Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Inżommu kelmitna dwar it-tkabbir u l-impjiegi: Il-Kummissjoni qed tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż għall-2011

Commission Européenne - IP/11/685   07/06/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Inżommu kelmitna dwar it-tkabbir u l-impjiegi: Il-Kummissjoni qed tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż għall-2011

Brussell, is-7 ta’ Ġunju 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea adottat 27 sett ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż – flimkien ma’ wieħed għaż-żona tal-ewro kollha – biex tgħin lill-Istati Membri biex iżidu l-isforz tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-politiki ekonomiċi u soċjali sabiex jiksbu riżultati fl-oqsma tat-tkabbir, l-impjiegi u l-finanzi pubbliċi.

Aktar kmieni din is-sena, l-Istati Membri u l-Kummissjoni qablu dwar 10 prijoritajiet ewlenin biex jaffrontaw il-kriżi attwali filwaqt li jwittu t-triq għal ekonomija aktar sostenibbli. Peress li s-sitwazzjonijiet ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor, il-Kummissjoni llum qed tirrakkomanda miżuri b’miri għal kull Stat Membru. Dan għandu jgħin lil kull pajjiż biex jiffoka fuq punti strateġiċi fit-12 sat-18-il xahar li ġejjin, u b’hekk jagħti spinta lill-ekonomija tal-UE kollha kemm hi.

L-ekonomija tal-UE tinsab f’qagħda kritika. L-irkupru miexi fit-triq it-tajba, iżda b'rata ferm differenti madwar il-kontinent kollu u għad baqa ħafna inċertezzi,” qal il-President José Manuel Barroso. “F’Marzu, l-Istati Membri qablu dwar sensiela ta’ impenji għal bejn it-12 u t-18-il xahar li ġejjin. Issa għandhom jiżguraw li lkoll jimplimentawhom b’mod li jkun xieraq għalihom fil-livell nazzjonali. Bir-rakkomandazzjonijiet tal-lum, speċifiċi għal kull pajjiż, u li għandhom mira u jistgħu jitkejlu, il-Kummissjoni qed tagħti lill-Istati Membri l-valutazzjoni tagħha dwar il-pjanijiet nazzjonali tagħhom. Aħna nafu li biex nilħqu dawn il-miri li stabbilixxejna b’mod kollettiv kultant ifisser li jeħtieġ li nagħmlu għażliet diffiċli. Iżda jekk dawn l-isforzi jsiru bis-serjetà minn kulħadd, l-Ewropa tkun tista’ tħalli l-kriżi warajha u tkun tista’ tissalvagwardja l-prosperità tal-ġejjieni."

Din is-sensiela ta' rakkomandazzjonijiet hija parti mis-Semestru Ewropew, li fih – għall-ewwel darba din is-sena – l-Istati Membri u l-Kummissjoni kkoordinaw il-politiki ekonomiċi u baġitarji tagħhom. Wara li ġew maqbula l-prijoritajiet fil-livell tal-UE, l-Istati Membri ppreżentaw il-programmi nazzjonali tagħhom li issa l-Kummissjoni għamlet valutazzjoni sħiħa tagħhom permezz ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet li huma mfassla skont il-pajjiż, għandhom mira u jistgħu jitkejlu.

B’mod ġenerali, l-Istati Membri fittxew li l-prijoritajiet maqbula tal-UE jkunu riflessi fil-programmi tagħhom u l-preżunzjonijiet makroekonomiċi tagħhom huma realistiċi b’mod wiesa’. Madanakollu, ħafna drabi l-programmi nazzjonali jkunu nieqsa mill-ambizzjoni u mill-ispeċifiċità. Bosta Stati Membri jeħtieġ li jkunu aktar ambizzjużi fil-konsolidazzjoni fiskali, filwaqt li jkomplu bil-miżuri li jixprunaw it-tkabbir (ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ambjent kummerċjali, il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi). Dwar is-swieq tax-xogħol, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol, jiġi miġġieled il-qgħad strutturali, jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u tonqos ir-rata tal-istudenti li jieqfu kmieni mill-istudji tagħhom u jiġi żgurat li l-pagi jkunu jirriflettu l-produttività.

