Navigation path

Left navigation

Additional tools

Protezzjoni tad-Dejta: L-Ewropej jagħtu d-dejta tagħhom fuq l-internet, iżda għad għandhom tħassib dwar il-privatezza – stħarriġ ġdid

European Commission - IP/11/742   16/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Protezzjoni tad-Dejta: L-Ewropej jagħtu d-dejta tagħhom fuq l-internet, iżda għad għandhom tħassib dwar il-privatezza – stħarriġ ġdid

Brussell, is-16 ta' Ġunju 2011 – Tlieta minn kull erba' Ewropej jaċċettaw li l-kxif ta' dejta personali huwa parti mill-ħajja ta' kuljum, iżda fl-istess ħin huma mħassbin dwar kif il-kumpaniji – inklużi l-muturi tar-riċerka u n-netwerks soċjali – jużaw l-informazzjoni tagħhom. Dawn huma l-konklużjonijiet ewlenin ta' stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru dwar l-attitudnijiet lejn il-protezzjoni tad-dejta u l-identità elettronika, li xxandar illum mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport jiżvela li 62% tan-nies fl-Unjoni Ewropea jagħtu l-minimu mitlub ta' informazzjoni sabiex jipproteġu l-identità tagħhom, filwaqt li 75% jridu li jkunu jistgħu jħassru l-informazzjoni personali fuq l-internet kulmeta jkunu jridu – 'l hekk imsejjaħ id-dritt li tintesa. Jeżisti wkoll appoġġ qawwi għal azzjoni min-naħa tal-UE: 90% jridu li madwar l-Ewropa kollha kemm hi jkun hemm l-istess jeddijiet għall-protezzjoni tad-dejta.

"Il-biċċa l-kbira tan-nies imdorrijin jagħtu d-dejta personali biex jixtru minn fuq l-internet jew biex jużaw is-siti tan-netwerks soċjali. Iżda waqt li jagħmlu dan huma mħassbin dwar kif se tintuża din id-dejta, u mhux dejjem iħossu li għandhom kontroll tas-sitwazzjoni," qalet il-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding. "Huwa għalhekk li meta nimmodernizza r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, irrid nagħmilha ċara b'mod espliċitu li n-nies għandu jkollhom il-jedd – u mhux biss il-"possibbiltà" – li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-dejta."

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet: "Bosta nies joqogħdu lura milli jixtru minn fuq l-internet għax jinkwetaw dwar il-privatezza. Dan qed ixekkel il-progress tas-Suq Uniku Diġitali Ewropew, u qed ifixkel l-irkupru ekonomiku tagħna. In-nies għandhom ukoll preokkupazzjonijiet reali ħafna dwar l-iżgurar tas-sigurtà tal-identità tagħhom fuq l-internet. Din hi kwistjoni li se nindirizzaha dalwaqt permezz ta' proposta għal leġiżlazzjoni."

Ir-riżultati tal-istħarriġ ħarġu hekk kif il-Kummissjoni qed tħejji biex tirriforma r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta (ara IP/10/1462) u SPEECH/11/183). L-għan hu li nipproteġu d-dejta tal-individwi fl-oqsma kollha tal-linji politiċi, inkluż l-infurzar tal-liġi, filwaqt li nnaqqsu l-burokrazija għan-negozju u niggarantixxu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dejta fl-UE. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tressaq proposti speċifiċi qabel tmiem is-sena.

L-istħarriġ juri li 60% tal-Ewropej li jużaw l-internet (40% taċ-ċittadini kollha tal-UE) jixtru jew ibiegħu l-affarijiet minn fuq l-internet u jużaw is-siti tan-netwerking soċjali. Fuq dawn is-siti n-nies jagħtu dejta personali, inkluż tagħrif bijografiku (kważi 90%), tagħrif soċjali (kważi 50%) u tagħrif sensittiv (kważi 10%). 70% qalu li kienu mħassbin dwar kif il-kumpaniji jużaw din id-dejta u jaħsbu li għandhom biss kontroll parzjali, jekk mhux xejn, fuq id-dejta tagħhom stess. 74% jridu li jagħtu l-kunsens speċifiku tagħhom qabel ma d-dejta tagħhom tinġabar u tiġi pproċessata fuq l-internet.

Il-prinċipju ewlieni tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta huwa li l-utenti jridu jagħtu l-kunsens tagħhom qabel ma jsir użu mid-dejta dwarhom. Din l-informazzjoni mbagħad ma tistax tingħadda lil ħaddieħor mingħajr l-approvazzjoni tal-utent u l-kumpaniji ma jistgħux jużawha għal skopijiet ħlief dak li jkun sar qbil fuqu.

