Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/11/638

Brussell, il-25 ta’ Mejju 2011

L-opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE fl-2012: insibu l-aħjar bilanċ biex jitnaqqas is-sajd żejjed

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-rapport tagħha dwar il-progress miksub, matul dawn l-aħħar snin, fil-Politika Komuni tas-Sajd u s-suġġerimenti tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE fl-2012. Id-dokument ifassal kif il-Kummissjoni beħsiebha taġixxi fir-rigward tal-parir xjentifiku li tirċievi dwar il-qagħda tal-istokkijiet tal-ħut meta tipproponi limiti u kwoti fuq il-qbid għas-sena dieħla. L-aħħar ċifri juru li l-qagħda tal-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet Ewropej qed titjieb bil-mod, iżda mhemmx biżżejjed dejta xjentifika disponibbli dwar il-biċċa l-kbira tal-istokkijiet, primarjament, minħabba r-rappurtar inadegwat mill-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tuża metodu ġdid biex tistabbilixxi l-limiti tas-sajd, l-aktar billi tnaqqas il-livelli tas-sajd fejn ma teżistix biżżejjed dejta. L-ideat tal-Kummissjoni issa se jkunu s-suġġett ta' konsultazzjoni wiesgħa matul is-sajf u l-kontribuzzjonijiet se jkunu riflessi fil-proposti tagħha fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għas-sena d-dieħla li se jkunu adottati fil-ħarifa li ġejja.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u għas-Sajd, Maria Damanaki enfasizzat li beħsiebha tintroduċi approċċ ġdid ta' prekawzjoni meta tipproponi possibbiltajiet ta' sajd: għall-istokkijiet tal-ħut fejn teżisti evidenza xjentifika, din se tkun segwita mill-qrib mill-Kummissjoni. Meta ma ma jkunx hemm disponibbiltà suffiċjenti ta' dejta xjentifika, il-Kummissjoni se tipproponi li tnaqqas sistematikament il-qabdiet. Dan l-approċċ għandu jwassal għal tnaqqis progressiv tas-sajd żejjed u jħeġġeġ ġbir tad-dejta u rappurtar aħjar mill-Istati Membri. Il-Kummissarju qalet: "Sabiex neliminaw is-sajd żejjed progressivament irridu nimmaniġġjaw l-istokkijiet tas-sajd sabiex dawn ikunu jistgħu jinbnew mill-ġdid u jipprovdu l-ogħla qabdiet medji fuq medda ta' żmien twil li l-baħar jista' jipprovdi. Dan mhux biss se jtejjeb il-qagħda tal-istokkijiet tal-ħut tal-Ewropa iżda se jnaqqas ukoll l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent. Se jtejjeb ukoll il-profittabbiltà ekonomika fis-settur Ewropew tal-qbid."

Dan il-mod ta' sajd, imsejjes fuq ir-"Rendiment Massimu Sostenibbli"1, se jġib miegħu benefiċċji sinifikanti u se jfisser ukoll bidla minn sajd intensiv ta' riżorsi limitati għal sajd ħafif fuq stokkijiet akbar. Għandhom jinqabdu l-istess kwantitajiet jew aktar, filwaqt li jkun hemm anqas impatt ambjentali kif ukoll anqas rimi lura ta' ħut. Dan ifisser anqas ħsara lill-qiegħ il-baħar, inqas qabdiet inċidentali ta' organiżmi vulnerabbli, bħall-foċeni, id-dniefel u mammiferi oħra tal-baħar kif ukoll inqas użu ta' fjuwil peress li jkun meħtieġ inqas ħin ta' sajd biex tinqabad tunnellata ħut minn stokk abbundanti milli minn wieħed limitat; min-naħa l-oħra dan iwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju u fl-infiq fuq fjuwil mill-bastimenti tas-sajd.

