Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

It-tariffi għat-toroq: It-trakkijiet tqal ser iħallsu għall-ispejjeż tat-tniġġis tal-arja u tal-istorbju

Strasbourg, l-8 ta’ Ġunju 2011 – Siim Kallas, il-Kummissarju tal-UE għat-Trasport, laqa’ l-vot tal-Parlament Ewropew illum, fejn ta l-approvazzjoni finali tiegħu għall-proposti biex ikun hemm regoli ġodda tal-UE li jippermettu li l-Istati Membri jitolbu miżati għat-trakkijiet it-tqal, mhux biss għall-ispejjeż tal-infrastruttura li attwalment huwa l-każ, iżda wkoll biex titħallas miżata addizzjonali biex tkopri l-ispejjeż tat-tniġġis tal-arja u tal-istorbju. Ir-reviżjoni tad-"Direttiva Eurovignette" attwali ser tgħin ukoll biex l-Istati Membri jimmaniġġaw aħjar il-problemi tal-konġestjoni, bi flessibbiltà ġdida biex tvarja l-miżata għat-trakkijiet tqal (sa 175 %) f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. B’mod importanti, il-vot ipprovda wkoll għall-"identifikazzjoni" biex it-tariffi ġodda ta’ dħul jitwarrbu għat-titjib tal-proġetti għall-infrastruttura tat-trasport (TEN-T).

Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għat-Trasport, qal "Dan il-vot jissiġilla ftehim dwar regoli wiesgħa ġodda tal-UE sabiex it-trakkijiet tqal ikunu jistgħu jħallsu l-ispejjeż sħaħ tat-tniġġis tal-arja u tal-istorbju li jikkawżaw. Dawn ir-regoli ġodda tal-UE ser jibagħtu sinjali tal-prezzjijiet ġusti sabiex jinvestu aktar f’loġistiċi effiċjenti, vetturi li jniġġsu anqas u trasport sostenibbli. Ir-regoli ser jagħtu wkoll għodod ġodda lill-Istati Membri biex jikkumbattu l-konġestjoni bil-possibbiltajiet li jvarjaw il-miżati f'ħinijiet differenti tal-ġurnata biex it-trakkijiet tqal jitneħħew mit-toroq fil-perjodi bl-akbar ammont ta’ traffiku. Dan huwa pass importanti ’l quddiem."

Ir-regoli attwali

Id-Direttiva "Eurovignette" tal-1999 dwar it-tariffi tal-vetturi tqal għall-użu tal-infrastruttura tistabbilixxi qafas tal-UE għall-imposta ta’ miżati għat-toroq ta’ oġġetti tqal. Id-Direttiva tawtorizza, iżda ma tobbligax, li l-Istati Membri jagħmlu imposta għall-‘miżata fuq l-utenti’ (pereżempju għal kull ġurnata, kull ġimgħa, kull sena) jew tariffi (miżati bbażati fuq id-distanza, pereżempju għal kull kilometru) lit-trakkijiet li jkunu akbar minn 3.5 tunnellati – trakkijiet żgħar – sakemm dan ma jirriżultax fi kwalunkwe diskriminazzjoni u li l-miżati jkunu stabbiliti f'livell li ma jkunx jaqbeż l-irkupru tal-ispejjeż li jkunu neċessarji b'mod strett biex l-infrastruttura tat-toroq tinżamm fi stat tajjeb jew tinbidel.

Id-"Direttiva Eurovignette" tal-1990 tipprojbixxi l-irkupru ta’ spejjeż oħra, pereżempju dawk li jissejħu spejjeż esterni bħal ma huwa t-tniġġis tal-arja u tal-istorbju li attwalment qed jinġarru mis-soċjetà inġenerali u miċ-ċittadini li jħallsu t-taxxi. Għalhekk hemm il-ħtieġa li dawn jiġu riveduti.