It-tħassib l-aktar frekwenti tan-nies huwa dwar frodi meta jixtru minn fuq l-internet (imsemmi minn 55%), li l-informazzjoni tintuża bla ma jkunu jafu fuq siti tan-netwerking soċjali (44%), u li d-dejta tingħadda wkoll lil kumpaniji oħrajn mingħajr il-kunsens tagħhom (43%).

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni personali, in-nies għandhom aktar fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi – bħall-isptarijiet (78%), il-gvernijiet (70%) u l-istituzzjonijiet tal-UE (55%) – milli f'kumpaniji privati bħal ħwienet (39%), fornituri tal-internet (32%) u s-servizzi minn fuq l-internet (22%).

42% qed jużaw l-għodod u l-istrateġiji eżistenti biex jillimitaw imejlijiet mhux mixtiqin u 23% qed jibdlu l-kontrolli tas-sigurtà tal-brawżer tagħhom. Dan jindika li x'aktarx li n-nies ma jieħdux ħsieb kif imiss tad-dejta fuq l-internet dwar l-identità personali tagħhom meta ma jkollhomx għodod sempliċi għad-disponibbiltà tagħhom jew jekk ikunilhom diffiċli biex jużawhom.

58% ta' dawk li jużaw l-internet jaqraw id-dikjarazzjonijiet li jkun hemm fuq l-internet dwar il-privatezza, iżda mhux kulħadd minnhom jifhimhom. Kollox ma' kollox, 62% tal-utenti tali dikjarazzjonijiet dwar il-privatezza ma jifhmuhomx, ma jaqrawhomx, ma jirnexxilhomx isibuhom, jew ma jagħtux kashom. Meta l-utenti jaqrawhom, ikunu aktar kawti bl-informazzjoni li jagħtu. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-riforma tal-protezzjoni tad-dejta huwa li r-regoli jissaħħu sabiex il-fornituri ta’ servizzi jżidu t-trasparenza dwar kif jaħdem is-servizz (x'dejta tinġabar u tiġi pproċessata aktar, għal liema finijiet, fejn u kif tinħażen) u jiggarantixxu miżuri xerqin ta' sigurtà.

Fl-aħħar nett, l-istħarriġ juri li hemm differenzi li jidhru faċilment fl-attitudnijiet lejn il-qsim ta' informazzjoni personali bejn il-ġenerazzjonijiet il-ġodda, li jinkwetaw inqas dwar il-kxif tad-dejta, u l-ġenerazzjonijiet ta' qabilhom, li hemm iktar ċans li jkunu mħassbin dwar il-privatezza.

Sfond

Fl-4 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni stabbilixxiet strateġija biex issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta (IP/10/1462 u MEMO/10/542). L-istrateġija hija maħsuba biex tipproteġi d-dejta tal-individwi fl-oqsma kollha tal-linji politiċi, inkluż l-infurzar tal-liġi, filwaqt li titnaqqas il-burokrazija għan-negozju u tiġi ggarantita ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dejta fl-UE. Din ir-reviżjoni tal-linji politiċi se tintuża mill-Kummissjoni, flimkien mar-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika, għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-1995 tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (95/46/KE).

Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta għandhom l-għan li jħarsu l-jeddijiet fundamentali u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, b'mod partikolari l-jedd għall-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll il-fluss liberu tad-dejta. Din id-Direttiva ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta ġiet ikkumplimentata bi strumenti legali oħrajn, bħad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika għas-settur tal-komunikazzjonijiet. Jeżistu wkoll regoli speċifiċi għall-protezzjoni tad-dejta personali fil-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI).

Il-jedd għall-protezzjoni tad-dejta personali huwa rikonoxxut b'mod espliċitu mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mit-Trattat ta' Lisbona. It-Trattat jipprovdi bażi legali għal regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-attivitajiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-UE skont l-Artikolu 16 (Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

Kienu d-dipartimenti tal-Kummissjoni responsabbli mill-oqsma tal-Ġustizzja, tas-Soċjeta tal-Informazzjoni u tal-Midja li talbu li jsir l-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-identità elettronika fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li d-dipartiment tal-Komunikazzjoni kkordina x-xogħol.

Għal iktar informazzjoni

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-identità elettronika fl-Unjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_359_340_en.htm#359

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Is-sit tal-Aġenda Diġitali fuq l-internet:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju responsabbli mill-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq it-Twitter:

http://twitter.com/neeliekroeseu

Contacts :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website