Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: sal-2050 se ntejbu l-effiċjenza u r-riċiklaġġ jew se nittripplaw l-użu ta' riżorsi?

European Commission - IP/11/646   26/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/646

Brussell, is-26 ta' Mejju 2011

L-Ambjent: sal-2050 se ntejbu l-effiċjenza u r-riċiklaġġ jew se nittripplaw l-użu ta' riżorsi?

Illum, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Programm dwar l-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti, nehdiet żewġ rapporti ewlenin li jitolbu għal bidla radikali fil-mod li nużaw r-riżorsi skarsi. L-ewwel rapport juri l-potenzjal immens ta' żieda fir-rati ta' riċiklaġġ tal-metall. Jiġu riċiklati biss 18-il metall b'iktar minn 50 %, u l-maġġoranza lanqas biss jilħqu rata ta' riċiklaġġ ta' 1 %. It-tieni rapport, li kien ippreżentat mill-Kummissjoni tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli fit-18 ta' Mejju, jisħaq dwar il-ħtieġa għal diżakkoppjar radikali biex jevita nuqqas globali kbir fir-riżorsi sal-2050, u jipprovdi xenarji bbażati fuq ix-xjenza ta' konsum tar-riżorsi fil-ġejjieni. Iż-żewġ rapporti, li nġabru flimkien mill-Grupp Internazzjonali dwar ir-Riżorsi, jitolbu lil-leġiżlaturi u lil dawk li jfasslu l-politika biex isibu modi kif inaqqsu l-użu tar-riżorsi u jżidu r-riċiklaġġ. Il-pubblikazzjoni tagħhom matul il-Ġimgħa l-Ħadra twitti t-triq għall-"Pjan Direzzjonali lejn Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi" tal-Kummissjoni li se jitniehda dalwaqt.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Dawn ir-rapporti jenfasizzaw l-urġenza illi nibdlu l-ekonomija f'waħda effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Jispjegaw b'mod ċar l-isfidi enormi li għandna quddiemna, iżda ninsab fiduċjuż li nistgħu ngħelbu din l-isfida. Il-Kummissjoni bħalissa qed tiffinalizza "Pjan Direzzjonali lejn Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi", li jippreżenta aġenda għall-bidla u jipprepara t-triq għall-ġejjieni. Issa neħtieġu djalogu effettiv mal-Istati Membri, għax se jkun hemm bżonn ta' deċiżjonijiet importanti f'oqsma bħar-riforma tat-taxxa u t-tneħħija ta' sussidji ineffiċjenti. Bi pjaċir lqajt l-enfasi li hemm fuq iktar riċiklaġġ".

“L-isfida għal din il-ġenerazzjoni hija l-kisba ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ġenerazzjoni ta' impjiegi diċenti, iżda b'mod li l-impatt ekoloġiku tal-umanità jinżamm fil-limiti terrestrjali," qal Achim Steiner, is-Subsegretarju Ġenerali tan-NU u d-Direttur Eżekuttiv tal-UNEP. “Din l-isfida hija bbażata fuq id-diżakkoppjar tat-tkabbir mill-użu tar-riżorsi naturali, u dan se jkun kruċjali biex nakkwistaw tranżizzjoni lejn Ekonomija Ħadra effiċjenti b'karbonju baxx. Jeħtieġ li jiġi lliberat il-potenzjal tal-innovazzjoni, inkluż dik teknoloġika, fiskali u organizzazzjonali, permezz ta' politiki pubbliċi intelliġenti u progressivi li jappoġġaw l-aspirazzjonijiet ta' seba' biljun persuna, li se jiżdiedu għal aktar minn disa' biljuni sal-2050 kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f’dawk li qed jiżviluppaw. L-Ewropa għandha rwol ewlieni fit-twassil tat-tipi ta' sħubijiet trasformazzjonali u arranġamenti kooperattivi li jiżguraw l-aċċess ekwu u ugwali għar-riżorsi għal kulħadd mad-dinja kollha.

Riċiklaġġ tal-metall

Minkejja t-tħassib tal-industrija dwar skarsezza u prezzijiet għoljin, huma biss madwar 1 % ta' ċertu metalli kruċjali b'teknoloġija għolja li qed jiġu riċiklati attwalment. Il-bqija sempliċiment jitwarrbu u jintremew fi tmiem il-ħajja tal-prodott. Ir-rapport il-ġdid iwissi li mingħajr bidliet radikali f'dawn il-prassi, metalli tal-art rari, kritiċi u ta' speċjalità, jistgħu essenzjalment jispiċċaw għall-użu f'teknoloġija moderna. Metalli bħall-ħadid u l-azzar, ir-ram, l-aluminju, iċ-ċomb u l-landa, bil-kuntrarju, igawdu rati globali ta' riċiklaġġ ta' bejn 25 % u 75 %, minkejja rati aktar baxxi f'xi ekonomiji li qed jiżviluppaw.

It-tkabbir tar-rati ta' riċiklagg permezz ta' sistemi aħjar ta' ġbir u ta' infrastruttura aħjar ta' riċiklaġġ, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jistgħu inaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra b'miljuni jekk mhux b'biljuni ta' tunnellati, u possibbilment jiġġeneraw għadd sinifikanti ta' impjiegi ekoloġiċi. Skont ir-rapport, ir-riċiklaġġ tal-metalli huwa bejn darbtejn u għaxar darbiet aktar effiċjenti fl-enerġija minn meta l-metalli jiddewwbu minn minerali verġni.

Rapport dwar id-diżakkoppjar

Ir-rapport dwar "Id-diżakkoppjar tal-użu tar-riżorsi naturali u l-impatti ambjentali mit-tkabbir ekonomiku" jisvela li jekk ma jsir l-ebda tibdil, sal-2050, il-konsum tar-riżorsi għandu jiżdied għal tliet darbiet iktar mil-livell attwali, bir-riżultat li l-konsum annwali jilħaq il-140 biljun tunnellata ta' minerali, metall mhux maħdum, fjuwils fossili u bijomassa. Billi dan ma jistax iseħħ, is-soluzzjoni hija li t-tkabbir ekonomiku jiġi "diżakkoppjat" mir-rata tal-konsum tar-riżorsi naturali, permezz ta' żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Hemm suġġerimenti għal tliet xenarji, l-aktar wieħed ambizzjuż jitlob lill-pajjiżi żviluppati biex inaqqsu l-użu per capita b'żewġ terzi mil-livell attwali ta' 16-il tunnellata fis-sena, bil-pajjiżi l-oħrajn iżommu l-istess livelli ta' bħallissa. B'hekk il-konsum tar-riżorsi jkun jista' jibqa' fl-istess livelli tas-sena 2000.

Ara: http://www.unep.org/resourcepanel/Publications/Decoupling/tabid/56048/Default.aspx

Sfond: Il-Grupp Internazzjonali dwar il-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi

Il-Grupp tar-Riżorsi twaqqaf biex jipprovdi għarfien xjentifiku indipendenti dwar l-użu tar-riżorsi naturali u l-impatti ambjentali tagħhom, bi sforz biex t-tkabbir ekonomiku jiġi diżakkoppjat mid-degradazzjoni tal-ambjent. Il-Grupp jibbaża kollox fuq l-opinjonijiet tal-esperti ambjentali minn madwar id-dinja. Huwa ppresedut b'mod konġunt mill-President tal-IUCN Ashok Khosla u l-Professur Ernst Ulrich von Weizsäcker, l-eks-President tal-Kumitat Ambjentali tal-Bundestag.

Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli fuq is-sit: http://www.unep.org/resourcepanel/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website