Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Erasmus: Rekord fl-għadd ta' studenti li jirċievu għotjiet mill-UE għall-istudju u t-taħriġ barra minn pajjiżhom

Brussell, is-6 ta' Ġunju 2011 - 'Il fuq minn 213 000 student irċevew għotja tal-'Erasmus' biex jistudjaw jew isegwu taħriġ barra minn pajjiżhom matul is-sena akkademika 2009/10 – rekord ġdid, li jirrappreżenta żieda ta' 7.4 % fuq iċ-ċifra tas-sena ta' qabel. L-Erasmus huwa l-iktar programm ta' suċċess għall-iskambju tal-istudenti, u abbażi tax-xejriet kurrenti, l-UE mistennija tilħaq il-mira tagħha li tappoġġja 3 miljun student Ewropew sas-sena 2012/13 mindu tnieda l-programm fl-1987. It-tliet destinazzjonijiet l-iktar imfittxija mill-istudenti għas-sena 2009/10 kienu Spanja, Franza u r-Renju Unit. Spanja bagħtet l-ikbar għadd ta' studenti barra, segwita minn Franza u l-Ġermanja. Fl-istess sena, 61 % mill-istudenti tal-Erasmus kienu nisa. L-UE investiet EUR 415 miljun fl-Erasmus fis-sena 2009/10.

"Il-programm Erasmus hu waħda mill-istejjer ta' suċċess kbir tal-Unjoni Ewropea. Dan jixhduh biċ-ċar l-iktar figuri riċenti: l-Erasmus sar aktar popolari minn qatt qabel, u jien impenjata li niżgura li jkun hemm iktar riżorsi għalih fil-ġejjieni. L-istudju jew it-taħriġ f'pajjiż ieħor jiftaħ il-bibien lejn l-iżvilupp personali kif ukoll lejn opportunitajiet professjonali, u għaldaqstant nagħmlu sewwa li nkunu ambizzjużi meta niġu biex ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Mill-għadd totali ta' studenti li rċevew appoġġ mill-Erasmus fis-sena 2009/10, 178 000 qattgħu parti mill-programm ta' lawrja tagħhom barra minn pajjiżhom, f'università jew istituzzjoni oħra ta' edukazzjoni għolja f'wieħed mit-32 pajjiż li ħadu sehem fl-inizjattiva Erasmus f'dik l-istess sena (is-27 Stat Membru, il-Kroazja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija. Din is-sena l-Iżvizzera saret it-33 pajjiż li ssieħeb mal-Erasmus). L-għadd ta' studenti li għażlu l-istudju żdied b'5.7 % imqabbel mas-sena 2008/09.

It-taħriġ professjonali ma' kumpaniji f'pajjiżi barranin ilu jirċievi appoġġ mill-Erasmus mill-2007, u kulma jmur qed isir iktar popolari. Fis-sena 2009/10, 35 000 student (wieħed f'kull sitta tat-total) għażlu li jagħmlu dan. Dan jirrappreżenta żieda ta' 17.3 % fuq is-sena ta' qabel.

L-għotja medja fix-xahar tal-Erasmus niżlet b'madwar 7 % sa EUR 254, minħabba l-għadd ikbar ta' studenti li jingħataw appoġġ. Id-domanda tisboq ferm l-offerta ta' għotjiet tal-Erasmus disponibbli fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li jieħdu sehem. Skont stħarriġ imwettaq għall-Parlament Ewropew fl-2010, 24 % biss mill-istudenti mhux tal-Erasmus stqarrew li ma kinux interessati jsegwu programm ta' studju barra minn pajjiżhom.

Barra minn hekk, ingħataw 38 000 għotja lil persunal universitarju u għalliema biex jgħallmu jew isegwu taħriġ barra minn pajjiżhom, jiġifieri 4 % aktar milli fis-sena ta' qabel.

L-isfond

Il-mobbiltà fit-tagħlim hija għan ewlieni tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u għall-impjiegi, u fuqha tiffoka l-inizjattiva tal-Kummissjoni "Żgħażagħ fil-Mobbiltà" (Youth on the Move), li tkompli tibni fuq is-suċċess tal-Erasmus.

Huwa stmat li 10 % tal-istudenti Ewropej bħalissa jinsabu barra minn pajjiżhom biex jistudjaw jew isegwu programm ta' taħriġ bħala parti mill-edukazzjoni għolja tagħhom; minnhom, 4 % jirċievu għotja tal-Erasmus. Ix-xahar li għadda, il-Kummissjoni ħabbret pjanijiet għal mira Ewropea ġdida, bil-għan li l-livell ġenerali tal-mobbiltà tal-istudenti jittella' għal mill-anqas 20 %.

Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru (IP/11/567) sab li ħafna studenti tiċċaħħdilhom l-ambizzjoni tagħhom li jistudjaw jew isegwu taħriġ barra minn pajjiżhom minħabba nuqqas ta' fondi. Skont l-istħarriġ, minn dawk li xtaqu jmorru barra, 33 % ma kinux jaffordjaw, filwaqt li kważi żewġ terzi (63 %) minn dawk li kienu jaffordjaw kellhom jinqdew b'finanzjament privat jew bil-flus imfaddlin. "Din is-sejba tisħaq fuq il-ħtieġa li nsaħħu l-programmi tal-mobbiltà tagħna, li jipprovdu valur tajjeb ħafna għall-flus," żiedet il-Kummissarju Vassiliou.

L-istudju jew it-taħriġ f'pajjiż barrani jgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet li l-impjegaturi japprezzawhom: mit-tagħlim tal-ilsna u iktar kuxjenza interkulturali għall-kapaċitajiet ta' tmexxija u adattament. L-istudenti tal-Erasmus ikollhom iktar tendenza li jaħdmu barra minn pajjiżhom iktar tard f'ħajjithom.

L-Erasmus għen ukoll biex l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa ssir iktar internazzjonali, u biex inkoraġixxa titjib fil-kwalità, il-koerenza u t-trasparenza tal-korsijiet.

Ix-xahar li għadda, il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE adottaw pjan konġunt biex jitneħħa x-xkiel għall-mobbiltà fit-tagħlim, kif ukoll biex din tiġi xprunata permezz ta' iktar finanzjament u riformi tas-sillabi.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/11/375

ANNESSI:

L-annessi kollha jinstabu fuq

http://ec.europa.eu/education/erasmus/doc920_en.htm

Anness 1: Time series on Erasmus student mobility under the Lifelong Learning Programme 2007/08 to 2009/10

Annss 2: Time series on outgoing Erasmus students from 1987/1988 to 2009/10

Anness 3: Outgoing and incoming Erasmus student mobility in 2009/10 (studies and placements combined). More detailed information can be found on the Erasmus website, including separate statistics on mobility for studies and placements

Anness 4: Outgoing and incoming Erasmus staff mobility in 2009/10 (teaching assignments and staff training combined). More detailed information on the Erasmus website, including separate statistics on teaching assignments and staff training

Anness 5: Outgoing Erasmus students as a share of university graduates in 2009

Anness 6: Top 100 sending higher education institutions

Iktar dwar il-programm Erasmus

Erasmus: fatti u ċifri [ktejjeb]

Statistiċi dwar l-Erasmus

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobbiltà fit-tagħlim

Dokument ta' ħidma tal-persunal: New benchmarks on employability and learning mobility

Kuntatti:

Dennis Abbott +32 2 295 92 58

Dina Avraam +32 2 295 96 67


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website