Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/642

Brussell, il-25 ta’ Mejju 2011

"Is-Sur jew is-Sinjura SME": In-negozju ż-żgħir għandu avukat f'kull Stat Membru tal-UE

Is-Sur jew is-Sinjura SME li għadhom kif inħatru se jaqbżu għall-interessi tal-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju (SMEs). Prinċipalment huma se jiċċekjaw l-applikazzjoni korretta tal-ligi tal-UE fuq l-SMEs u jiżguraw li l-politiki fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali huma favur l-intrapriża. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, illum inawgura netwerk ġdid ta' Rappreżentanti tal-SMEs tal-Istati Membri, waqt il-Konferenza tal-SBA "Il-mobilizzazzjoni tal-SMEs għall-Futur tal-Ewropa", f'Budapest. Minħabba li l-SMEs huma affettwati minn politiki li joriġinaw minn dipartimenti tal-gvern differenti li jifirxu mit-taxxi għall-finanzi u mir-regolamentazzjoni għall-edukazzjoni, ir-rappreżentanti tal-SMEs għandhom jgħinu n-negozji ż-żgħar biex jikkonċentraw fuq in-negozju ċentrali tagħhom sabiex iħabirku u joħolqu il-postijiet tax-xogħol.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, responsabbli għall-industrija u l-intraprenditorija, qal: "Ir-Rappreżentanti l-ġodda tal-SMEs se jiżguraw li l-amministrazzjonijiet "jaħsbu l-ewwel fiż-żgħir" u jikkunsidraw l-interessi tal-SMEs għal kull liġi u regolament li jsiru. Jiena nserraħ fuq is-Sinjura u s-Sur SME l-ġodda tagħna sabiex inkunu nistgħu noħolqu ekosistema li hija tajba għan-negozji ż-żgħar kollha, li tħallihom joħorġu l-enerġija u l-potenzjal tagħhom li joħolqu postijiet tax-xogħol u żvilupp. Meta fl-Ewropa nkunu deċiżi dwar xi ħaġa, aħna naħsbu l-ewwel fiż-żgħir iżda l-għan tagħna jkun KBIR."

L-Att dwar in-Negozi ż-żgħar (SBA) huwa l-politika tal-Kummissjoni Ewropea għall-SMEs bl-għan li l-Ewropa ssir iktar favur in-negozju u tinkoraġġixxi lin-nies sabiex jibdew in-negozji tagħhom. Fil-futur, is-Sur jew is-Sinjura SME l-ġdid(a) se jiltaqa' (tiltaqa') mal-organizzazzjonijiet tar-rappreżentanti tal-SMEs fuq livell wiesa' tal-UE fil-Grupp ta' Konsulenza dwar l-SBA. Dan huwa parti mill-governanza l-ġdida li għaliha saret sejħa waqt ir-reviżjoni riċenti tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar. Dan il-mekkaniżmu ġdid se jiżgura monitoraġġ iktar mill-viċin u azzjoni koordinata favur l-SMEs.

L-SBA diġà għen biex jitnaqqsu r-regolamenti, ipprovda finanzjament għal iktar minn 110 000 SMEs s'issa, b'200 000 li ppjanaw li sal-2012 jibbenifikaw minn skemi ta' garanziji ta' self mill-bank u garanziji ta' riskju speċifiċi għall-SME, u ppropona soluzzjonijiet favur in-negozi ż-żgħar fuq kwistjonijiet bħal pagamenti fit-tard jew aċċess għall-kuntratti pubbliċi. L-Istati Membri ħadu wkoll miżuri simili. Huma naqqsu l-ispejjeż u l-ħin biex titwaqqaf kumpanija minn 12-il jum u EUR 485 fl-2007 għal sebat ijiem u EUR 399 fl-2010, saħħu l-aċċess tal-SMEs għall-kreditu u bdew skemi ta' internazzjonalizzazzjoni. Madankollu, hemm aktar xi jsir. Ir-Rappreżentanti tal-SMEs il-ġodda li nħatru huma mistenijja li jiffukaw u jħaffu l-azzjonijiet fuq livell nazzjonali.

Il-Konferenza "Il-mobilizzazzjoni tal-SMEs għall-Futur tal-Ewropa" hija ko-organizzata mill-Presidenza tal-UE tal-Ungerija, attendew għaliha rappreżentanti ta' negozji żgħar, organizzazzjonijiet tan-negozji u amministrazzjonijiet pubbliċi li għandhom f'idejhom il-koordinazzjoni tal-politika tal-SMEs.

Il-kuntest

Ir-reviżjoni riċenti tal-SBA wriet il-bżonn għal governanza aħjar sabiex jiġi żgurat li l-kunċett "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" jiġi applikat fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika. Il-Kummissjoni Ewropea ħatret lis-Sur Daniel Calleja Crespo, Deputat Direttur Ġenerali fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Intrapriża u l-Industrija, bħala Rappreżentant ġdid tal-SMEs tal-UE. Ir-Reviżjoni riċenti tal-SBA talbet lill-pajjiżi biex jaħtru Rappreżentant tal-SMEs li r-rwol ċentrali tiegħu jkun li jiżgura li l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" huwa applikat fil-livelli kollha tal-gvern, madwar l-UE.

It-23 miljun intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tal-Ewropa huma fil-qalba tal-ekonomija u s-soċjetà tagħha, u jwieġbu għal 98 % tan-negozji u żewġ terzi tal-impjiegi tal-privat.

Għal aktar tagħrif:

"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/index_en.htm

Lista tar-Rappreżentanti tal-SME nazzjonali:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/sme-envoy/national-sme-envoys/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website