Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE IT PT FI EL CS LT SK SL RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Reati ambjentali: Il-Kummissjoni titlob lil 12-il Stat Membru biex jimplimentaw regoli tal-UE

Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea tat xahrejn lil 12-il Stat Membru biex jittrasponu r-regoli tal-UE li jistabbilixxu l-pieni kriminali kontra t-tniġġis tal-baħar u reati ambjentali oħra. Id-Direttiva 2008/99/KE dwar miżuri tal-liġi kriminali għall-protezzjoni tal-ambjent kellha tkun introdotta fil-liġi nazzjonali sas-26 ta’ Diċembru 2010. Madankollu, 10-il pajjiż (Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja) s’issa naqsu milli jagħmlu dan.

Sadanittant, tmien stati (ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovakkja) naqsu milli jikkonformaw ma' regoli separati dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri. Din id-Direttiva (2009/123/KE) kellha tiġi implimentata sas-16 ta’ Novembru 2010. Jekk fi żmien xahrejn l-Istati Membri kkonċernati jonqsu milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni, din tista’ tirreferi l-każijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Sfond

Sanzjonijiet kriminali kontra r-reati ambjentali

Id-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali timmira biex tiżgura li l-miżuri tal-liġi kriminali jkunu disponibbli fl-Istati Membri kollha biex jirreaġixxu kontra ksur serju tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni ambjentali. Id-Direttiva tinkludi lista ta’ ksur li għandu jiġi kkunsidrat bħala reat kriminali fl-Istati Membri kollha, bħall-vjeġġi illegali tal-iskart jew il-kummerċ tal-ispeċijiet fil-periklu

Sanzjonijiet kriminali kontra t-tniġġis ikkawżat minn vapuri

Id-Direttiva 2009/123/KE (li temenda d-Direttiva 2005/35/KE) dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri tifforma parti minn sett ta’ regoli tal-UE biex jinfurzaw is-sigurtà marittima u jgħinu fil-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri. Din tirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw ir-rimi serju u illegali ta’ sustanzi li jniġġsu minn vapuri bħala reat kriminali.

Iż-żewġ direttivi jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li r-reati kriminali jkunu punibbli permezz ta’ “pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

In-nuqqas min-naħa tal-Istati Membri li jimplimentaw id-direttivi jagħmilha impossibbli li jkun hemm regoli minimi komuni tal-liġi kriminali rigward il-ksur serju tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ambjent u kontra t-tniġġis ikkawżat minn vapuri. Tali regoli li japplikaw għall-UE kollha huma essenzjali biex jipprevjenu ċerti ambigwitajiet, li inkella jistgħu jwasslu għal aktar kriminalità ambjentali.

L-‘opinjonijiet raġunati’ tal-lum huma t-tieni stadju fil-proċess ta’ ksur fuq tliet passi.

Għal iktar informazzjoni

Ara MEMO/11/408

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website