Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Sistema Ewropea Komuni tal-Asil: ħarsien u solidarjetà aħjar għan-nies li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali

Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2011 - Il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) titlesta sal-2012. Il-proposti modifikati rigward id-Direttivi dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza u dwar il-Proċeduri tal-Asil se jiżguraw li jkun hemm regoli aktar mħaffa, ġusti u effiċjenti għall-benefiċċju tal-Istati Membri u tal-persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali. Huma jqisu t-tagħrif miksub minn diversi snin ta' negozjati fil-Kunsill tal-Ministri u fil-Parlament Ewropew, kif ukoll minn konsultazzjonijiet ma' assoċjazzjonijiet tar-refuġjati u mal-UNHCR. Issa n-negozjati jridu jimxu 'l quddiem dwar l-elementi li għad fadal tal-"pakkett leġiżlattiv dwar l-asil".

"Il-konsolidazzjoni ta' politika ġenwina dwar l-asil u l-immigrazzjoni hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħi. Illum il-livell ta' trattament u ta' garanziji għal dawk li jkunu qed ifittxu asil ivarja ħafna fl-UE u l-possibiltajiet li tinkiseb protezzjoni huma radikalment differenti skont l-Istat Membru li jkun qed jeżamina t-talba għal asil. Dan irid jinbidel. Neħtieġu proċeduri tal-asil effiċjenti u ġusti u kundizzjonijiet ta' akkoljenza adegwati u komparabbli għal dawk li jkunu qed ifittxu l-asil fl-UE kollha. Fl-istess ħin, l-istandards li naqblu dwarhom fil-livell Ewropew għandhom ikunu sempliċi, ċari u kosteffiċjenti. L-UE trid tiddefendi l-valuri tagħha u tipprovdi protezzjoni għal dawk li jiġu hawn biex isibu kenn mill-persekuzzjoni u mill-kunflitt - huwa għal din ir-raġuni li jeħtieġ li nirrispettaw l-impenn tagħna li nistabbilixxu Sistema Ewropea Komuni tal-Asil sal-2012. Il-proposti tal-lum joffru standards ta' livell għoli għal nies li ġenwinament jeħtieġu protezzjoni u se jgħinu biex jitnaqqsu l-piżijiet bla bżonn fuq l-awtoritajiet nazzjonali. Se jikkontribwixxu wkoll biex ikun hemm aktar fiduċja fost l-Istati Membri", sostniet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni.

L-inizjattivi tal-lum għandhom l-għan li jwasslu għal proċeduri effiċjenti u ġusti u li jiżguraw kundizzjonijiet ta' akkoljenza adegwati u komparabbli fl-UE kollha.

Il-bidliet li saru għall-proposta rigward id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil għandhom l-għan li jissimplifikaw u jiċċaraw ir-regoli sabiex:

  • jiffaċilitaw l-implimentazzjoni għall-Istati Membri, b'mod partikolari meta jkunu qed jittrattaw numru kbir ta' talbiet simultanji għall-asil. Ir-regoli ġew riveduti fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura dwar l-asil, il-mod kif jitmexxew l-intervisti personali u rigward iż-żmien massimu għall-proċeduri dwar l-asil (il-proposta se jibqa’ jkollha l-iskadenza ġenerali ta' sitt xhur, biex jitlestew il-proċeduri fl-ewwel istanza, bħala għan ewlieni tagħha).

  • l-abbuż potenzjali jiġi indirizzat aħjar. Hemm regoli ġodda li jipprovdu li l-Istati Membri jistgħu jaċċeleraw il-proċeduri u jeżaminaw mal-fruntiera talbiet li ċarament ma jikkonvinċux jew li huma minn applikanti li jkunu ta' periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku.

  • titjieb il-kwalità deċiżjonali fl-ewwel istanza, permezz ta' miżuri aktar prattiċi li jgħinu lill-applikant jifhem il-proċedura jew billi jingħata taħriġ xieraq lill-persunal li jeżamina jew li jagħmel id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet.

  • ikun hemm garanzija ta' aċċess għall-protezzjoni. Il-kjarifiki jirrigwardaw il-passi inizjali li għandhom jittieħdu fil-proċedura dwar l-asil mill-għassiesa tal-fruntieri, l-uffiċjali tal-pulizijia u awtoritajiet oħrajn li jagħmlu l-ewwel kuntatt mal-persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni.

  • jiġu trattati applikazzjonijiet ripetuti. Il-proposta modifikata tiċċara r-regoli dwar il-possibbiltà għal dawk li jkunu qed ifittxu asil biex jerġgħu japplikaw jekk iċ-ċirkustanzi tagħhom ikunu nbidlu, u biex jiġi evitat l-abbuż potenzjali tas-sistema.

  • titjieb il-koerenza ma' strumenti oħrajn tal-acquis tal-UE dwar l-asil, bħall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ għall-Asil (EASO). Qed jiġi previst rwol aktar konkret għall-EASO fid-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ u l-aċċess għall-proċedura dwar l-asil.

Il-modifiki għall-proposta rigward id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza jipprovdu aktar kjarezza u flessibbiltà sabiex:

  • l-implimentazzjoni ssir iktar faċli għall-Istati Membri. Aktar libertà fl-implimentazzjoni tal-miżuri se tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż finanzjarji u l-piżijiet amministrattivi.

  • jiġi żgurat li jkun hemm regoli ċari li jillimitaw b'mod strett il-possibbiltà li dawk li jfittxu asil jiġu detenuti. Il-proposta riveduta tkompli tħaddan standards għoljin ta' trattament fil-każ tad-detenzjoni; ir-restrizzjonijiet tad-dritt għall-moviment liberu għandhom jiġu biss applikati għal raġunijiet ċari, komuni u eżawrjenti u dan biss meta jkun neċessarju u proporzjonat.

  • jiġu żgurati livelli tal-għajxien dinjitużi, permezz ta' miżuri nazzjonali għall-identifikazzjoni tal-bżonnijiet speċjali ta' persuni vulnerabbli, bħall-minorenni u l-vittmi tat-tortura, u billi jiġi pprovdut livell xieraq ta' appoġġ materjali lill-applikanti għal asil.

  • tissaħħaħ l-awtosuffiċjenza ta' dawk li jfittxu l-asil. L-għan huwa li l-aċċess għall-impjiegi ta' dawk li jkunu qed ifittxu l-asil jiġi ffaċilitat filwaqt li titħalla flessibbiltà għall-Istati Membri matul il-perjodu ta' eżami tal-applikazzjonijiet fl-ewwel istanza jew jekk ikunu qed jaffaċċjaw numri kbar ta' talbiet simultanji għall-asil.

Sfond

Il-Kummissjoni l-ewwel għamlet proposti biex tiġi emendata d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza f'Diċembru tal-2008 (IP/08/1875) u biex jiġu emendati l-Proċeduri dwar l-Asil f'Ottubru tal-2009 (IP/09/1552). Il-proposti modifikati tal-lum iqisu l-progress li sar matul in-negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kif ukoll matul konsultazzjonijiet ma' atturi oħrajn (bħall-UNHCR u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi).

Il-passi li jmiss

Iż-żewġ proposti se jiġu ppreżentati lill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni fid-9 ta' Ġunju u se jkomplu jiġu diskussi matul il-Presidenza Pollakka. Biex isiru liġi jeħtieġu l-appoġġ tal-Parlament Ewropew u ta' maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri.

Għal iktar informazzjoni

Is-sit web ewlieni ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Is-sit web ewlieni tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Contacts :

Marcin Grabiec (+32 2 298 10 45)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website