Navigation path

Left navigation

Additional tools

Rapport tal-Kummissjoni jenfasizza s-sitwazzjoni ta' emerġenza tal-innovazzjoni fl-Ewropa u janalizza l-progress tal-Istati Membri

European Commission - IP/11/692   09/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Rapport tal-Kummissjoni jenfasizza s-sitwazzjoni ta' emerġenza tal-innovazzjoni fl-Ewropa u janalizza l-progress tal-Istati Membri

Brussell, id-9 ta' Ġunju 2011 – Ir-Rapport dwar il-Kompetittività tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (il-Kummissjoni Ewropea, 2011) jikkonkludi li l-prestazzjoni tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-innovazzjoni teħtieġ titjib sostanzjali f'bosta oqsma jekk irridu li l-istrateġija Ewropa 2020 tirriżulta fi tkabbir sostenibbli u intelliġenti. L-Ewropa teħtieġ investiment akbar u "aktar intelliġenti" fir-riċerka u l-iżvilupp kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku – dan mhux biss iżid it-tkabbir fuq perjodu ta' żmien medju, iżda jkollu wkoll effett kontroċikliku fi żminijiet ta' kriżi. Jeħtieġ aktar kooperazzjoni fir-riċerka fl-UE u internazzjonalment, flimkien ma' użu aħjar tar-riżultati tar-riċerka, inkluż permezz ta' sistema aktar b'saħħitha ta' proprjetà intellettwali. Is-sistemi edukattivi jeħtieġ li jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-innovazzjoni kummerċjali. SMEs innovattivi u li qed jikbru b'rata mgħaġġla jeħtieġu aktar inkoraġġiment. Jeħtieġ sforz ikkoordinat sabiex nibnu fuq ir-rekord promettenti tal-Ewropa fl-innovazzjoni filwaqt li nitrattaw sfidi globali bħat-tibdil fil-klima. Id-differenza bejn is-sessi fil-oqsma tax-xjenza u r-riċerka jeħtieġ li tintemm.

"Dan ir-Rapport jenfasizza li t-triq li twassal għall-Unjoni tal-Innovazzjoni hija twila u toffri sfida b'ħafna ostakoli tul il-perkors. Iżda jikkonferma li l-UE qablet dwar il-politiki t-tajbin sabiex tilħaq tmiem dik it-triq. Huwa obbligu ekonomiku li l-Unjoni tal-Innovazzjoni titqiegħed fil-prattika fil-livelli Ewropej u nazzjonali, u dan l-obbligu huwa importanti għat-tkabbir sostenibbli daqs kemm huwa importanti sabiex il-finanzi pubbliċi jerġgħu jiġu f'posthom," qalet il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn.

Ir-Rapport janalizza l-punti tajbin u l-punti dgħajfin ta' sistemi nazzjonali ta' riċerka u innovazzjoni, u jipprovdi fatti solidi li fuqhom wieħed jista' jibbaża l-għażliet tal-politika nazzjonali. Ir-Rapport iżid fuq it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (Innovation Union Scoreboard). Jinkludi skeda ta' fatti li tagħti dettalji dwar il-prestazzjoni ta' kull pajjiż fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Sejbiet ewlenin mir-rapport

  • L-Ewropa jeħtieġ li taċċellera l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. L-UE bil-mod il-mod qed tavvanza lejn il-mira tagħha li tinvesti 3 % tal-PDG fir-riċerka u l-iżvilupp (2.01 % fl-2009) iżda d-differenza bejnha u l-kompetituri li jinsabu minn ta' quddiem qed tikber b'mod notevoli minħabba investiment aktar dgħajjef fir-Riċerka u l-Iżvilupp. Fl-2008, 24 % tan-nefqa totali dinjija fir-Riċerka u l-Iżvilupp twettqet fl-UE (29 % fl-1995). F'dak li għandu x'jaqsam mal-PDG, in-negozji jinvestu fil-Ġappun u l-Korea t’Isfel id-doppju ta' dak li jinvestu fl-Ewropa.

  • Fi żminijiet ta' kriżi ekonomika, investiment akkumulat fir-riċerka u l-innovazzjoni jkollu effett kontroċikliku. Pajjiżi li żiedu l-investimenti tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom prospetti aħjar li joħorġu mill-kriżi. Fl-2009, l-Istati Membri li setgħu jżommu jew iżidu l-baġits tagħhom għar-Riċerka u l-Iżvilupp kienu sbatax, u fl-2010 kienu sittax.

  • L-investimenti fl-innovazzjoni jeħtieġ li jkunu "aktar intelliġenti". Dawk bl-aqwa prestazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-innovazzjoni ffokaw l-investimenti tagħhom fi strateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti fejn ikkombinaw politiki mil-lat tal-provvista (bħal sussidji pubbliċi għal edukazzjoni ogħla, riċerka u żvilupp kummerċjali, kapital ta' riskju u infrastrutturi xjentifiċi u teknoloġiċi) ma' dawk mil-lat tad-domanda (bħall-akkwist pubbliku ta' prodotti innovattivi, standardizzazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni u regolamenti tas-suq favur prodotti kompetittivi).

