Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: appoġġ ewlieni biex titkompla għodda ta' finanzjament speċifika tal-UE għall-azzjoni dwar l-ambjent u l-klima

European Commission - IP/11/647   26/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/647

Brussell, is-26 ta' Mejju 2011

L-Ambjent: appoġġ ewlieni biex titkompla għodda ta' finanzjament speċifika tal-UE għall-azzjoni dwar l-ambjent u l-klima

Madwar 85.8 % tat-tweġibiet għal konsultazzjoni pubblika riċenti dwar il-futur tal-LIFE+, l-għodda ta' finanzjament ambjentali tal-Kummissjoni Ewropea, iqisu li hemm bżonn ta' strument ta' finanzjament speċifiku tal-UE għall-azzjoni dwar l-ambjent u l-klima. Maġġoranza ta' 54.6 % jaħsbu li l-baġit għall-istrument għandu jiżdied. Matul it-tħejjija għall-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 li jmiss, ir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni se jintużaw għal evalwazzjoni tal-ħtieġa ta' programm ta' azzjoni speċifiku dwar l-ambjent u l-klima fil-baġit tal-UE. L-aħbar ixxandret matul konferenza dwar l-istejjer ta' suċċess tal-LIFE li tnehdiet fi Brussell.

Bħala parti mir-riflessjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar suċċessur finanzjarju għal-LIFE+, kien hemm konsultazzjoni wiesgħa matul l-aħħar xhur mal-partijiet interessati. Dawk li wieġbu esprimew l-ideat tagħhom dwar il-ħtieġa għal strument ta' finanzjament speċifiku għall-azzjoni dwar l-ambjent u l-klima, dwar modi kif jista' jitkattar il-valur miżjud tiegħu, u dwar l-istruttura ta' strument bħal dan fil-perjodu ta' pprogrammar li jmiss.

Il-konklużjonijiet juru li:

  • Maġġoranza verament kbira tal-partijiet interessati jqisu li jeħtieġ li jkun hemm strument ta' finanzjament speċifiku tal-UE għall-azzjoni dwar l-ambjent u l-klima.

  • Ġie identifikat illi r-riżorsi limitati huma wieħed mill-fatturi ewlenin li jxekklu l-effikaċja tal-LIFE+. 54.6 % mit-tweġibiet talbu għal żieda fil-baġit.

  • Jenħtieġ programm dwar l-ambjent fil-livell tal-UE b'mod partikulari sabiex jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw b'effikaċja l-politika ambjentali tal-UE.

  • 82.1 % tat-tweġibiet qiesu li dan għandu jkun il-punt ewlieni l-iktar importanti ta' LIFE għall-ġejjieni. Il-programm għandu jintuża wkoll biex jindirizza l-isfidi Ewropej u globali, jikkontribwixxi għall-qsim tal-aqwa prassi, jippromwovi t-trasferiment tal-għarfien u l-bini tal-kapaċità, u jkabbar is-sensibilizzazzjoni.

  • Il-partijiet interessati qablu li l-istrument għandu jippermetti li xi wħud mill-attivitajiet jitwettqu 'l barra mill-UE sakemm dawn iservu għanijiet speċifiċi ta' politika tal-UE.

  • "Proġetti Integrati", kunċett ġdid immirat biex itejjeb is-sinerġiji u jiffaċilita l-investimenti fis-settur ambjentali, tqies bħala għodda verament utli.

  • L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki ambjentali huma affettwati ħafna min-nuqqas tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali mill-Istati Membri, in-nuqqas tal-integrazzjoni tal-ambjent f'oqsma oħra ta' politika, u d-diffikultajiet fl-użu ta' strumenti ta' finanzjament tal-UE biex jappoġġaw investimenti ambjentali.

Dawn il-konklużjonijiet jiġbru flimkien ir-riżultati ta' bosta konsultazzjonijiet li twettqu mill-Kummissjoni Ewropea. Minn Novembru 2010 sa Frar 2011 saret konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati dwar il-ġejjieni tal-LIFE+. Kien hemm 912 kontribuzzjoni għall-konsultazzjoni, minn ċittadini, awtoritajiet nazzjonali, imsieħba soċjali, negozji u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) madwar l-UE u minn xi pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Din il-konsultazzjoni onlajn kienet ikkomplimentata minn stħarriġ speċifiku ta' 147 maniġer ta' proġetti tal-LIFE. Fit-28 ta' Jannar 2011, sar grupp ta' ħidma ta' esperti, li għalih attendew madwar 100 parti interessati, inklużi Punti Nazzjonali ta' Kuntatt tal-LIFE+, NGOs, u msieħba soċjali u ekonomiċi. Fl-istess waqt, il-Kumitat tar-Reġjuni wettaq konsultazzjoni dwar l-impatti territorjali tas-suċċessur tal-LIFE+ u rċieva 40 kontribuzzjoni.

Ir-riżultati ta' dawn il-konsultazzjonijiet se jikkontribwixxu għal valutazzjoni kkumbinata tal-impatt u għal evalwazzjoni ex-ante tas-suċċessur tal-LIFE+. Sa tmiem l-2011, il-Kummissjoni beħsiebha tipprepara proposta għal strument ta' finanzjament futur għall-azzjoni dwar l-ambjent u l-klima.

Konferenza LIFE għall-ambjent tagħna: stejjer ta' suċċess u sfidi għall-ġejjieni

Il-konklużjonijiet ta' dawn il-konsultazzjonijiet u l-futur ta' LIFE+ se jiġu diskussi f'Konferenza organizzata mill-Kummissjoni Ewropea dwar stejjer ta' suċċess u sfidi għall-ġejjieni tal-LIFE fil-25 u s-26 ta' Mejju fi Brussell.

Il-Konferenza se tagħti importanza lill-kontribuzzjoni ta' LIFE għall-ħarsien ambjentali, il-kisbiet ewlenin tagħha, u se tipproponi ideat għat-tfassil u l-iżvilupp tal-programm għall-ġejjieni, partikularment fil-kuntest tal-perspettiva finanzjarja 2014-2020 li jmiss. Il-konferenza tipprovdi wkoll opportunità għall-partijiet interessati biex jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi tagħhom fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-programm LIFE.

Sfond:

Il-Programm LIFE, li tniehda fl-1992, huwa l-uniku strument ta' finanzjament tal-UE ddedikat kollu kemm hu għall-ambjent, u għalhekk għandu riżorsi speċifiċi għall-ħarsien tal-ambjent. Dan il-programm għandu baġit annwali ta' EUR 380 miljun u jaħdem l-iktar b'sistema ta' tmexxija minn isfel 'il fuq għall-għotjiet għall-azzjoni (78 % tal-baġit tal-LIFE+).

Għal aktar tagħrif dwar LIFE+:

http://ec.europa.eu/environment/life/index.htm

Għal aktar tagħrif dwar il-ġejjieni ta' LIFE+:

http://ec.europa.eu/environment/life/about/beyond2013.htm

Għal aktar tagħrif dwar il-Konferenza LIFE għall-ambjent tagħna: stejjer ta' suċċess u sfidi għall-ġejjieni:

http://ec.europa.eu/environment/life/news/events/lifeconf_env/index.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website