Il-proposti l-ġodda

Ir-regoli l-ġodda tal-UE approvati llum mill-Parlament sejrin:

  • jagħtu lill-Istati Membri l-għażla li jitolbu miżati biex ikopru l-ispejjeż għat-tniġġis tal-arja u tal-istorbju mill-emissjonijiet tat-traffiku, u mhux biss għal miżati biex ikopru l-ispiża tal-infrastruttura;

  • jagħtu l-possibbiltà lill-Istati Membri biex jitlobu miżati ogħla matul il-perjodu bl-akbar ammont ta’ traffiku, u għal tariffi aktar baxxi matul il-perjodu b’anqas traffiku, sabiex ikun hemm ġestjoni aħjar ta’ traffiku u titnaqqas il-konġestjoni. Il-kompromess miftiehem jippermetti tariffi ogħla f’żoni ta’ konġestjoni u sa 175 % ’l fuq mit-tariffa medja, bl-ogħla tariffi jinġabru matul massimu ta’ ħames perjodi bl-akbar ammont ta’ traffiku kuljum u tariffi aktar baxxi li jkunu japplikaw matul il-kumplament tal-ħin għall-istess sezzjoni ta’ toroq.

Fil-prattika, it-talba tal-miżata għall-ispiża esterna għandha tirrappreżenta 3-4 ct/km, li jkun jiddependi mill-Euro klassi tal-vettura, il-post fejn tkun tinsab it-triq u l-livell tal-konġestjoni. Il-miżata ser ikollha tinġabar permezz ta’ sistema elettronika prevista li sal-2012 tkun totalment interoperabbli f’livell tal-UE, u ser tingħata riċevuta li tiddikjara b’mod ċar l-ammont tal-miżata għall-ispiża esterna lill-burdnara sabiex dawn ikunu jistgħu jgħaddu l-ispiża lill-klijenti tagħhom.

  • jestendu l-ambitu tad-Direttiva Eurovignette sabiex mhux biss in-netwerk TEN-T (Netwerk Trans-Ewropew) jkun kopert kif inhu l-każ attwalment, iżda jkunu koperti wkoll l-awtostradi kollha mifruxa mal-Ewropa.

  • jidentifikaw dħul minn miżati għat-titjib tas-sostenibbiltà tat-trasport. Ir-regoli l-ġodda ser jipprovdu inċentiv qawwi biex jitwarrab dħul finanzjarju mill-miżati biex jiġu ffinanzjati ċerti tipi ta' trasport definit fid-Direttiva, bħal ma hi l-infrastruttura alternattiva, is-sistemi innovattivi ta' trasport nadif jew iż-żoni sikuri ta' parkeġġ. Biex din id-dispożizzjoni tkun applikata, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jwarrbu 15 % tad-dħul totali miġbur (kemm mill-miżati ta’ infrastruttura kif ukoll mill-ispejjeż esterni) għal proġetti dwar in-netwerk trans-Ewropew. Hemm ukoll obbligu ta’ rendikont trasparenti, li skontu l-Istati Membri jkollhom jirrappurtaw b'mod regolari dwar kif id-dħul totali mill-miżati jkun qed jintuża.

  • Qed issir dispożizzjoni speċjali għal żoni muntanjużi li ser ikunu jistgħu japplikaw fl-istess ħin it-tariffa eżistenti u l-miżati l-ġodda tal-ispiża esterna għall-vetturi Euro 0, I u II u l-vetturi I u II, u għall-vetturi Euro III sa mill-2015. Id-dħul żejjed għandu jintefaq fuq il-finanzjament tal-proġetti TEN-T ta’ prijorità li jkunu jinsabu fl-istess TEN-corridor ("mini-earmarking" obbligatorju).

  • Hemm "klawżola rendez-vous" biex il-kwistjoni ta’ "min iniġġes iħallas" u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni jinżammu taħt eżaminazzjoni kontinwa. Din tippermetti li l-Kummissjoni tipproduċi rapporti dwar l-internalizzazzjoni ulterjuri tal-ispejjeż esterni, inklużi għal mezzi oħra ta’ trasport, għal vetturi oħrajn u biex tiżgura approċċ aktar armonizzat. Ir-rapporti għandhom isiru fi żmien 12 u 48 xahar rispettivament wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tagħmel proposta leġiżlattiva ġdida abbażi ta’ dawn ir-rapporti.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill ser jagħti l-approvazzjoni formali għal ftehim tal-kompromess qabel is-sajf. Wara dan l-Istati Membri ser ikollhom mhux iktar minn sentejn biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni qabel ma tibda tapplika.

Għal sfond aktar dettaljat dwar id-Direttiva Eurovignette u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, ara wkoll MEMO/11/378 u MEMO/08/492

Ir-rapport sħiħ jinsab fi:

http://ec.europa.eu/transport/greening/index_en.htm

Persuni ta’ kuntatt :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site