Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissarju għat-Trasport ivara sfida għal sistema ta' ppjanar tal-ivvjaġġar fl-Ewropa

Brussell, il-31 ta' Mejju 2011 – Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Siim Kallas, qed jisfida lill-industrija biex toħroġ b'sistema ta' ppjanar tal-ivvjaġġar verament Ewropea li tinkludi l-pajjiżi kollha u l-mezzi kollha tat-trasport. Għalkemm diġà jeżistu iktar minn 100 sistema ta' ppjanar tal-ivvjaġġar, għad m'hemmx sistema waħda li tippermetti lill-utenti jsibu l-informazzjoni jew jibbukkjaw biljett għal vjaġġ fl-Ewropa irrispettivament mill-għadd ta' pajjiżi jew mezzi ta' trasport involuti. Il-Viċi-President Kallas, li huwa l-Kummissarju responsabbli għat-transport, vara l-isfida f'konferenza dwar is-Sistema tat-Trasport Intelliġenti (ITS) fis-6 ta' Ġunju 2011. Il-pubbliku se jkun mistieden jivvota għall-għażla favorita tiegħu ladarba tispiċċa l-kompetizzjoni.

Il-Viċi President Kallas qal: "Ma nistax nifhem għaliex hemm daqshekk irqajja' ta' sistemi ta' ppjanar tal-ivvjaġġar meta suppost għandna suq Ewropew wieħed. Nixtieq nivvjaġġa fl-Ewropa u nibdel mill-ajru għall-ferrovija jew għall-baħar, għat-trasport urban jew bit-triq b'biljett wieħed ippjanat u mixtri onlajn. Huwa minħabba f'hekk li llum qed invara din l-isfida. It-teknoloġija teżisti diġà. Kulma għandna bżonn huwa li nibdew naħdmu sabiex miljuni ta' Ewropej ikunu jistgħu jippjanaw il-vjaġġi tagħhom bi ftit passi sempliċi."

Il-Kummissarju ddeċieda li jxandar l-aħbar f'Lyon billi l-konferenza hija ddedikata għal kif it-teknoloġija tal-ICT tista' tgħin biex jissolvew ħafna kwistjonijiet relatati mat-trasport. L-isfidi tat-tibdil fil-klima, iż-żieda fit-traffiku u l-kostijiet tal-fjuwil ifissru li għandna l-ħtieġa nsibu modi iktar intelliġenti kif nivvjaġġaw. L-ivvjaġġar multimodali, jiġifieri billi jintużaw tipi differenti tat-trasport għal vjaġġ wieħed, huwa parti mit-tweġiba. Dan mhux biss ikun aħjar għall-ambjent imma anke għal bwietna.

L-isfida għal sistema ta' ppjanar tal-ivvjaġġar verament Ewropea hija miftuħa għal kulħadd, minn kumpaniji u organizzazzjonijiet għal kull min huwa interessat fl-ivvjaġġar. Il-pubbliku se jkun jista' jivvota għas-sistemi ta' ppjanar tal-ivvjaġġar li jkunu tressqu u li jkunu diġà bdew jaħdmu, filwaqt li ġurija professjonali se tevalwa l-ideat għal sistema ta' ppjanar multimodali ġdida. Ir-rebbieħa se jirċievu l-għajnuna mill-Kummissjoni Ewropea biex jippromwovu l-ideat tagħhom.

Il-pubbliku għandu sad-9 ta' Settembru 2011 biex iressaq l-ideat tiegħu. Is-sistemi kollha ta' ppjanar tal-ivvjaġġar li jitressqu u jiġi preselezzjonati se jitpoġġew fuq is-sit tal-internet tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport għall-vot pubbliku mill-15 ta' Ottubru sal-15 ta' Novembru 2011. Sadattant, ġurija professjonali se tevalwa l-ideat għal sistemi ġodda ta' ppjanar tal-ivvjaġġar.

Fil-konferenza, il-Viċi-President Kallas tkellem dwar is-sit tal-internet eujourneyplanner.eu, li qed jipparteċipa fl-isfida. Dan is-sit, minbarra d-dettalji kollha dwar l-isfida, jinkludi wkoll għażla ta' sistemi ta' ppjanar tal-ivvjaġġar nazzjonali eżistenti fuq mappa tal-Ewropa li wieħed jista' jikklikkja fuqha.

Fis-6 ta' Ġunju, il-Viċi-President Kallas fetaħ ukoll it-tmien Kungress Ewropew dwar l-ITS f'Lyon. Il-kungress huwa ddedikat għall-"Mobbiltà intelliġenti - ITS għal trasport sostenibbli għall-persuni u l-oġġetti fir-reġjuni urbani".

PERSUNI TA' KUNTATT:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website