Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-ġlieda kontra t-tabakk: il-Kummissjoni Ewropea tniedi kampanja pan-Ewropea

Commission Européenne - IP/11/710   16/06/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-ġlieda kontra t-tabakk: il-Kummissjoni Ewropea tniedi kampanja pan-Ewropea

Brussell, is-16 ta' Ġunju 2011 – "Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommom xejn" huwa s-slogan tal-kampanja pan-Ewropea mnedija llum mill-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, John Dalli. Fl-Unjoni Ewropea t-tabakk huwa l-akbar kawża ta' mard li jista' jiġi evitat u huwa stmat li 'l fuq minn 650 000 ruħ fl-Unjoni Ewropea jmutu minħabba fih. Persuna waħda minn tlieta tpejjep. Il-kampanja ta' tliet snin li qed titnieda llum se tiffoka fuq l-effetti pożittivi li wieħed igawdi minnhom meta jaqta' t-titjip u se tuża taħlita kkoordinata ta' reklamar, il-midja soċjali, avvenimenti u għodod prattiċi biex twassal il-messaġġ lil min ipejjep u tgħinu jaqta' t-tipjip.

"Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommom xejn"

Il-kampanja hija mmirata lejn persuni li jpejpu li għandhom bejn il-25 u l-34 sena u li jammontaw għal kważi 28 miljun persuna fl-UE. Il-kampanja qed timmira li tenfasizza l-benefiċċji ta' meta wieħed jaqta' t-tipjip, u tuża nies li qatgħu t-tipjip u l-kisbiet tagħhom bħala eżempji biex jispiraw lil dawk li jixtiequ jieqfu jpejpu. Il-kampanja tipprovdi wkoll lil min ipejjep b'għajnuna prattika biex jieqaf, permezz tal-"iCoach" innovattiv.

Fl-ewwel sena tal-kampanja se jsiru l-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-kunċett. Fis-snin ta' wara, l-enfasi se tkun fuq il-benefiċċji lil dawk li jaqtgħu t-tipjip: il-benefiċċji fiżiċi, personali u anki finanzjarji li wieħed jista' jesperjenza meta jieqaf ipejjep. Se tingħata attenzjoni partikolari lil gruppi speċifiċi, bħan-nisa u gruppi soċjoekonomiċi iktar baxxi. Dan jiżgura li l-messaġġ "Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommom xejn" jiġi adattat għall-udjenzi nazzjonali u l-gruppi demografiċi u jasal sal-iktar irkejjen imbiegħda tal-UE.

Huwa u jniedi l-kampanja, il-Kummissarju Dalli qal: Iż-żgħażagħ jibdew ipejpu għax jiġu mġiegħla jaħsbu li t-tipjip huwa 'cool'; imbagħad ikomplu jpejpu għaliex it-tabakk jivvizzja; u 'l fuq minn 650 000 ruħ imutu b'konsegwenza tat-tipjip fl-UE kull sena minħabba li t-tabakk huwa tossiku ħafna. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ir-rwol li jgħinu liċ-ċittadini biex ikissru dan iċ-ċirku vizzjuż ta' mard u mewt li jistgħu jiġu evitati. Il-kampanja "Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommom xejn" hija preċiżament dwar dan. Jiena kunfidenti li l-kampanja se tgħin lil min ipejjep biex jifhem li għandu ħafna x'jirbaħ jekk jaqta' t-tipjip".

L-introduzzjoni tal-'iCoach'

Il-kampanja "Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommom xejn" se jkollha għodda effettiva biex tgħin lin-nies jaqtgħu t-tipjip. iCoach huwa pjattaforma diġitali ta' kkowċjar tas-saħħa b'aċċess mingħajr ħlas li se tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. L-iCoach se tkun differenti mill-għodod diġitali l-oħra tas-saħħa billi se tiffoka fuq dawk li ma jridux jaqtgħu t-tipjip u fuq dawk b'riskju kbir li jerġgħu jibdew ipejpu.

L-involviment kontinwu tal-UE

L-ewwel leġiżlazzjoni għall-kontroll tat-tabakk fl-UE ddaħħlet fit-tmeninijiet. Minn dak iż-żmien, il-leġiżlazzjoni u l-politika tal-UE ġiet żviluppata iktar fl-oqsma tar-regolazzjoni tal-prodotti, ir-reklamar u l-ħarsien tan-nies mid-duħħan 'second-hand' tas-sigaretti, kif ukoll fil-prevenzjoni tal-użu tat-tabakk, it-tqajjim tal-kuxjenza u l-appoġġ għall-waqfien mit-tipjip.

Mill-2002 'l hawn, dan l-approċċ tal-UE kien jinkludi kampanji ta' tqajjim tal-kuxjenza mal-UE kollha.

L-ewwel kampanja ta' tqajjim tal-kuxjenza mal-UE kollha ffinanzjata mill-Kummissjoni "Ħossok liberu li tgħid le" saret mill-2002 sal-2004.

Il-kampanja "HELP" li saret mill-2005 sal-2010 iffukat fuq il-prevenzjoni tat-tipjip, il-waqfien mit-tipjip u t-tipjip passiv u mmirat, b'mod partikolari, liż-żgħażagħ Ewropej ta' bejn il-15 u l-25 sena.

Il-kampanja l-ġdida "Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommom xejn" hija progressjoni naturali u l-enfasi mhux se tibqa' fuq il-perikli tat-tipjip imma se tkun fuq il-vantaġġi li wieħed jaqta' t-tipjip.

Għad fadal ħafna xi jsir.

Minkejja l-progress li diġà sar, terz tal-Ewropej għadhom ipejpu regolarment u ħafna għadhom imutu minn mard marbut mat-tipjip. Din mhux biss hi traġedja umana iżda hija wkoll kwistjoni ta' importanza kbira għall-qasam tas-saħħa u dak soċjoekonomiku billi tpoġġi piż ikbar fuq is-sistemi tas-saħħa pubblika u tisraq ħaddiema mingħand l-Ewropa li tant huma meħtieġa biex iżidu l-kompetittività.

Għal iktar tagħrif:

Il-ġlieda kontra t-tabakk fl-UE

MEMO/11/349

Il-kampanja "Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommom xejn"

www.exsmokers.eu

MEMO/11/405

Contacts :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site