Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-fondazzjoni tal-Istitut dwar id-Dritt Ewropew

Pariġi, l-1 ta' Ġunju 2011 –Il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Ġustizzja, Viviane Reding, iddeskriviet il-fondazzjoni tal-Istitut dwar id-Dritt Ewropew bħala kontribut importanti għall-mira aktar wiesgħa tal-UE li tibni żona Ewropea tal-ġustizzja. L-Istitut, bħala organizzjoni indipendenti mingħajr skop ta' qligħ, se jgħin biex tiżdied il-konsistenza legali fl-Ewropa billi jagħti pariri prattiċi lil dawk li jifformulaw il-politiki u lill-awtoritajiet.

"Il-fondazzjoni tal-Istitut dwar id-Dritt Ewropew hija kisba importanti fil-ħolqien ta' żona ta' liġi, drittijiet u ġustizzja li tkopri l-UE kollha kemm hi," qalet il-Viċi-President Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "L-Istitut għandu l-potenzjali li jikkontribwixxi valur miżjud sinifikanti lir-riċerka legali Ewropea, billi jtejjeb l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u jgħin biex din taħdem għaċ-ċittadini u għan-negozji. Ninsab fiduċjuża li l-Istitut dwar id-Dritt Ewropew se jagħmel l-aħjar użu mid-diversità rikka li hemm fost is-sistemi legali tal-Ewropa u li se jagħti kontribut għall-iżvilupp ta' kultura legali Ewropea."

Il-liġi Ewropea għandha impatt kbir fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-istrutturi politiċi u legali nazzjonali Ewropej. Huma meħtieġa riċerka akkademika u taħriġ ġudizzjarju biex jitkompla l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-oqsma kollha tal-liġi Ewropea – kemm jekk ċivili kif ukoll jekk kriminali jew amministrattivi.

L-Istitut se jgħin fl-analiżi tad-diffikultajiet affaċċjati mill-professjonisti tal-liġi, se jidentifika soluzzjonijiet possibbli biex titjieb l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, u se jiżviluppa suġġerimenti għal riformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma kollha. Se jkun ukoll forum għall-iskambju ta' opinjonijiet u għad-diskussjoni għall-avukati, l-akkademiċi u l-professjonisti.

L-inizjattiva biex jinħoloq Istitut dwar id-Dritt Ewropew – li ġiet promossa mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni tagħha għall-ħolqien ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa (IP/10/447) – hija ispirata mill-American Law Institute, li huwa korp mhux governattiv li kellu rwol kruċjali fl-iżvilupp ta' Kodiċi Kummerċjali Uniformi (Uniform Commercial Code), li jiffaċilita l-bejgħ u tranżazzjonijiet kummerċjali oħrajn fil-50 Stat tal-Istati Uniti.

Barra milli ssaħħaħ ir-riċerka legali Ewropea, il-Kummissjoni għandha l-għan li żżid it-taħriġ ta' prattikanti tal-liġi fl-użu u fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fil-prattika. Għalhekk, qed tippjana li tippreżenta pjan komprensiv ta' azzjoni għal taħriġ ġudizzjarju Ewropew fil-ħarifa.

Sfond

L-Istitut dwar id-Dritt Ewropew se:

  • jevalwa u jistimula l-iżvilupp tal-liġi, u l-politika u l-prattika legali tal-UE;

  • jagħmel proposti għall-iżvilupp ulterjuri tal-korp tal-liġi tal-UE u għal titjib fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE mill-Istati Membri;

  • jidentifika u janalizza l-iżviluppi legali f'oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri u li huma relevanti fil-livell tal-UE;

  • jistudja l-approċċi tal-UE rigward il-liġi internazzjonali u jiżviluppa r-rwol li l-liġi tal-UE jista' jkollha globalment, pereżempju fit-tfassil ta' strumenti internazzjonali jew ta' regoli tipiċi;

  • iwettaq u jiffaċilita riċerka pan-Ewropea, bħat-tfassil, l-evalwazzjoni u t-titjib ta' prinċipji u regoli li huma komuni għas-sistemi legali Ewropej;

  • jipprovdi forum li fih il-ġuristi – akkademiċi, imħallfin, avukati u professjonisti legali oħrajn – minn tradizzjonijiet legali differenti jkunu jistgħu jiddiskutu.

Il-Kunsill tal-Istitut jista' jaħtar fellows u osservaturi, kemm fuq inizjattiva proprja jew wara applikazzjoni li ssir minn kandidati. Is-sede tiegħu se tkun fi Vjenna, l-Awstrija.

Għal iktar informazzjoni

Il-Viċi President Viviane Reding tilqa' bi pjaċir il-fondazzjoni tal-Istitut dwar id-Dritt Ewropew f'diskors fl-Istitut Universitarju Ewropew f'Firenze fl-10 ta' April 2010:

SPEECH/10/154

Il-programm tal-konferenza tal-ftuħ tal-Istitut dwar id-Dritt Ewropew f'Pariġi fl-1 ta' Ġunju 2011:

http://www.europeanlawinstitute.eu/typo/index.php?id=110

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

L-Istitut dwar id-Dritt Ewropew:

http://www.europeanlawinstitute.eu

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website