Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob li jsiru regoli iktar stretti biex il-flus tal-kontribwenti jiġu protetti mill-frodi

Commission Européenne - IP/11/644   26/05/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/644

Brussell, 26 ta’ Mejju 2011

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob li jsiru regoli iktar stretti biex il-flus tal-kontribwenti jiġu protetti mill-frodi

F'dokument ta' politika adottat illum, il-Kummissjoni Ewropea stipulat sensiela ta' miżuri li jippermettu lill-prosekuturi u l-imħallfin fl-UE kollha biex jiġġieldu l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea b'mod iktar effettiv. Il-Kummissjoni biħsiebha ssaħħaħ id-dritt kriminali sostantiv billi tikkjarifika d-definizzjonijiet ta' reati kriminali bħal pereżempju frodi jew abbuż ta' poter u tirrinforza l-kapaċitajiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Eurojust (il-korp ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE). L-UE se tikkunsidra wkoll kif Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew speċjalizzat ikun jista' japplika regoli komuni dwar il-frodi u reati oħra li jinvolvu l-fondi tal-UE. It-Trattat ta' Lisbona, li rrinforza il-kapaċità tal-UE biex tiġġieled il-frodi billi taha l-kompetenza li tilleġiżla fil-qasam tad-dritt kriminali, se jagħmel dawn il-miżuri possibbli. Il-protezzjoni tal-flus tal-kontribwenti hija prijorità għall-Kummissjoni. Il-kontribwenti jrid ikollhom il-kunfidenza u l-fiduċja li l-fondi tal-Unjoni Ewropea qed jintużaw biss għat-twettiq tal-politiki approvati mil-leġiżlaturi tal-UE. Bħalissa, l-għodda disponibbli għad-detezzjoni u l-prevenzjoni tal-użu ħażin tal-fondi tal-UE xi drabi mhumiex adegwati u biżżejjed. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għadhom jiffaċċjaw ħafna ostakli li jfixklu l-protezzjoni effettiva tal-flus tal-UE kontra l-kriminalità. Dan jiġri għaliex hemm regoli differenti li jkopru l-proċeduri, l-atti kriminali u l-pieni, u li b'hekk ikunu ta' ħsara għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet transkonfinali kontra l-frodi.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE, qalet: "Fl-2009 biss, kien hemm EUR 280 miljun f'każijiet suspettati ta' frodi li jinvolvu fondi tal-UE, li jirrappreżentaw inqas minn 0.2% tal-baġit totali tal-UE. Fi żminijiet ta' awsterità ekonomika, kull ċenteżmu ta' euro tal-baġit tal-UE jgħodd. L-UE mhijiex se tittollera li l-flus tal-kontribwenti jitnefqu ħażin. Ir-reati li jisirqu mill-fondi pubbliċi tal-UE huma reati kontra l-kontribwenti tal-UE. Permezz tat-Trattat ta' Lisbona, aħna saħħaħna l-għodda legali biex niġġieldu kontra l-frodi transkonfinali."

Il-Kummissarju tal-UE Algirdas Šemeta, responsabbli għal Kontra l-Frodi, qal: "Il-kriminali ma jiefqux mal-fruntieri. Saħansitra jieħdu vantaġġ mill-fruntieri biex jevitaw il-prosekuzzjoni. Dan mhuwiex aċċettabbli fl-Unjoni Ewropea. Aħna rridu niżguraw li l-frodi suspettati ma jiġux biss investigati mill-OLAF u l-awtoritajiet nazzjonali iżda jitressqu wkoll il-Qorti. L-aħjar investigazzjoni ma tistax tipproteġi l-flus tal-kontribwenti jekk ma tkunx segwita b'mod koerenti mill-prosekuturi nazzjonali u l-qrati tal-Istati Membri."

Għodda ġodda biex jiġġieldu l-kriminalità kontra l-interessi finanzjarji tal-UE

Issa l-UE għandha l-għodda legali meħtieġa biex tieħu din l-isfida. It-Trattati tal-UE jinkludu possibbiltajiet utli li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE, bħal pereżempju l-istabbiliment ta' regoli minimi dwar id-dritt kriminali (l-Artikolu 83 tat-TFUE) jew setgħat ġodda ta' investigazzjoni għall-Eurojust, il-korp tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE (l-Artikolu 85 tat-TFUE) u l-possibbiltà ta' stabbiliment ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jiġġieled il-kriminalità li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE (l-Artikolu 86 tat-TFUE).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipprevedi diversi oqsma fejn id-dritt kriminali jkun jista' jittejjeb aktar biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE.

