Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/640

Brussell, il-25 ta’ Mejju 2011.

Wara Fukushima: L-istress tests tal-UE jibdew fl-1 ta' Ġunju

Mill-1 ta' Ġuju 2011 'il quddiem, il-143 impjant nukleari tal-UE kollha se jiġu vvalutati mill-ġdid bl-użu ta' kriterji li japplikaw madwar l-UE kollha. Dawn huma testijiet komprensivi skont it-talba tal-Kummissjoni, li jinkorporaw kemm ir-riskji naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem (jiġifieri l-effetti tad-diżasti tal-ajruplani u tal-attakki terroristiċi). Il-Kummissjoni Ewropea u l-Grupp Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (European Nuclear Safety Regulators' Group - ENSREG) illum qablu dwar il-kriterji koperti u l-mod kif se jibdew isiru l-kontrolli.

Günther Oettinger, il-Kummissarju responsabbli għall-Enerġija, qal: "Napprezza l-fatt li l-Kummissjoni u r-regolaturi tal-Istati Membri rnexxielhom jaqblu dwar il-valutazzjonijiet komprensivi u ambizzjużi tar-riskju u s-sikurezza għall-impjanti nukleari. Aħna se nagħmlu ħilitna kollha biex nimplimentaw l-ogħla standards ta' sikurezza għall-impjanti nukleari fl-Unjoni Ewropea u dawk viċin tagħha. Ix-xogħol iebes jibda minn issa: l-implimentazzjoni tal-kriterji b'mod riġoruż kif meħtieġ."

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG), li jirrappreżenta 27 awtorità nazzjonali indipendenti li huma responsabbli għas-sikurezza nukelari, illum qablu dwar l-ambitu u l-modalitajiet għal valutazzjoni komprensiva tar-risku u s-sikurezza tal-impjanti nukleari tal-UE. L-istress tests huma valutazzjonijiet mill-ġdid tal-marġnijiet ta' sikurezza tal-impjanti nukleari tal-UE. Biex tiggarantixxi l-ogħla standards ta' sikurezza fid-dinja, l-UE tieħu t-tagħlimiet miksuba mill-esperjenza ta' Fukushima u fit-testijiet tiffoka fuq kull tip ta' diżastru naturali filwaqt li tinkludi wkoll l-effetti ta' inċidenti kkawżati mill-bniedem bħad-diżastri tal-ajruplani kif ukoll l-attakki terroristiċi jew attakki oħra maħsuba biex jagħmlu l-ħsara.

L-aspetti kollha relatati mas-sigurtà bħall-miżuri li jipprevjenu attakki terroristiċi se jiġu ttrattati separatament, wara diskussjonijiet mal-Istati Membri billi tiġi rikonoxxuta fost oħrajn, il-ħtieġa ta' kunfidenzjalità.

Mill-1 ta' Ġunju 'l quddiem, l-impjanti nukleari se jiġu vvalutati mill-ġdid fi proċess ta' tliet stadji:

  • Valutazzjoni minn qabel mill-operaturi tal-impjant nukleari li jwieġbu l-kwestjonarju tal-istress tests, u jippreżentaw dokumenti, studji u pjanijiet ta' appoġġ.

  • Rapport Nazzjonali mfassal mir-regolatur nazzjonali li jivverifika jekk it-tweġibiet min-naħa tal-operaturi tal-impjant nukleari għall-kwestjonarju humiex kredibbli.

  • Reviżjonijiet bejn il-pari. Timijiet multinazzjonali se jirrevedu r-rapporti nazzjonali. Dawn it-timijiet se jikkonsistu minn seba' persuni – rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni Ewropea u s-sitt Membri tas-27 regolatur nazzjonali. Il-kompożizzjoni preċiża ta' kull tim se tkun deċiża aktar tard. It-timijiet jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post tal-impjanti nukleari.

Il-Kummissjoni qiegħda f'kuntatt mill-qrib ukoll mal-pajjiżi barra l-UE u qed taħdem magħhom fir-rigward tal-valutazzjonijiet mill-ġdid tal-impjanti nukleari tagħhom. B'mod partikolari dawn huma l-Isvizzera, il-Federazzjoni Russa, l-Ukraina u l-Armenja.

Sfond:

Wara l-inċident ta' Fukushima fil-11 ta' Marzu, il-Kummissjoni tal-UE saħqet fuq valutazzjoni mill-ġdid tal-impjanti nukleari kollha tal-UE. L-għan hu li nitgħallmu mill-esperjenza u nevitaw għalkollox li jsir diżastru simili fl-EU.

Il-Kunsill Ewropew tal-24/25 ta' Marzu 2011 saħaq fuq il-ħtieġa li nitgħallmu mill-avvennimenti ta' dan l-aħħar relatati mal-inċident fil-Ġappun, u li l-pubbliku jingħata l-informazzjoni kollha neċessarja. Filwaqt li fakkar li t-taħlita tal-enerġija hija l-kompetenza tal-Istati Membri, il-Kunsill talab sabiex jitħaffef il-progress fil-ħidma fuq l-aspetti li ġejjin, bħala kwistjoni prijoritarja:

  • "Għandha tiġi riveduta s-sikurezza tal-impjanti nukleari kollha tal-UE, abbażi ta' valutazzjoni komprensiva u trasparenti tar-riskju u s-sikurezza ("stress tests"); il-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) u l-Kummissjoni huma mitluba jiżviluppaw malajr kemm jista' jkun l-ambitu u l-modalitajiet ta' dawn it-testijiet f'qafas koordinat fid-dawl tat-tagħlimiet miksuba mill-inċident fil-Ġappun u bl-involviment sħiħ tal-Istati Membri, filwaqt li jagħmlu użu sħiħ mill-għarfien espert disponibbli (notevolment mill-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (Western European Nuclear Regulators Association - WENRA); il-valutazzjonijiet se jitmexxew minn awtoritajiet nazzjonali indipendenti u permezz tar-reviżjonijiet bejn il-pari; ir-riżultati tagħhom u kwalunkwe miżura sussegwenti meħtieġa li tittieħed għandhom jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni u fi ħdan l-ENSREG u għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku; il-Kunsill Ewropew għandu jivvaluta r-riżultati inizjali sa tmiem l-2011, abbażi tar-rapport mill-Kummissjoni."

Għal aktar tagħrif:

Aktar tagħrif dettaljat dwar l-istress tests jinsab fuq

http://ec.europa.eu/energy/nuclear/safety/stress_tests_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website