Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Parlamenti Nazzjonali jilqgħu l-isfida

European Commission - IP/11/698   10/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Parlamenti Nazzjonali jilqgħu l-isfida

Brussell, it-10 ta' Ġunju 2011 – Matul l-2010, id-djalogu politiku tal-Kummissjoni Ewropew mal-Parlamenti Nazzjonali kompla jissaħħaħ. Wara t-tnedija ta' din l-inizjattiva politika mill-President Barroso fl-2006, il-Parlamenti Nazzjonali issa għandhom responsabbiltajiet ġodda importanti fit-tfassil tal-politika Ewropea, bis-saħħa tat-Trattat ta' Lisbona. Kif juri r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar ir-Relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali, li ġie adottat illum, il-Parlamenti Nazzjonali qed jużaw din l-opportunità biex jinvolvu rwieħhom fi kwistjonijiet Ewropej b'mod aktar mill-qrib u kostruttiv minn qatt qabel.

Maros Šefčovič, il-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Amministrazzjoni spjega: "In-numru ta' opinjonijiet tal-Parlamenti Nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea żdied sostanzjalment mindu daħal fis-seħħ it-Trattat il-ġdid u aħna nilqgħu dan bħala sinjal ċar u pożittiv: il-Parlamenti Nazzjonali jridu jkunu aktar involuti fi kwistjonijiet Ewropej u dan minn stadju aktar bikri minn qabel. Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ biex tapprofondixxi d-djalogu politiku tagħha mal-Parlamenti Nazzjonali u biex ittejjeb il-kuntatti u l-iskambji tagħha mal-40 Kamra Parlamentari Nazzjonali fis-27 Stat Membru."

Ir-rapport li ġie adottat illum juri kif id-djalogu politiku fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-Parlamenti Nazzjonali twessa' u ġie approfondit fl-2010. Il-Parlamenti Nazzjonali ppreżentaw 387 opinjoni fl-2010 dwar varjetà wiesgħa ta' suġġetti, żieda ta' kważi 60%.

Bħala parti minn dan id-djalogu politiku, l-introduzzjoni sħiħa tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà fl-2010 ta lill-Parlamenti Nazzjonali rwol importanti fl-iskrutinju tal-konformità ma' dan il-prinċipju fundamentali. Kien hemm l-ogħla numru ta' opinjonijiet li wissew lill-Kummissjoni dwar vjolazzjoni possibbli tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-każ tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali (8 voti) u, aktar reċentement, fil-każ tal-proposta marbuta mal-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (13-il vot). Filwaqt li l-Kummissjoni tati lil opinjonijiet bħal dawn l-attenzjoni li jistħoqqilhom, dawn iċ-ċifri ma jilħqux il-limitu neċessarju biex il-Kummissjoni tkun meħtieġa tirrevedi l-proposta tagħha (18-il vot)1.

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, li wkoll ġie adottat illum, jiddeskrivi fid-dettall kif il-Kummissjoni twettaq dawn il-prinċipji fil-prattika fil-ħidma tagħha. Flimkien, dawn iż-żewġ rapporti jagħmlu enfasi fuq l-impenn riżolut tal-Kummissjoni lejn tfassil tal-politika ta' kwalità u lejn inkoraġġiment ta' djalogu politiku tassew Ewropew.

Ħolqa mar-rapport:

http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/relations/relations_other/npo/index_mt.htm

Persuni ta' kuntatt:

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)

1 :

Kull Parlament nazzjonali għandu żewġ voti, mqassma fuq il-bażi tas-Sistema Parlamentari Nazzjonali. Fil-każ ta' sistema parlamentari bikamerali, kull waħda miż-żewgt ikmamar għandu jkollha vot wieħed. L-abbozz ta' att leġiżlattiv irid jiġi rivedut meta l-opinjonijiet motivati mogħtija mill-Parlamenti Nazzjonali jkunu jirrappreżentaw minn tal-anqas terz (18-il vot) mill-voti allokati kollha lilhom (54 vot). Dan il-limitu huwa kwart (14-il vot) fil-każ ta’ abbozz ta’ att leġiżlattiv ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 76 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website