Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea hi sodisfatta bl-appoġġ tal-Parlament għal liġi kuntrattwali mhux obbligatorja fl-Ewropa kollha kemm hi

Strasburgu, it-8 ta' Ġunju 2011 – Permezz ta' vot li ħadu s-736 membru tiegħu fis-seduta plenarja llum, il-Parlament Ewropew b'maġġoranza kbira (521 favur, 145 kontra, 8 astensjonijiet) ta l-appoġġ tiegħu għal regoli mhux obbligatorji fl-UE kollha kemm hi għan-negozji u l-konsumaturi li jkunu qed jikkonkludu kuntratti fis-Suq Uniku. Il-vot tal-Parlament ittieħed wara tħabbira li għamlet dan l-aħħar il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding rigward żvilupp relatat mal-linji politiċi, meta qalet li qed tikkunsidra li tipproponi tali liġi kuntrattwali Ewropea mhux obbligatorja fil-ħarifa (SPEECH/11/411). It-tir tagħha hu li jkun hemm aktar koerenza fil-liġi kuntrattwali fl-Ewropa filwaqt li jitħaffu t-tranżazzjonijiet transkonfinali, notevolment għan-negozji ż-żgħar tal-Ewropa u għall-500 miljun konsumatur tagħha.

"Ninsab sodisfatta bil-vot tal-lum tal-Parlament Ewropew biex jappoġġa liġi kuntrattwali Ewropea mhux obbligatorja," qalet il-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Reding. "Qed inħares mill-qrib lejn il-possibbiltajiet kollha biex jitħaffu t-tranżazzjonijiet transkonfinali, u nemmen li t-triq li ffavorixxa l-parlament Ewropew tista' tkun għażla tajba ħafna. Din l-għażla tagħti lill-500 miljun konsumatur tal-Ewropa aktar opportunitajiet biex jixtru lil hinn mill-fruntieri filwaqt li taqta' l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għan-negozji ż-żgħar – is-sinsla tal-ekonomija tagħna. Se naħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri kollha biex nara kif il-vot tal-lum nistgħu insarrfuh f'realtà legali attraenti."

L-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet (bħall-adattament tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u tal-linji politiċi kummerċjali jew il-kisba ta' traduzzjoni tar-regoli) u l-inċertezza legali involuti biex wieħed jaħdem b'liġijiet kuntrattwali barranin jagħmluha iebsa b'mod partikolari għan-negozji ż-żgħar u l-medji, li jammontaw għal 99% tal-intrapriżi kollha fl-UE, milli jespandu fis-Suq Uniku. Liġi kuntrattwali Ewropea mhux obbligatorja tkun tista' tintgħażel b'mod ħieles mill-konsumaturi u min-negozji fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom bħala alternattiva għal-liġijiet kuntrattwali nazzjonali eżistenti meta jkunu jridu jbigħu jew jixtru prodotti lil hinn minn fruntiera nazzjonali. Tista' ssalva lil negozju żgħir fuq l-internet li jkun jixtieq jagħmel kummerċ fl-Ewropa ta' bejn wieħed u ieħor EUR 9,000 fi ħlasijiet legali u għat-traduzzjonijiet għal kull suq – jew 'il fuq minn EUR 230,000 jekk iridu jiftħu n-negozju tagħhom għall-UE kollha kemm hi.

L-approvazzjoni politika ta' llum tal-idea ta' Liġi Kuntrattwali Ewropea mhux obbligatorja seħħet wara vot li ttieħed f'April mill-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali dwar rapport fuq inizjattiva proprja minn Diana Wallis (MEMO/11/236).

Sfond

Il-kuntratti huma essenzjali biex isir in-negozju u biex isir il-bejgħ lill-konsumaturi. Huma jifformalizzaw ftehim bejn il-partijiet u jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet, inkluż il-bejgħ ta’ prodotti u ta' servizzi assoċjati magħhom bħat-tiswija u l-manutenzjoni.

Meta joperaw fis-Suq Uniku tal-Ewropa l-kumpaniji jagħmlu użu minn varjetà wiesgħa ta' kuntratti li huma rregolati minn liġijiet kuntrattwali nazzjonali differenti. Is-27 lista differenti ta' regoli nazzjonali jistgħu jwasslu għal spejjeż addizzjonali għat-tranżazzjonijiet, għal aktar inċertezza legali għan-negozji, u għal nuqqas fil-fiduċja tal-konsumaturi. Dawn jistgħu jservu ta' deterrent għax-xiri u għall-kummerċ transkonfinali fl-UE, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji. Spejjeż ogħla għat-tranżazzjonijiet jolqtu b'mod partikulari lill-kumpaniji ż-żgħar u l-medji.

Skont l-istrateġija Europe 2020 (IP/10/225), il-Kummissjoni qiegħda tittratta d-diffikultajiet fis-Suq Uniku sabiex tixpruna l-irkupru ekonomiku. Dan jinkludi ħidma biex jinstabu soluzzjonijiet armonizzati għall-kuntratti tal-konsumaturi, mudelli ta' klawżoli kuntrattwali tal-UE, u li jsir progress lejn liġi kuntrattwali Ewropea.

F’Lulju 2010 l-Kummissjoni ressqet diversi għażliet fi Green Paper għal approċċ aktar koerenti fir-rigward tal-liġi kuntrattwali. Il-Kummissjoni mbagħad organizzat konsultazzjoni pubblika li baqgħet sejra sal-31 ta' Jannar 2011 u li rriżultat fi 320 rispons (MEMO/11/55).

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Affarijiet Legali approva rapport fuq inizjattiva proprja minn Diana Wallis favur liġi kuntrattwali Ewropea mhux obbligatorja (MEMO/11/236) u li serva bħala l-bażi għall-vot fis-seduta plenarja. Il-membri parlamentari issa taw l-appoġġ tagħhom għall-fehma tal-Kumitat li strument mhux obbligatorju jkun jista’ jiġi kkumplimentat b''sett ta' għodod' ta' referenza sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-kwalità tal-leġiżlazzjoni fuq il-liġi kuntrattwali Ewropea.

Fit-3 ta' Mejju 2011, grupp ta' esperti stabbilit mill-Kummissjoni ssottometta studju dwar kemm fil-futur tista' tkun attwata inizjattiva dwar liġi kuntrattwali Ewropea (IP/11/523). Dan l-istudju bħalissa qiegħed jiġi analizzat mill-Kummissjoni biex din tara jekk jistax iservi bħala l-punt tat-tluq għal inizjattiva politika ta' segwitu dwar liġi kuntrattwali Ewropea u, f'dak il-każ, kif jista' jintuża għal dan il-għan.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Is-sit tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea fuq l-internet:

http://ec.europa.eu/justice/policies/consumer/policies_consumer_intro_en.htm

Il-paġna ewenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website