Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew ilaqqgħu flimkien mexxejja reliġjużi biex jiddiskutu d-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi

European Commission - IP/11/658   30/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

Il-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew ilaqqgħu flimkien mexxejja reliġjużi biex jiddiskutu d-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi

Brussell, it-30 ta' Mejju 2011 - Illum, madwar għoxrin rappreżentant għoli mir-reliġjon Kristjana, minn dik Lhudija u minn dik Musulmana, kif ukoll mill-komunitajiet Buddisti, iltaqgħu fi Brussell fuq stedina mill-President José Manuel Barroso u kopreseduta minn Jerzy Buzek, il-President tal-Parlament Ewropew, u Herman Van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew. Huma ddiskutew modi effettivi ta' drittijiet u libertajiet bil-għan li tinbena Sħubija għad-demokrazija u prosperità komuni bejn l-Ewropa u l-viċinat tagħha.

Din kienet is-seba' laqgħa f'sensiela ta' laqgħat annwali mnedija mill-President Barroso fl-2005. Din hija t-tieni darba li l-laqgħa qed issir fil-kuntest tat-Trattat ta' Lisbona, li fl-Artikolu 17 tiegħu jistabbilixxi li l-Unjoni għandha żżomm "djalogu miftuħ, trasparenti u regolari" ma' reliġjonijiet, knejjes u komunitajiet ta’ twemmin. Il-laqgħa tal-lum hijia għal darb'oħra xhieda tal-importanza li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħtu lil dan id-djalogu.

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: "Il-ħidma u l-ambizzjoni tagħna huma li nippromwovu d-demokrazija, il-pluraliżmu, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja soċjali mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fil-viċinat tagħna. Nemmen bil-qawwa li dawn l-isfidi ma jistgħux jintlaħqu mingħajr il-kontribut attiv tal-komunitajiet reliġjużi. Id-diskussjoni tal-lum ikkonfermat l-impenn komuni tagħna għall-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi, inkluż il-libertà reliġjuża u dik tat-twemmin.

Jerzy Buzek, il-President tal-Parlament Ewropew, żied: "Il-komunitajiet reliġjużi huma ta' importanza kbira għan-nisġa soċjali fil-pajjiżi tal-UE. Dan jgħodd ukoll għall-bidliet dinamiċi fil-viċinat tagħna. Il-Parlament Ewropew dejjem enfasizza li l-libertà tar-reliġjon jew twemmin hija waħda mill-aktar drittijiet fundamentali tal-bniedem. Sabiex tkun kompletament effettiva, bħala parti mill-politika tal-viċinat tagħha, l-UE trid tikkoopera b'mod tanġibbli ma' gruppi reliġjużi fuq suġġetti li jvarjaw mill-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa sal-bini mill-ġdid f'soċjetajiet wara li jkun spiċċa kunflitt."

Herman Van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew, qal: "Ejja ma ninsewx l-istorja. Bħalissa, l-istorja tinsab miexja 'l quddiem fl-Afrika ta' Fuq u fid-dinja Għarbija. Din il-mixja twila lejn il-libertà u l-ġustizzja. Huma preċiżament il-valuri li għandhom l-għeruq tagħhom fit-Trattati Ewropej. Dan għalhekk mhux il-mument li fih aħna l-Ewropej għandna nsiru anqas miftuħa, anqas tolleranti, aktar egoisti jew materjalisti, jew inkella aktar razzisti. Il-valuri ma jistgħux jibqgħu ħajjin mingħajr spinta spiritwali, reliġjuża jew etika. Huwa hawnhekk fejn jista' jkollkom rwol ewlieni. Ħadd ma għandu l-monopolju fuq il-valuri umani l-kbar li taw tifsira lil ħajjitna u lis-soċjetajiet tagħna. Iżda mingħajr din l-ispinta u mingħajr din l-enerġija, jista' jisfronda kollox. Jeħtieġ inkunu konxji minn dan."

Mill-bidu tas-sena ġraw avvenimenti straordinarji fil-viċinat qrib tal-Ewropa li fakkru fil-mewġiet tad-demokrazija fl-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvanti fl-aħħar tat-tmeninijiet u fil-bidu tad-disgħinijiet. Il-futur tagħna huwa wieħed komuni ma' dak tal-ġirien tagħna. F'April li għadda l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ippreżentaw Sħubija ambizzjuża għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni man-Nofsinhar tal-Mediterran. L-UE hija l-akbar donatur u investitur, fil-wisgħa, fil-pajjiżi tal-viċinat, iżda l-Ewropa hija fuq kollox determinata li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi, mhux biss fil-kontinent tagħna, iżda wkoll lil hinn minnu. Id-demokrazija kienet iċ-ċavetta għall-paċi u l-prosperità fl-Ewropa, l-UE hija determinata li taqsam dan it-twemmin mal-imsieħba kollha, partikolarment mal-ġirien tagħna.

Id-diskussjonijiet saru fi spirtu sinċier u miftuħ. Il-mexxejja tal-fidi minn tlettax-il Stat Membru tal-UE (ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Isvezja, l-Ungerija, Franza, il-Belġju, l-Awstrija, l-Italja, ir-Rumanija, il-Greċja, Ċipru, il-Polonja u l-Pajjiżi l-Baxxi) u minn pajjiżi terzi (ir-Russja u l-Bosnja u Ħerzegovina) laqgħu l-interazzjoni determinata u mġedda tal-UE mal-eqreb ġirien tagħha. Huma esprimew li huma lesti jaħdmu flimkien mal-istituzzjonijiet Ewropej biex jippromwovu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li huma indispensabbli fil-bini ta' soċjetajiet pluralisti u demokratiċi.

Il-Viċi-President tal-Parlament Ewropew László Tökes, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding, il-Kummissarju John Dalli, il-Kummissarju Štefan Füle u l-Kummissarju Cecilia Malmström, wkoll ipparteċipaw fil-laqgħa.

Lista tal-parteċipanti: ara MEMO/11/359

"Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperita komuni"

Aktar dwar id-djalogu tal-UE mar-reliġjon, mal-knejjes u mal-komunitajiet tat-twemmin

Contacts :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website