Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni favur standards aħjar biex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u jitħeġġeġ l-interess tal-konsumaturi

European Commission - IP/11/668   01/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni favur standards aħjar biex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u jitħeġġeġ l-interess tal-konsumaturi

Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2011. L-istandards huma strument deċiżiv fil-kompetizzjoni internazzjonali. Il-konsumaturi ma għandhomx ikunu obbligati li jbiddlu bosta ċarġers għall-apparat elettroniku tagħhom. U mhux se ssir distribuzzjoni tal-massa tal-karozzi elettroniċi mingħajr standards komuni biex jiġu ċċarġjati mill-ġdid. Il-kumpaniji tal-mowbajls jew tas-softwer qegħdin juru pubblikament l-isforz li qegħdin jagħmlu biex ikunu minn ta' quddiem fir-rigward tal-istandards rispettivi tagħhom. Ma hemm l-ebda dubju li standard tajjeb jista' jiffaċilita l-ħajja tal-konsumaturi, jippromwovi s-sostenibbiltà, isaħħaħ il-kompetittività Ewropea u l-pożizzjoni teknoloġika tagħha fuq quddiem fis-swieq dinjija. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi serje ta' miżuri leġiżlattivi u oħrajn mhux leġiżlattivi sabiex jiġu żviluppati aktar standards u b'aktar ħeffa. Standards huma gruppi ta' kriterji tekniċi u tal-kwalità volontarji għall-prodotti, is-servizzi u l-proċessi ta' produzzjoni. Ħadd ma huwa obbligat jużahom jew japplikahom iżda dawn l-istandards jgħinu lin-negozji jaħdmu flimkien u jgħinu lill-konsumaturi jiffrankaw il-flus. Iżda fl-imgħoddi, kienu jeħtieġu bosta snin biex jiġi żviluppat standard Ewropew u għalhekk xi standards baqgħu lura ħafna meta mqabbla mat-teknoloġiji li jevolvu malajr. Għalhekk, ċerti setturi wrew inqas interess li jimpenjaw irwieħhom fl-istandardizzazzjoni jew inkella ma jistgħux jibbenefikaw mill-effetti pożittivi tal-istandards. Dan għandu jinbidel bil-pakkett li qed jiġi ppreżentat illum. Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-"Unjoni tal-Innovazzjoni", stieden lill-Kummissjoni "biex tagħmel proposti biex taċċelera, tissimplifika u timmodernizza l-proċeduri tal-istandardizzazzjoni, b'mod partikolari biex tippermetti li l-istandards żviluppati mill-industrija jinbidlu fi standards Ewropej".

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, responsabbli għall-industrija u l-intraprenditorija, qal: "Biex tkun ta' suċċess, l-Ewropa għandha tirreaġixxi għall-isfida tal-innovazzjoni mgħaġġla, is-sostenibbiltà, il-konverġenza tat-teknoloġiji, u l-kompetizzjoni dinjija qalila. Sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea dinamika hija essenzjali għat-tħeġġiġ tal-kwalità u l-innovazzjoni u biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Ewropa bħala attur ekonomiku dinji. Madankollu, l-istandards jippermettu li jkollna prodotti sostenibbli u tal-aħjar kwalità bi prezz aktar baxx. L-istandardizzazzjoni hija wkoll punt ewlieni għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tagħna."

Il-passi l-aktar importanti li ħadet il-Kummissjoni llum biex issaħħaħ is-sistema tal-istabbiliment tal-istandards fl-Ewropa u biex timplimenta l-impenji tal-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020, il-Politika Industrijali, l-Unjoni tal-Innovazzjoni, l-Aġenda Diġitali u l-Att dwar is-Suq Intern huma dawn li ġejjin:

  • L-Ewropa se tinsisti għal aktar standards internazzjonali f'dawk is-setturi ekonomiċi fejn l-Ewropa hija mexxejja dinjija;

  • Il-prodotti b'teknoloġija avvanzata ta' spiss jinbiegħu flimkien ma' servizzi ta' manutenzjoni. Għalkemm jeżistu ħafna standards Ewropej għall-prodotti, bilkemm jeżistu għas-servizzi. Għalhekk, jistgħu jiġu żviluppati aktar standards Ewropej għas-servizzi mmexxija mis-suq u b'hekk il-kumpaniji jingħataw vantaġġi kummerċjali;

  • Biex tipproponi mod sempliċi u mgħaġġel biex jiġu rikonoxxuti l-istandards tal-ICT li qegħdin isiru aktar importanti u li ġew żviluppati mill-organizzazzjonijiet dinjija għall-iżvilupp tal-istandards tal-ICT, bħal pereżempju dawk li jsostnu l-internet, li għandhom jintużaw fl-akkwist pubbliku, il-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan għandu jistimula l-innovazzjoni, inaqqas l-ispejjeż amministrattivi ġenerali u jibni soċjetà diġitali billi jħeġġeġ l-interoperabbiltà bejn l-apparati, l-applikazzjonijiet, ir-repożitorji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks.

  • Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet ewlenin tal-istandardizzazzjoni fl-Ewropa (jiġifieri s-CEN, s-CENELEC u l-ETSI) sabiex l-istandards tagħhom ikunu disponibbli aktar malajr. In-negozji li qegħdin jużaw dawn l-istandards jistgħu jagħmlu l-prodotti tagħhom aktar kompatibbli ma' prodotti oħra sabiex il-konsumaturi jkollhom għażla aktar wiesgħa bi prezz baxx;

  • L-istandards Ewropej se jitfasslu bl-għajnuna ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawk li huma l-aktar affettwati jew li l-aktar għandhom x'jaqsmu – il-konsumaturi, in-negozji ż-żgħar, l-organizzazzjonijiet ambjentali u soċjali.

L-istandard il-ġdid għal ċarġer tal-mowbajl universali li jkun jista' jintuża għall-mudelli kollha huwa eżempju perfett tal-valur kbir li għandhom l-istandards Ewropej fil-ħajja tagħna ta' kuljum.

Xi wħud mill-azzjonijiet proposti llum se jiġu implimentati minnufih filwaqt li l-oħrajn jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Sfond

F'era ta' kompetizzjoni dinjija dejjem tikber, il-kompetittività Ewropea tiddependi fuq il-ħila tagħna li nħeġġu l-innovazzjoni fil-prodotti, is-servizzi u l-proċessi u li nużaw fis-sħiħ il-potenzjali tas-Suq Intern.

L-istrateġija ppreżentata llum tistabbilixxi pakkett ta' miżuri, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi. Il-miżuri leġiżlattivi jinsabu fil-proposta mehmuża għal Regolament dwar l-istandardizzazzjoni, li taġġorna u tgħaqqad flimkien il-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti u hija akkumpanjata minn Valutazzjoni tal-Impatt. Il-miżuri leġiżlattivi jinkludu azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni u serje ta' rakkomandazzjonijiet indirizzati lil atturi oħrajn fis-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni (ara MEMO/11/369). Din il-proposta hija waħda mit-12-il azzjoni ewlenija fl-Att dwar is-Suq Uniku. Tissodisfa wkoll azzjoni ewlenija tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

Għal aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/european-standards/standardisation-policy/index_en.htm 

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Andrea Maresi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website