  • L-iżvilupp ta' nies b'ħiliet tajbin ħafna jeħtieġ li jitqabbel mal-ħtiġijiet kummerċjali. 46 % biss tar-riċerkaturi tal-UE jaħdmu fis-settur kummerċjali (80 % fl-Istati Uniti). L-Istati Membri għandhom jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom biex jibqgħu jżidu l-għadd ta' studenti filwaqt li jiżguraw tqabbil aħjar mal-ħtiġijiet kummerċjali.

  • L-integrazzjoni u l-internalizzazzjoni tar-riċerka jżidu r-redditu fuq l-investimenti. L-internazzjonalizzazzjoni u l-produzzjoni effiċjenti ta' eċċellenza xjentifika jirrinforzaw lil xulxin. Il-flussi ta' għarfien (i.e. ta' studenti, kopubblikazzjonijiet, kooperazzjoni għal privattivi konġunti) fl-Ewropa huma vantaġġ qawwi u se jissaħħu aktar ladarba titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Madankollu, dawn jinsabu konċentrati f'għadd żgħir ta' pajjiżi fl-Ewropa tal-Punent.

  • Kundizzjonijiet ta' qafas dgħajfin jipprevjenu t-trasformazzjoni tal-għarfien fi prodotti u servizzi li jistgħu jiġu kkumerċjalizzati. L-Ewropa mhijiex tavvanza fl-isfruttament tar-riżultati tar-riċerka. L-UE tinsab fl-ewwel post fid-dinja bħala produttriċi ta' pubblikazzjonijiet xjentifiċi analizzati minn pari (29 % fl-2009) iżda r-rata ta' tkabbir ta' applikazzjonijiet ta' privattivi tat-Trattat ta' Kooperazzjoni fir-rigward ta' privattivi (Patent Cooperation Treaty, PCT) fil-Ġappun u fil-Korea t'Isfel hija kważi d-doppju ta' dik fl-UE. Nofs l-Istati Membri ma jipproduċu l-ebda privattiva, ta' kwalità teknika għolja, tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (European Patent Office, EPO). Huma meħtieġa aktar passi biex jiġu offruti protezzjoni u ġestjoni ta' proprjetà intelletwali li jkunu aktar kosteffiċjenti. Il-privattiva tal-UE li attwalment qed tiġi nnegozjata se tkun bidu importanti.

  • L-Ewropa għandha potenzjal qawwi fil-qasam ta' invenzjonijet teknoloġiċi li jittrattaw sfidi tas-soċjetà. Fl-2007, 40 % tal-privattivi relatati ma' teknoloġiji b'rabta mat-tibdil fil-klima kienu mill-UE. Dan juri li investiment ta' riċerka u dimostrazzjoni mmirat lejn oqsma ewlenin ikkombinat ma' miżuri li jappoġġaw l-iżvilupp tas-suq jista' jwassal għal teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet. Dan huwa l-ispirtu tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni mnedija mill-Unjoni tal-Innovazzjoni.

  • Neħtieġu SMEs aktar innovattivi u li jikbru b'rata aktar mgħaġġla. Jeħtieġ li l-UE tlaħħaq mal-Istati Uniti fl-intensità tar-riċerka ta' industriji ta' teknoloġija ta' kwalità għolja ħafna u ta' kwalità medja. Fi kliem ieħor, teħtieġ bidla strutturali kemm fis-setturi kif ukoll bejniethom. Xi pajjiżi Ewropej bħall-Awstrija u d-Danimarka kisbu bidla strutturali li wasslet għal ekonomija aktar intensiva mil-lat ta' għarfien. Bosta minn dawn il-pajjiżi rkupraw ukoll aħjar mill-kriżi ekonomika. Karatteristiċi komuni wara dan is-suċċess huma SMEs innovattivi u li qed jikbru b'rata mgħaġġla, li qed jibbenefikaw minn eċċellenza xjentifika fir-riċerka pubblika u kundizzjonijiet ta' qafas favorevoli biex l-għarfien ġdid jinġieb fis-suq.

Sfond

Kull sentejn, ir-Rapport dwar il-Kompetittività tal-Unjoni tal-Innovazzjoni – li jkopri s-27 Stat Membru kollha u sitt pajjiżi Assoċjati – se jikkontribwixxi għall-Istrateġija tal-Ewropa 2020 billi jipprovdi analiżi statistika u ekonomika profonda li tkopri l-karatteristiċi ewlenin ta' sistema effiċjenti ta' riċerka u innovazzjoni. Din hija l-ewwel edizzjoni taħt l-inizjattiva Unjoni tal-Innovazzjoni (IP/10/1288) u tissostitwixxi r-Rapport preċedenti dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Kompetittività.

Rapport dwar il-Kompetittività tal-Unjoni tal-Innovazzjoni:

http://ec.europa.eu/iuc2011

Unjoni tal-Innovazzjoni: http://ec.europa.eu/innovation-union

Ewropa 2020 http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

Persuni ta' kuntatt :

Mark English (+32 2 296 24 10)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website