Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea se tiggarantixxi d-drittijiet ta' persuni ssuspettati li jikkomunikaw ma' avukat u li jinfurmaw lill-familja bl-arrest tagħhom

Commission Européenne - IP/11/689   08/06/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea se tiggarantixxi d-drittijiet ta' persuni ssuspettati li jikkomunikaw ma' avukat u li jinfurmaw lill-familja bl-arrest tagħhom

Brussell, it-8 ta' Ġunju 2011 – Raġel ta' 22 sena mar għal vakanza barra biex jara logħba futbol. Wara l-logħba mar f'bar ma' ħbiebu. Kien hemm irvell u safa' arrestat. Il-pulizija mbagħad interrogawh għal bosta sigħat mingħajr ma kien hemm avukat preżenti. Skont miżura tal-Kummissjoni Ewropea li ġiet proposta llum, il-persuni ssuspettati kollha – irrispettivament minn fejn jinsabu fl-Unjoni Ewropea – se jkunu ggarantiti d-dritt li jitkellmu ma' avukat minn meta jinżammu mill-pulizija sal-konklużjoni tal-proċedimenti. Il-persuni ssuspettati jistgħu wkoll jitkellmu ma' xi membru tal-familja jew ma' min iħaddimhom u jinfurmawhom bl-arrest tagħhom. Jekk ikunu jinsabu barra minn pajjiżhom, ikollhom id-dritt li jikkuntattjaw il-konsolat ta' pajjiżhom.

"Id-drittijiet dwar proċess ġust huma essenzjali biex iċ-ċittadini jkollhom fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja," stqarret il-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Wara l-arrest, iċ-ċittadini jrid ikollhom garanzija li jistgħu jaraw avukat irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fl-Unjoni Ewropea. Jekk ikunu jinsabu f'kustodja barra minn pajjiżhom, għandhom isibu appoġġ mill-konsolat jew l-ambaxxata tagħhom. Il-miżura tal-lum se ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost is-sistemi tal-ġustizzja tagħna billi tiżgura li t-trattament tal-persuni ssuspettati jirrispetta l-istess standards minimi ta' ġustizzja fl-Unjoni Ewropea kollha."

Id-drittijiet dwar l-aċċess għal avukat huma essenzjali biex tinbena l-fiduċja fiż-żona unika tal-ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'mod speċjali meta l-persuni ssuspettati jiġu arrestati minħabba Mandat ta' Arrest Ewropew (IP/11/454). Id-dritt propost illum dwar l-aċċess għal avukat jinsab fit-tielet Direttiva f'sensiela ta' proposti biex jiġu ggarantiti drittijiet minimi għal proċess ġust kullimkien fl-Ewropa. L-oħrajn huma d-dritt ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni (ara l-IP/10/1305 u l-MEMO/10/351) u d-dritt għal informazzjoni fi proċedimenti kriminali (ara l-IP/10/1652). Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jistabbilixxu drittijiet ċari fl-UE kollha u li jissalvagwardjaw id-dritt fundamentali għal proċess ġust u d-dritt għal difiża. Qabel ma jsiru liġi, il-proposti jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Ministri.

Iseħħu aktar minn 8 miljun proċedimenti kriminali fl-Unjoni Ewropea kull sena. Id-dritt għal difiża għal kull min ikun suspettat li wettaq reat huwa ġeneralment rikonoxxut bħala element bażiku ta' proċess ġust. Iżda l-kundizzjonijiet biex il-persuni suspettati jkunu jistgħu jikkonsultaw avukat ivarjaw ħafna minn Stat Membru għall-ieħor. Pereżempju, jista' jkun li persuna li tkun akkużata li wettqet reat kriminali ma jkunx jista' jkollha avukat preżenti waqt l-interrogazzjoni mill-pulizija. Il-provi li jinkisbu fin-nuqqas tal-preżenza ta' avukat għandhom status differenti minn pajjiż għall-ieħor. U l-persuni li s-suġġett ta' Mandat ta' Arrest Ewropew bħalissa jista' ma jkollhomx aċċess għal avukat fil-pajjiż fejn ikun inħareġ il-mandat sakemm ma jkunux ġew ċeduti lil dak il-pajjiż.

Hemm differenzi simili rigward id-dritt tal-persuni ssuspettati li jinfurmaw lil qarib jew li min iħaddimhom li jkunu ġew arrestati. L-individwi jistgħu ma jiġux offruti dan id-dritt b'mod sistematiku, jistgħu biss jingħataw dan id-dritt fi stadju li jkun tard fil-proċess jew jistgħu ma jiġux infurmati ladarba l-familja tagħhom tkun ġiet ikkuntattjata.

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tiggarantixxi dawn id-drittijiet fil-prattika, billi:

  • tipprovdi aċċess għal avukat mill-ewwel stadju tal-interrogazzjoni mill-pulizija u matul il-proċedimenti kriminali;

  • tippermetti li l-persuna ssuspettata jkollha laqgħat adegwati u kunfidenzjali mal-avukat sabiex tkun tista' tuża d-drittijiet tagħha għal difiża b'mod effettiv;

  • tippermetti lill-avukat ikollu rwol attiv matul l-interrogazzjonijiet u li jivverifika l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni;

  • tiżgura li l-persuna ssuspettata tkun tista' tikkomunika ma' minn tal-anqas membru wieħed tal-familja jew ma' min iħaddimha biex tinfurmahom bl-arrest u l-kustodja;

  • tippermetti lil persuni ssuspettati li jkunu barra minn pajjiżhom jikkuntattjaw lill-ambaxxata jew il-konsolat ta' pajjiżhom u jirċievu żjajjar;

  • toffri lill-persuni li jkunu s-suġġett ta' Mandat ta' Arrest Ewropew il-possibbiltà ta' parir legali kemm fil-pajjiż fejn iseħħ l-arrest u f'dak fejn inħareġ il-mandat.

Sfond

It-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru tal-2009, jippermetti lill-UE tadotta miżuri fil-qasam tad-dritt kriminali biex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, partikolarment id-drittijiet tal-individwi fi proċeduri kriminali.

Id-dritt għal smigħ ġust u d-dritt għal difiża huma stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; u jinstabu wkoll fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB). Id-dritt għal komunikazzjoni ma' terza persuna huwa wieħed mis-salvagwardji importanti kontra t-trattament ħażin ipprojbit permezz tal-Artikolu 3 tal-KEDB.

Id-Direttiva dwar l-aċċess għal avukat u n-notifika tal-kustodja hija t-tielet pass f'sensiela ta' miżuri biex jiġu stabbiliti standards komuni tal-UE f'każijiet kriminali.

Il-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE approvaw l-ewwel miżura, li tat lill-persuni ssuspettati d-dritt ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni, f'Ottubru tal-2010 (IP/10/1305). Il-Kummissjoni pproponiet it-tieni miżura – l-Ittra tad-Drittijiet – f'Lulju tal-2010 (IP/10/989). Il-gvernijiet tal-UE approvaw il-miżura f'Diċembru tal-2010 (IP/10/1652) u din bħalissa qed tiġi nnegozjata mal-Parlament Ewropew, li jrid jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu qabel ma l-miżura ssir liġi.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Persuni ta' kuntatt:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site