Sfond

L-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż hija l-pass ta’ qabel tal-aħħar fil-perjodu ta’ sitt xhur ta’ koordinazzjoni intensiva ta’ politiki ekonomiċi bejn l-UE u l-Istati Membri magħrufa bħala s-Semestru Ewropew. Is-semestru jibda f'Jannar meta l-Kummissjoni tippreżenta l-Istħarrig dwar it-Tkabbir Annwali tagħha li jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-politika ekonomika għall-UE għas-sena li ġejja. Dawn il-prijoritajiet ġew approvati mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu. F’April-Mejju, l-Istati Membri ssottomettew il-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta' Konverġenza (dwar il-finanzi pubbliċi) u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (dwar ir-riformi strutturali u l-miżuri li jistimulaw it-tkabbir), u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż huma r-rispons tal-Kummissjoni għalihom. L-impenji li saru mit-23 Stat Membru li qed jipparteċipaw fil-Patt Euro+ ġew ukoll ivvalutati mill-Kummissjoni bħala parti minn dan il-proċess u huma inklużi fir-rakkomandazzjonijiet.

Ir-rakkomandazzjonijiet huma mfassla biex jiġu implimentati mill-Istati Membri f’perjodu ta’ bejn 12 u 18-il xahar. Dawn jitobu miżuri konċentrati minn qabel li jixprunaw il-progress lejn il-miri li huma inklużi fl-istrateġija ekonomika tal-UE għal perjodu twil ta’ żmien, Ewropa 2020 bil-miri ambizzjużi tagħha għall-UE kollha u b’miri nazzjonali mal-UE kollha li għandhom jinkisbu sa tmiem dan id-deċennju fl-oqsma tal-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-enerġija u l-inklużjoni soċjali.

Ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu kontribut tal-UE fit-tfassil tal-politika nazzjonali. L-Istati Membri jibqgħu responsabbli għat-tfassil tal-politiki ekonomiċi tagħhom u biex ifasslu l-baġits nazzjonali tagħhom. Iżda llum jeżisti għarfien wiesa’ tal-interdipendenza reċiproka tagħna, fl-UE inġenerali u b’mod partikolari fiż-żona tal-ewro. Din hija r-raġuni għala l-Istati Membri ffirmaw sensiela komuni ta’ prijoritajiet ekonomiċi għall-UE, li l_Istati Membri impenjaw ruħhom li jimplimentawhom fil-livell nazzjonali.

Ir-rakkomandazzjonijiet ser jiġu approvati mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern, filwaqt li jirriflettu l-governanza ekonomika kollettiva tal-UE u l-fatt li l-UE hija spazju ekonomiku uniku, ferm akbar mit-total ta’ 27 ekonomija separata. Biex tmexxi ‘l quddiem dan l-ewwel Semestru Ewropew, l-UE qed tirrikonoxxi l-interdipendenza ekonomika tagħha u qed tagħti gwida kollettiva lil kull Stat membru dwar il-baġit, l-ekonomija u l-politiki soċjali tiegħu għall-ġejjieni.

Kull sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet hija bbażata fuq analiżi profonda tal-qagħda ekonomika f’kull Stat Membru, stabbilita fid-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal li kienu ppubblikati wkoll illum. Il-preżunzjonijiet makroekonomiċi ġew ivvalutati fl-isfond tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni stess. Ġew analizzati miżuri nazzjonali elenkati fil-programmi biex isir magħruf jekk dawn jipprovdux rispons xieraq għall-isfidi speċifiċi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Il-passi li jmiss

Ir-rakkomandazzjonijiet ser jiġu diskussi u approvati mill-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta’ Ġunju, wara diskussjoni fil-Kunsilli ECOFIN u EPSCO. L-implimentazzjoni ser tiġi mmonitorjata matul il-perjodu tas-sena li ġejja mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri permezz ta’ proċess rigoruż u analiżi kontinwu mill-pari. F’Jannar 2012, il-Kummissjoni ser tivvaluta l-progress fil-livell tal-UE fl-Istħarriġ li jmiss dwar it-Tkabbir Annwali u ta’ kull Stat Membru fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż li jmiss, f’Ġunju 2012.

Aktar tagħrif

FAQs MEMO/11/382

MEMO/11/364: Governanza ekonomika gdida tal-Ewropa

Pagna elettronika Ewropa 2020

Punti ta' kuntatt :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70) +32 4 98 953 070

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59) - +32 4 607 67 359

Amadeu Altafaj (+32 2 295 26 58) - +32 4 989 52 658

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99) - +32 4 989 82 118


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site