  • Proċeduri iktar b'saħħithom: Il-Kummissjoni se tagħmilha eħfef għall-prosekuturi u l-imħallfin fl-UE kollha biex jiġġieldu lil dawk li jikkommettu frodi billi testendi l-iskambji ta' informazzjoni bejn l-atturi differenti, inklużi l-pulizija, id-dwana, l-awtoritajiet tat-taxxa, l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra; hija ppjanata proposta ġdida dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka għall-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-UE.

  • It-tisħiħ tad-dritt kriminali sostantiv. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-definizzjonijiet attwali tar-reati kriminali relevanti bħal pereżempju l-frodi jew l-abbuż ta' poter ivarjaw ferm sew fl-UE u għandhom jiġu kkjarifikati permezz ta' inizjattivi dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji mid-dritt kriminali.

  • It-tisħiħ tar-rwol tal-korpi f'livell Ewropew: Kemm l-OLAF, li attwalment qed jiġi riformat (IP/11/321 u MEMO/11/176), u l-Eurojust jeħtieġu li jiġu rinforzati iktar biex iwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom b'mod iktar effettiv (SPEECH/11/201).

  • L-UE se tikkunsidra kif Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew speċjalizzat jista' japplika regoli komuni dwar il-frodi u reati oħra kontra l-interessi finanzjarji tal-UE (SPEECH/10/89).

Azzjoni legali insuffiċjenti

Il-varjetà wiesgħa tas-sistemi legali fl-Ewropa tagħmel mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE sfida partikolari. Il-frodi u l-korruzzjoni li jinvolvu l-fondi tal-UE f'livell nazzjonali jistgħu jieħdu diversi forom. Il-kriminali jistgħu jiksbu b'mod illegali l-fondi tal-UE għall-agrikoltura, ir-riċerka, l-edukazzjoni jew il-proġetti ta' infrastruttura. Huma jistgħu wkoll jippruvaw jinfluwenzaw l-uffiċjali pubbliċi bit-tixħim.

Il-pulizija, prosekuturi u imħallfin fl-Istati Membri tal-UE jiddeċiedu fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali tagħhom kif u jekk għandhomx jintervjenu biex jipproteġu l-finanzi tal-UE. Ir-riżultat huwa li r-rata ta' kundanna f'każijiet li jinvolvu reati kontra l-baġit tal-UE tvarja b'mod konsiderevoli fl-UE, minn 14 % sa 80 %.

Flimkien mal-OLAF u l-Eurojust, l-investigaturi nazzjonali, prosekuturi u imħallfin diġà qed jaħdmu biex jiġġieldu kontra din il-kriminalità. Madankollu, huma qed jiffaċċjaw diversi ostakli legali u prattiċi serji.

Dawn jinkludu restrizzjonijiet fil-kompetenza tagħhom għal każijiet li jinqalgħu f'pajjiżhom stess, kwistjonijiet legali fl-użu tal-evidenza minn barra pajjiżhom u regoli mhux ugwali dwar il-ġlieda kontra l-frodi u kriminalità relatata. Dan iwassal għal każijiet li jingħalqu minn awtoritajiet nazzjonali mingħajr qatt ma jitressqu l-qorti, anke meta l-OLAF ikun diġà investiga u qies li l-każ kien biżżejjed serju.

Pereżempju, f'każ wieħed li jinvolvi diversi Stati Membri u pajjiżi mhux tal-UE, is-sospett ta' evażjoni mid-dwana fuq skala kbira – li tiswa' iktar minn EUR 1.5 miljun – ma tressaq il-qorti mill-ebda waħda mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri involuti.

Mill-2000, 93 minn total ta' 647 każ tal-OLAF ġew imwarrba minn servizzi ta' prosekuzzjoni nazzjonali għall-ebda raġuni speċifika u 178 każ minħabba raġunijiet diskrezzjonali.

Għal aktar tagħrif:

Il-Paġna Ewenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/

Il-paġna ewlenija Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Taxxa, id-Dwana, il-Ġlieda Kontra l-Frodi u l-Verifika:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site