Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tagħmel is-sit tal-internet Europa disponibbli għall-utenti tal-verżjoni 6 tal-Protokoll tal-Internet

Brussell, it-8 ta' Ġunju 2011 – Fil-Jum Dinji tal-IPv6 (World IPv6 Day), il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel disponibbli għall-utenti tal-verżjoni 6 tal-Protokoll tal-Internet (kif ukoll għall-utenti tal-IPv4), is-sit tal-internet tagħha, Europa. L-internet jaħdem billi jittrasferixxi dejta f'pakketti żgħar li jiġu mgħoddija b'mod indipendenti tul netwerks, kif speċifikat minn protokoll internazzjonali tal-komunikazzjoni magħruf bħala l-Protokoll tal-Internet. Fl-1984 aktar minn 4 biljun indirizz kienu disponibbli fuq il-verżjoni 4 tal-Protokoll tal-Internet (IPv4) iżda minħabba domanda dejjem akbar għal servizzi tal-internet ġodda, l-aħħar indirizz IPv4 ġie assenjat fi Frar 2011. Malli l-IPv6 jibda jitħaddem, prattikament se jkun hemm disponibbli għadd mingħajr limitu ta' indirizzi tal-Internet biex jiġi appoġġat it-tkabbir enormi ta' servizzi ġodda fil-ġejjieni. Meta l-Kummissjoni Ewropea toffri aċċess għas-sit tal-internet IPv6 tagħha, hija tkun qiegħda tagħti eżempju, u tispera li tħeġġeġ lil setturi pubbliċi oħra biex jipperswadu lill-kumpaniji u lill-manifatturi Ewropej sabiex l-apparati intelliġenti (smart devices) u s-servers il-ġodda tagħhom ikunu kompatibbli mal-IPv6. L-implimentazzjoni tal-IPv6 hija azzjoni ewlenija taħt l-inizjattiva Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet: "Inħeġġeġ lill-gvernijiet, lil dawk li jipprovdu s-servizzi u l-kontenut tal-Internet u kwalunkwe kumpanija li twettaq negozju fuq l-Internet, biex jaqilbu għall-IPv6 mill-aktar fis possibbli, inkella fl-Ewropa nispiċċaw inħabbtu wiċċna ma' sitwazzjoni li xejn ma taqblilna: tgħawwiġ kbir tas-suq, Internet b'veloċità mnaqqsa u impatt negattiv fuq l-innovazzjoni."

Maroš Šefčovič, il-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Amministrazzjoni, qal: "Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħti l-ewwel eżempju billi tagħmel is-sit tal-internet tagħha Europa aċċessibbli għall-utenti tal-IPv6 fil-Jum Dinji tal-IPv6. Dan l-ewwel pass se jkun opportunità kbira biex jiġu identifikati problemi possibbli, u biex ngħaddu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-IPv6."

L-IPv6 ġie introdott sabiex jipprovdi biżżejjed indirizzi tal-Internet għall-ġejjieni. Hekk kif l-Internet jespandi, miljuni ta' apparati (bħal telefowns intelliġenti (smart phones), karozzi, miters tal-elettriku u tagħmir domestiku) huma mistennija li jaqbdu mal-Internet. Biljuni ta' sensuri li jiffurmaw l-hekk imsejjaħ "Internet of Things" se jkunu wkoll imqabbda sabiex ikun hemm skambju ta' informazzjoni, li jwassal għal ġenerazzjoni sħiħa ta' servizzi intelliġenti (smart services) ġodda. Kull wieħed minn dawn is-servizzi se jkun jeħtieġ indirizz tal-IP. B'diversi biljuni ta' indirizzi tal-IPv6 disponibbli, it-tkabbir tal-Internet fil-ġejjieni se jkun żgurat.

L-IPv6 jġib miegħu ħafna vantaġġi tekniċi, bħall-implimentazzjoni semplifikata tas-sigurtà tal-IP, l-istandard routing u l-kapaċità ta' plug and play.

Il-migrazzjoni għall-IPv6 tiswa l-flus, iżda jekk it-tagħmir tal-IT jiġi aġġornat sabiex ikun kompatibbli mal-IPv6, il-kost jista' jonqos b'mod drastiku.

Madankollu, bħalissa madwar 2 % biss tat-traffiku kollu tal-Internet huwa kompatibbli mal-IPv6. Għalhekk jeħtieġ li l-infrastruttura eżistenti tal-Internet tiġi aġġornata għall-IPv6 sabiex jiġi evitat li l-Internet inaqqas mill-veloċità tiegħu b'riżultat tas-suċċess tiegħu stess, u konsegwentement dan iwassal għal impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku, anqas possibilitajiet għal żieda fl-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi u l-applikazzjonijiet il-ġodda tal-Internet, u r-riskju ta' tgħawwiġ tas-suq li jirriżulta minn bejgħ mill-ġdid ta' indirizzi IPv4 mhux użati li kienu diġà ġew assenjati.

Fis-17 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni se torganizza grupp ta' ħidma dwar l-IPv6 fl-Assemblea tal-Aġenda Diġitali (Digital Agenda Assembly), u se tiffinanzja proġett pilota kbir biex tistimula l-implimentazzjoni tal-IPv6 mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kummissjoni Ewropea diġà investiet aktar minn EUR 100 miljun f'riċerka u attivitajiet ta' għarfien dwar l-IPv6. In-netwerk Ewropew tar-riċerka GEANT diġà huwa kompletament kompatibbli mal-IPv6.

Ara MEMO/11/385

Is-sit tal-Internet tal-IPv6:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ipv6/index_en.htm

Is-sit tal-Internet tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Is-sit tal-Internet ta' Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu

Is-sit tal-Internet ta' Maroš Šefčovič:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/sefcovic/

Persuni ta' kuntatt :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website