Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tiġġieled il-korruzzjoni: impenn akbar għal riżultati akbar

Brussell, is-6 ta' Ġunju 2011 – Illum il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' miżuri li jindirizzaw, b'mod aktar dinamiku, id-dannu serju li l-korruzzjoni tagħmel lis-soċjetajiet Ewropej – ekonomikament, soċjalment u politikament. Erbgħa minn kull ħames ċittadini tal-UE jqisu l-korruzzjoni bħala problema ewlenija fl-Istat Membru tagħhom. Huwa stmat li l-korruzzjoni tiswa lill-ekonomija tal-UE EUR 120 biljun fis-sena1. Dan ifisser 1% mill-PDG tal-UE u jirrappreżenta biss ftit inqas mill-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea. Dan juri biċ-ċar li hemm ħtieġa għal impenn politiku determinat għall-ġlieda kontra dan l-att kriminali. Il-Kummissjoni llum qed tieħu l-ewwel pass, billi tistabbilixxi mekkaniżmu ġdid, ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni, biex jiġu ssorveljati u evalwati l-isforzi tal-Istati Membri kontra l-korruzzjoni u biex jiġi inkoraġġit aktar impenn politiku. Dan se jgħin lill-Istati Membri biex jinfurzaw aħjar il-leġiżlazzjoni u jimplimentaw totalment l-impenji internazzjonali tagħhom, kif ukoll biex iżidu l-koerenza tal-politiki u l-azzjonijiet tagħhom kontra l-korruzzjoni.

"Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni jeħtieġ li tingħata prijorità. Għalkemm hemm oqfsa legali pjuttost sofistikati fil-livell internazzjonali u f'dak Ewropew, rajna li l-implimentazzjoni mhijiex l-istess fl-Istati Membri tal-UE. Għalija huwa ċar li l-politiċi u dawk li jagħmlu d-deċiżjonijiet ma għandhomx biżżejjed determinazzjoni biex jiġġieldu kontra dan l-att kriminali. Ir-Rapport tagħna dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni jista' jagħti lok għar-rieda politika biex tittieħed azzjoni billi jagħti stampa ċara tal-isforzi u l-kisbiet kontra l-korruzzjoni u wkoll billi jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqasijiet u d-dgħufijiet fis-27 Stat Membru. Fl-istess ħin, għandna niżguraw li jkun hemm enfasi kbira fuq il-korruzzjoni fil-politiki rilevanti tal-UE. Il-ġlieda b'suċċess kontra l-korruzzjoni hija sforz kontinwu, u l-miżuri li qed nipproponu llum huma biss parti waħda minn reazzjoni aktar kompleta għall-isfidi li l-korruzzjoni tirrappreżenta għas-soċjetajiet tagħna. Jiena nieħu dawk l-isfidi b'serjetà kbira. Din hija r-raġuni għaliex se nipproponi azzjonijiet ulterjuri fuq dawn il-linji fis-snin li ġejjin, bħal regoli ġodda dwar il-konfiska ta' assi kriminali, pjan dwar kif għandu jitjieb il-ġbir tal-istatistika dwar ir-reati kriminali, u strateġija biex l-investigazzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri jitjiebu," Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, stqarret.

Minkejja li l-korruzzjoni tvarja fin-natura u l-firxa tagħha, din tagħmel dannu lill-Istati Membri kollha u lill-UE globalment, billi tniżżel il-livelli ta' investiment, tfixkel it-tħaddim ġust tas-suq intern u tnaqqas il-finanzi pubbliċi. Kemm jekk ikun fil-forma ta' korruzzjoni politika, ta' attivitajiet korrotti mwettqa minn u ma' gruppi kriminali organizzati, ta' korruzzjoni bejn entitajiet privati jew ta' l-hekk imsejħa korruzzjoni minuri, l-abbuż ta' poter għal profitt privat mhuwiex aċċettabbli u jista' jkollu impatti serji. Fil-qalba tal-inizjattivi tal-lum hemm l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ġdid ta' evalwazzjoni biex jiġu vvalutati l-isforzi kontra l-korruzzjoni fl-UE. Dan ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni se jidentifika xejriet u dgħufijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati, kif ukoll jistimula tagħlim fost il-pari u skambji tal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni se tibda toħroġ dan ir-rapport kull sentejn mill-2013, u se jkun ibbażat fuq informazzjoni minn diversi sorsi li jinkludu l-mekkaniżmu ta' monitoraġġ eżistenti (tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-OECD u tan-Nazzjonijiet Uniti), esperti indipendenti, partijiet interessati u s-soċjetà ċivili. Fl-istess ħin, l-UE għandha tinnegozja l-parteċipazzjoni tagħha fil-Grupp ta' Stati Kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) biex toħloq sinerġiji bejn iż-żewġ mekkaniżmi.

