Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ikbar konferenza annwali Ewropea dwar l-ambjent tesplora l-firxa tal-effiċjenza tar-riżorsi.

European Commission - IP/11/631   24/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/631

Brussell, l-24 ta’ Mejju 2011.

L-ikbar konferenza annwali Ewropea dwar l-ambjent tesplora l-firxa tal-effiċjenza tar-riżorsi.

Mal-ftuħ tal-Ġimgħa Ekoloġika 2011 illum, qed tiġi varata stedina liċ-ċittadini kollha sabiex "jużaw inqas u jgħixu aħjar". Matul l-erbat ijiem tal-konferenza, iktar minn 3500 parteċipant se jfittxu li jsibu modi kif ir-riżorsi tal-pjaneta tagħna jistgħu jintużaw b'mod iktar sostenibbli. Il-Ġimgħa Ekoloġika ta' din is-sena tiġbor fiha parteċipanti minn varjetà wiesgħa ta' oqsma, inkluż l-istituzzjonijiet tal-UE, in-negozji u l-industrija, l-organizzazzjonijiet li mhumiex governattivi, l-awtoritajiet pubbliċi, il-komunità xjentifika, l-akkademiċi u l-midja. Hemm skedati madwar 30 attività li għandhom isiru barra minn Brussell, li jinkludu attivitajiet li se jsiru fis-Slovenja (25-27 ta' Mejju, 2 ta' Ġunju) u l-Polonja (11 ta' Ġunju). Il-konferenza kollha kemm hi se tintwera fuq l-internet.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "L-effiċjenza tar-riżorsi ma tfissirx biss limitazzjonijiet u skarsezza - din tiġbor fiha firxa wiesgħa ta' opportunitajiet ta' żvilupp u impjiegi b'inqas ħela, f'ambjent iktar nadif,u b'għażliet aħjar u iktar sostenibbli għall-konsumaturi. L-ambitu tal-Ġimgħa Ekoloġika ta' din is-sena juri biċ-ċar safejn tasal il-politika ambjentali - din hija tabilħaqq fundamentali fil-mod ta' kif nagħżlu li ngħixu ħajjitna.

It-tema ta' din is-sena tappoġġja l-inizjattiva ewlenija tal-Europa 2020 dwar l-effiċjenza tar-riżorsi, billi tixpruna avvanz lejn ekonomija li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju li twassal għall-kisba ta' tkabbir sostenibbli. Permezz tal-kontribuzzjonijiet mill-Kummissjoni kollha, il-firxa tal-aspetti li se jiġu diskussi fil-konferenza twessgħet iktar minn qatt qabel. Minbarra d-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ambjentali tradizzjonali bħalma huma d-disponibbiltà tar-riżorsi, ir-riċiklaġġ, il-bijodiversità u l-ħamrija, il-konferenza se teżamina wkoll kwistjonijiet li jinkludu t-tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; il-kimiki ekoloġiċi; il-ħiliet ekoloġiċi, l-impjiegi u l-innovazzjoni; il-finanzjament tal-eko-innovazzjoni; l-skart tal-ikel; l-iskart bħala riżors, l-effiċenzja tal-ilma, il-kostruzzjoni u ideat tan-negozji għal 'ekonomija ċirkolari'.

38 sezzjoni, workshops u attivatijiet speċjali

L-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji jistgħu jesibixxu l-aqwa prattiki tal-użu effiċjenti tar-riżorsi permezz ta' esibizzjoni b'iktar minn 50 padiljun . Attivitajiet kumplimenari jinkludu l-wiri tal-films "The Lightbulb Conspiracy", "Amazon Alive", "The Story of Stuff", "Il Suolo Minacciato" u wirja oħra fil-miftuħ “Measure for measure, daily food - daily garbage” ta' Rosanna Maiolino.

Il-Premjijiet tal-"Life Nature Project" se jonoraw il-proġetti li r-riżultati tagħhom għandhom l-iktar impatt pożittiv fuq l-ambjent, inkluż il-proġetti rebbieħa mill-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja u Spanja.

L-ewwel titjira internazzjonali ta' ajruplan imħaddem bl-enerġija solari.

Waħda mill-attivitajiet prinċipali se tkun iż-żjara tas-"Solar Impulse" fl-Ajruport Zaventem ta' Brussell. "Solar Impuse" huwa l-ewwel ajruplan iddisinjat biex itir billejl u binhar mingħajr ma jkun jeħtieġ fjuwil u mingħajr ma jipproduċi emissjonijiet tal-karbonju, u juri l-potenzjal li t-teknoliġiji l-ġodda għandhom f'termini ta' frankar tal-enerġija u ta' produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli. Dan jinsab għall-wiri fil-kapitali Ewropea mit-23 sad-29 ta' Mejju 2011.

Fost il-kelliema ewlenin hemm ukoll:

  • Janez Potočnik, il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent

  • Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima

  • Dacian Cioloș, il-Kummissarji tal-UE għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kummissjoni Ewropea

  • John Dalli, il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, il-Kummissjoni Ewropea

  • Maria Damanaki, il-Kummissarju tal-UE għas-Sajd u Affarijiet Marittimi, il-Kummissjoni Ewropea

  • Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi

  • Achim Steiner, is-Sottosegretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti , id-Direttur Eżekuttiv tal-UNEP

  • Valentin Thurn, id-Direttur ta’ Thurnfilm

  • Ernst von Weizsäcker, Il-Bord Internazzjonali tan-NU għall-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi.

  • Paul Holthus, id-Direttur Eżekuttiv, World Ocean Council

  • Denis Knoops, il-Viċi President tal-ERRT (European Retail Round Table) & membru tal-Bord Eżekuttiv, Delhaize tal-Belġju

  • Richard Swannell, Direttur tad-Design and Resource Minimisation, WRAP

Għal aktar tagħrif:

Biex tara l-programm tal-Ġimgħa Ekoloġika 2011 u ssegwi t-trażmissjoni diretta tal-attivitajiet , żur:

http://www.greenweek2011.eu/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website