Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/643

Brussell, 25 ta’ Mejju 2011.

Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida u ambizzjuża

Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/ Viċi President tal-Kummissjoni, u Štefan Füle, il-Kummissarju tal-UE għat-Tkabbir u l-Politika tal-Viċinat, illum niedew Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) ġdida u ambizzjuża - li jikkonferma l-impenn determinat u msaħħaħ tal-UE mal-ġirien tagħha.

Il-proposta tal-lum mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, jistabilixxi l-prijoritajiet ewlenin u d-direzzjonijiet ta' strateġija PEV imġedda mmirata biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet individwali u reġjonali bejn l-UE u l-pajjiżi li jinsabu fil-viċinat tagħha permezz ta' approċċ b'"iktar fondi għal iktar riforma" - billi jsiru disponibbli iktar fondi, iżda b’iktar responsabbiltà reċiproka.

Minbarra l-5,7 biljun euro diġà allokati għall-perjodu 2011-2013, ġie trasferit finanzjament addizzjonali ta’ 1,24 biljun euro minn riżorsi oħra eżistenti, u issa se jkun disponibbli bħala appoġġ għall-PEV.

B’żieda ma' dan, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tar-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President li jiżdied is-self BEI (Bank Ewropew għall-Investiment) lill-Mediterran tan-Nofsinhar b’1 miljun euro fuq l-istess perjodu. Il-BERŻ (Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u Żvilupp), ta l-appoġġ tiegħu għat-talba tagħha biex l-operazzjonijiet tagħhom fir-reġjon MENA, u l-ewwel fl-Eġittu. L-aspettativi tagħhom hi li l-volumi annwali ta’ self jistgħu jilħqu madwar 2,5 biljun euro fis-sena sal-2013.

“B’parti tant kbira tal-Viċinat tagħna li jinsab f'proċess ta' bidla demokratika, din ir-reviżjoni hija iktar importanti minn qatt qabel. Huwa importanti ħafna Ii aħna fl-UE nagħmlu offerta komprensiva lill-ġirien tagħna u nibnu sħubiji fit-tul fil-viċinat tagħna,” qalet Catherine Ashton.

"Dak li qed inniedu llum huwa approċċ ġdid. Sħubija bejn il-popli immirata għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-iżvilupp ta' demokrazija soda u prosperità ekonomika fil-viċinat tagħna. Dan huwa kollu fl-interess tagħna. Se npoġġu l-finanzjament disponibbli għal pajjiżi fil-viċinat tagħna biex nappoġġjaw u nżommu l-pass tar-riforma politika u ekonomika li jixtiequ jagħmlu. L-appoġġ tagħna huwa bbażat fuq sħubija, mhux impożizzjoni. Hija relazzjoni bbażata fuq ir-responsabbiltà reċiproka li piż indaqs fejn kull naħa żżomm lin-naħa l-oħra responsabbli għal għanijiet u miri maqbula.

“Fuq l-isfond ta’ klima ekonomika diffiċli, iżda konxji tal-ħtieġa li l-UE taġixxi, il-proposta tagħna kellha tkun ukoll finanzjarjament innovattiva u għalhekk ħadt l-inizjattiva li niżgura finanzjament addizzjonali mill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u Żvilupp (BERŻ),” qalet Catherine Ashton.

Štefan Füle enfasizza: “Għadd ta’ ġirien tagħna, kemm fil-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar, huma impenjati f’proċess ta’ trasformazzjoni li minnu jridu jemerġu bħala soċjetajiet iktar demokratiċi u prosperużi. Jeħtieġ li l-UE twieġeb b’determinazzjoni u ambizzjoni, permezz ta’ approċċ ġdid għall-PEV, billi nitgħallmu mil-lezzjonijiet preċedenti tal-esperjenza miksuba s’issa u billi nindirizzaw l-isfidi ta’ viċinat li qed jinbidel malajr.

L-approċċ il-ġdid jinvolvi livell ħafna ogħla ta’ differenzjazzjoni; dan se jiżgura li kull pajjiż imsieħeb jiżviluppa r-rabtiet tiegħu mal-UE sa fejn jippermettu l-aspirazzjonijiet, il-ħtiġijiet u l-ħiliet tiegħu. Dan mhuwiex approċċ ibbażat fuq l-idea li kollox jgħodd għal kulħadd. Appoġġ akbar mill-UE lill-ġirien tagħha jiddependi minn kundizzjonijiet. Dan se jiddependi fuq il-progress fil-bini u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u r-rispett għall-Istat tad-Dritt. Iktar ma pajjiż jagħmel progress fir-riformi interni tiegħu, u aktar ma jagħmilhom malajr, iktar jingħata appoġġ mill-UE.

Aħna ninsabu lesti li nappoġġjaw dawn l-għanijiet iktar ambizzjużi b’iktar riżorsi u inċentivi aħjar. Nimmiraw ukoll li nwasslu l-assistenza tagħna b'mod iktar flessibbli u rapidu bħala rispons għal viċinat li qed jinbidel malajr. Nittama li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jappoġġjawna fil-proposti tagħna u jagħtu l-għajnuna fit-twettiq ta' dan l-approċċ ġdid, għall-benefiċċju komuni tal-UE u tal-ġirien tagħha".

Il-PEV mġedda hija bbażata fuq il-kisbiet tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-UE mindu ġiet imnedija fl-2004, u twieġeb għat-talbiet tal-pajjiżi sħab għal iktar libertà u ħajja aħjar. Din toffri tipi ġodda ta' appoġġ għal iktar partijiet tas-soċjetà u tintroduċi iktar inċentivi biex tkompli r-riforma.

Il-Komunikazzjoni tal-lum hija frott reviżjoni u konsultazzjoni estensivi mal-gvernijiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fis-16-il pajjiż tal-PEV fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Ewropa.

Hija żvilupp ulterjuri tas-“Sħubija għal demokrazija u prosperità maqsuma mal-Mediterran tan-Nofsinhar” li ġiet miftehma f’Marzu 2011, bħala rispons immedjat għat-taqlib u l-aspirazzjoni demokratika li bħalissa tinsab fiha l-Afrika ta' Fuq. Din tibni ukoll fuq is-Sħubija tal-Lvant, li ġiet imnedija fl-2009.

Għal aktar informazzjoni ara MEMO/11/342


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website