Forma ġdida ta' parir xjentifiku

Fl-2010 l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (International Council for the Exploration of the Sea - ICES), li jipprovdi parir xjentifiku lill-Kummissjoni, żviluppa forma ġdida ta’ parir dwar il-livelli tat-TAC li sal-2015 għandha twassal għal sajd imsejjes fuq ir-Rendiment Massimu Sostenibbli. Il-Kummissjoni tilqa’ b'sodisfazzjon dawn il-pariri ġodda u beħsiebha ssejjes fuqhom il-proposti tagħha tat-TAC fejn teżisti dejta adegwata.

Madankollu, ostaklu importanti għad-deċiżjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-2012 huwa preċiżament il-parir xjentifiku nieqes għal żewġ terzi tat-TACs. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dan huwa riżultat ta' informazzjoni nieqsa dwar il-qabdiet, stħarriġ mhux komplet u ġbir inadegwat tal-kampjuni. L-għoti tad-dejta xjentifika dwar is-sajd hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u f’għadd ta’ każijiet dawn ir-responsabbiltajiet mhumiex issodisfati b’mod sħiħ.Għaldaqstant, f'każijiet fejn parir xjentifiku ma jkunx disponibbli, għandu jiġi propost tnaqqis fit-TAC u/jew fil-livelli tal-isforz tas-sajd.

Flimkien ma' dan, l-Istati Membri għandhom jallokaw biżżejjed riżorsi u għandhom iwasslu b’mod urġenti l-informazzjoni meħtieġa li tippermetti li ssir stima tal-qagħda tal-istokkijiet. Fl-istess waqt, l-aġenziji xjentifiċi se jkollhom il-kompitu li jappoġġaw ir-riżoluzzjoni ta’ dawn il-problemi bħala kwistjoni ta’ urġenza, filwaqt li jqisu li l-bażi tal-għarfien għandha tingħata mill-Istati Membri. Fl-aħħar, għandhom ikunu żviluppati indikaturi mis-sajd kummerċjali u mill-istħarriġiet xjentifiċi sabiex jingħataw regoli sodi bħala gwida għas-sajd li jimmira għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi ukoll f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn id-dejta tkun inadegwata.

Iċ-ċittadini Ewropej, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Kunsilli Reġjonali Konsultattivi (Regional Advisory Councils - RACs) u l-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura (Advisory Committee for Fisheries and Aquaculture - ACFA) issa huma mistiedna li jkkummentaw dwar il-metodu ta' ħidma stabbilit fil-Komunikazzjoni u jiddiskutuh, permezz tas-sit elettroniku tal-Kummissjoni. Il-konsultazzjoni ser tibqa' miftuħa sal-1 ta' Settembru 2011. Il-pjan se jkun diskuss ukoll mal-ministri waqt il-Kunsill tas-Sajd tat-28 ta' Ġunju.

Sfond

L-aħħar ċifri għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni juru li l-qagħda tal-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet Ewropej qed titjieb iżda l-progress għadu qed isir bil-mod. Il-proporzjon tas-sajd żejjed tal-istokkijiet tal-ħut fl-Atlantiku u fl-ibħra fil-qrib niżel minn 32 minn fost 34 stokk fl-2004 għal 22 minn fost 35 stokk fl-2010, jiġifieri minn 94 % għal 63 %. Fil-Baħar Mediterran qed isir sajd żejjed għal 82 % tal-istokkijiet tal-ħut identifikati.

Aktar tagħrif:

TACs u kwoti - Regoli tas-sajd tal-UE:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/fishing_rules/tacs/index_mt.htm

Sit elettoniku għall-Konsultazzjoni Pubblika:

http://ec.europa.eu/fisheries/partners/consultations/index_mt.htm.

Indirizz tal-posta elettronika għall-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadini:

MARE-fishing-opportunities2012@ec.europa.eu.

1 :

Ir-Rendiment Massimu Sostenibbli (Maximun Sustainable Yield - MSY): approċċ fit-tul biex jiġu stabbiliti rati ta' qbid f'livell li jippermetti lill-istokkijiet tal-ħut jirriproduċu sabiex l-isfruttament ikun jista' jkompli jsir b'rata sostenibbli.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site