tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2002 (ara IP/02/1609). Il-Qorti stqarret li d-dispożizzjonijiet li jillimitaw il-benefiċċji tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru għaċ-ċittadini nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat qed imorru kontra r-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment (issa stabbiliti fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE).

Il-biċċa l-kbira tal-ftehimiet ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE issa ġew adattati skont id-deċiżjonijiet tal-Qorti. Ir-Russja hija waħda mill-ftit pajjiżi fid-dinja li tonqos milli tirrikonoxxi li t-trasportaturi kollha tal-UE għandhom jiġu ttratati b'mod ugwali, u li t-termini ta' kwalunkwe ftehim bilaterali għandhom jinkludu l-klawżola ta' "deżinjazzjoni tal-UE" u għandha tapplika għal kollha kemm huma. Din toħloq problemi prattiċi serji, u tpoġġi d-drittijiet tat-traffiku f'riskju, pereżempju, għal-linji tal-ajru li ġew akkwistati minn linja tal-ajru ta' Stat Membru ieħor.

Imposti għal titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja

Il-linji tal-ajru nnominati għandhom l-obbligu li jħallsu imposti għal titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja għal rotot lejn bosta destinazzjonijiet tal-Asja. Huwa stmat li fl-2008 biss, it-trasportaturi tal-UE kkonċernati ħallsu madwar USD 420 miljun f'imposti – il-parti l-kbira mis-somma direttament lil-linja tal-ajru Russa Aeroflot. Il-Kummissjoni hija mħassba li dan huwa ksur tal-liġi dwar antitrust tal-UE fejn il-linji tal-ajru ma għandhomx ikunu sfurzati li jikkonkludu ftehim kummerċjali ma' kompetitur dirett. Il-Kummisjoni hija mħassba wkoll li dan huwa ksur tal-liġi internazzjonali (Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali). Dawn il-ftehimiet bilaterali jimponu wkoll kundizzjonijiet differenti fuq il-linji tal-ajru tal-UE skont il-pajjiż li jkunu bbażati fih, li joħolqu aktar tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar, hemm ir-riskju li l-passiġġieri jkollhom iħallsu prezzijiet ogħla għat-titjiriet tagħhom milli kieku jkun meħtieġ.

Il-passi li jmiss

L-Istati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu l-avviżi ta' tqegħid fil-mora. Imbagħad, jekk ma jirreaġixxux b' mod sodisfaċenti, il-pass li jmiss fil-proċedura ta' ksur ikun dak ta' opinjoni motivata mill-Kummissjoni fejn titlob lill-Istati Membri kkonċernati biex jemendaw il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru tagħhom mar-Russja. Il-Kummissjoni qed tevalwa b'mod attiv il-konformità mal-liġi tal-UE tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru li l-Istati Membri l-oħra għandhom mar-Russja.

MEMO/11/46.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur tal-UE, ara MEMO/11/45.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website