Biex jindirizzaw il-korruzzjoni b'mod aktar effettiv, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw aħjar l-istrumenti legali kontra l-korruzzjoni li bħalissa diġà hemm fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali. L-UE għandha wkoll tagħmel aktar enfasi fuq kwistjonijiet ta' korruzzjoni, permezz tal-politiki rilevanti kollha tal-UE, kemm dawk interni u dawk esterni. Il-Kummissjoni għaldaqstant se ssegwi l-inizjattiva tal-lum bi proposta għal regoli modernizzati tal-UE dwar il-konfiska ta' assi kriminali aktar tard din is-sena, strateġija biex jitjiebu l-investigazzjonijiet finanzjarji kriminali fl-Istati Membri fl-2012 u Pjan ta' Azzjoni għal statistiċi aħjar dwar il-kriminalità. Il-Kummissjoni, flimkien ma' aġenziji tal-UE bħall-Europol, il-Eurojust u s-CEPOL, u wkoll mal-OLAF, se taħdem biex tiżdied il-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u biex jitjieb it-taħriġ ta' uffiċjali ta' infurzar tal-liġi. Se taħdem biex ikun hemm regoli tal-UE modernizzati dwar l-akkwist pubbliku u dwar standards ta' kontabbiltà u verifika statutorja għal kumpaniji tal-UE. Fl-2011 se tadotta wkoll strateġija kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tiffoka aktar fuq kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-proċess ta' tkabbir tal-UE u - flimkien mar-Rappreżentant Għoli - fil-politika tagħna tal-viċinat. Se jsir użu akbar mill-kondizzjonalità fil-politiki ta' koperazzjoni u ta' żvilupp tagħna.

Sfond

Il-pakkett kontra l-korruzzjoni li ġie adottat illum hu magħmul minn:

  • Komunikazzjoni dwar ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, li tippreżenta l-għanijiet tar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u l-aspetti prattiċi tat-tħaddim tiegħu. Il-Komunikazzjoni tispjega wkoll kif l-UE għandha tagħmel aktar enfasi fuq il-korruzzjoni fil-politiki interni u esterni rilevanti kollha;

  • Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi dan il-mekkaniżmu ta' rappurtaġġ kontra l-korruzzjoni tal-UE;

  • Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/GAI dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat;

  • Rapport dwar il-modalitajiet ta' parteċipazzjoni tal-UE fil-Grupp ta' Stati Kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO).

Il-passi li jmiss

Is-sensiela ta' miżuri li ġew adottati llum huma parti minn aġenda usa' biex tiġi protetta l-ekonomija leċita tal-Ewropa, kif ġie ddikjarat fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna fl-Azzjoni tal-UE, li ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni f'Novembru tal-2010 (IP/10/1535). Din il-ħarifa l-Kummissjoni se tipproponi wkoll qafas legali tal-UE rivedut dwar il-konfiska u l-irkupru ta' assi kriminali u Pjan ta' Azzjoni dwar kif jista' jitjieb il-ġbir ta' statistika dwar il-kriminalità.

Għal iktar informazzjoni

Il-websajt ewlenija ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-websajt ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Contacts :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

1 :

Din iċ-ċifra hija bbażata fuq stimi li saru minn istituzzjonijiet u korpi speċjalizzati, bħall-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, Transparency International, UN Global Compact, il-Forum Ekonomiku Dinji, Clean Business is Good Business, 2009, li jissuġġerixxu li l-korruzzjoni tammonta għal 5% mill-PDG fil-livell dinji.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site