Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tistabbilixxi pjan dettaljat għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex tagħti spinta 'l quddiem lill-kreattività u l-innovazzjoni.

European Commission - IP/11/630   24/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/630

Brussell, l-24 ta’ Mejju 2011.

Il-Kummissjoni tistabbilixxi pjan dettaljat għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex tagħti spinta 'l quddiem lill-kreattività u l-innovazzjoni.

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR), li jinkludu l-privattivi, marki kummerċjali, disinni u indikazzjonijiet ġeografiċi, kif ukoll drittijiet tal-awtur u drittijiet marbutin mad-drittijiet tal-awtur (għal min jippreżenta, jipproduċi u jittrażmetti biċċa xogħol artistika), ilhom sekli jeżistu. Spiss, mingħajr lanqas biss nindunaw, dawn jaffettwaw il-ħajja tagħna ta' kuljum: huma jħarsu t-teknoloġija li nużaw (karozzi, telefowns ċellulari, ferroviji), l-ikel li nieklu u l-mużika li nisimgħu jew il-films li naraw. Iżda f'dawn l-aħħar snin, it-tibdil teknoloġiku u, b'mod partikolari, l-importanza li dejjem qed tikber tal-attivitajiet onlajn, biddlu għalkollox id-dinja li fiha joperaw l-IPR. It-taħlita li teżisti bejn ir-regoli Ewropej u dawk nazzjonali m'għadhiex iktar adattata għas-sitwazzjoni preżenti u jeħtieġ li dawn ir-regoli jiġu mmodernizzati. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni llum addottat strateġija komprensiva sabiex tqajjem mill-ġdid il-qafas legali li fih joperaw l-IPR. L-għan tagħna hu li nagħmluha possibbli lill-inventuri, il-kreaturi, l-utenti u l-konsumaturi li jadattaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda u li ntejbu l-opportunitajiet tan-negozji l-ġodda. Ir-regoli l-ġodda se jistabbilixxu bilanċ tajjeb bejn il-promozzjoni tal-kreazzjoni u l-innovazzjoni, parzjalment billi jiżguraw premju u investiment lill-kreaturi u, min-naħa l-oħra, se jippromwovu l-aktar aċċess wiesa' possibbli għall-oġġetti u s-servizzi mħarsa mill-IPR. Dan il-bilanċ ġust se jagħmel differenza reali lin-negozji (ibda mill-artist individwali li jaħdem waħdu sal-kumpaniji kbar fil-qasam farmaċewtiku) billi jħeġġeġ l-investiment fl–innovazzjoni. Dan se jkun ta' benefiċċju għat-tkabbir u l-kompetittività tal-UE li huma possibbli permezz tas-suq uniku. Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn aċċess aktar wiesa’ u faċli għall-informazzjoni u l-kontenut kulturali, pereżempju il-mużika onlajn. L-istrateġija titratta għadd ta' kwistjonijiet sabiex tiżgura li l-IPR ikunu koperti b'mod komprensiv – minn privattivi li jkollu bżonn negozju sabiex iħares invenzjoni sal–mod ta' kif wieħed jindirizza użu ħażin ta' invenzjonijiet bħal dawn permezz ta' proposta li wkoll ġiet adottata llum u li se ssaħħaħ l-azzjoni fuq il-falsifikazzjoni u l-piraterija. Il-proposti tal-lum għal sistema ta' liċenzjar iktar faċli għal hekk imsejħa "xogħlijiet orfni", li se tippermetti li ħafna xogħlijiet kulturali jkunu aċċessibbli onlajn; u għal regolament ġdid biex isaħħaħ azzjonijiet doganali fil-ġlieda kontra l-kummerċ ta' oġġetti li jiksru l-IPR, huma fost l-ewwel riżultati ta' din l-Istrateġija globali ta' dawn l-IPR

"L-iżgurar tal-livell it-tajjeb ta' ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq uniku huwa essenzjali għall-ekonomija Ewropea. Il-progress jiddependi fuq ideat ġodda u għarfien ġdid," qal Michel Barnier il-Kummissarju għas-Suq Intern. " Mhux se jkun hemm investiment fl-innovazzjoni jekk id-drittijiet ma jkunux mħarsa. Mill-banda l-oħra, jeħtieġ li l-konsumaturi u l-utenti jkollhom aċċess għal kontenut kulturali, pereżempju l-mużika onlajn biex kemm il-mudelli ġodda tan-negozji, kif ukoll id-diversità kulturali jkunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw. L-għan tagħna llum huwa li nsibu bilanċ bejn dawn iż-żewġ għanijiet fl-aspetti kollha tal-IPR; sabiex b'hekk il-qafas Ewropew għall-proprjetà intellettwali jagħti setgħat lill-kumpaniji u liċ-ċittadini filwaqt li jadatta għad-dinja tal-internet u għall-kompetizzjoni globali tal-ideat."

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju responsabbli mid-dwana qal: "Id-dwana idealment titqiegħed fuq il-frunteira, sabiex tħares liċ-ċittadini u n-negozji leġittimi u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għandhom valur kbir fil-ġlieda kontra l-fasifikazzjoni u l-piraterija". Huwa żied jgħid: "Jien konvint li huwa essenzjali li jkun hemm sistema b'saħħitha tad-drittijiet intellettwali fl-ekonomija tal-UE kollha. Bil-proposta tal-lum, id-dwana se tkun kapaċi tipprovdi ħarsien ikbar lill-IPR u tindirizza aħjar il-kummerċ ta' oġġetti li jiksru l-IPR."

L-Istrateġija tal-IPR tistabbilixxi serje ta' azzjonijiet ta' politika għal żmien qasir u twil f’oqsma differenti li jinkludu:

Il-privattivi: F'April il-Kummissjoni diġà varat proposti għal ħarsien unifikat tal-privattivi f'kooperazzjoni mtejba (ara IP/11/470) Barra minn hekk, se jitkompla x-xogħol fuq il-proposti marbutin mal-ħolqien ta' qorti unifikata u speċjalizzata fuq il-privattivi għall-privattivi klassiċi Ewropej u għall-privattivi Ewropej tal-ġejjieni b'efffett unitarju. Dan jista' jnaqqas b'mod konsiderevoli l-ispejjeż ta’ litigazzjoni u ż-żmien li dan jieħu sabiex jissolvew tilwimiet dwar il-privattivi. Dan iżid ukoll iċ-ċertezza legali għan-negozji.

Marki kummerċjali: filwaqt li r-reġistrazzjoni tal-marki kummerċjali fl-UE ilha armonizzata fl-Istati Membri għal iktar minn 20 sena u l-marka kummerċjali Komunitarja ġiet stabbilita 15-il sena ilu, hemm domanda li dejjem qed tikber għal sistema ta' reġistrazzjoni iktar sempliċi, effettiva u konsistenti. Għalhekk fl-2011, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta proposti sabiex timmodernizza s-sistema ta marki kummerċjali kemm f’livell ta' UE, kif ukoll f'livell nazzjonali sabiex tadatta għall-era tal-Internet.

Indikazzjonijiet ġeografiċi (GIs): Il-GIs jiżguraw rabta bejn il-kwalità tal-prodott u l-oriġini ġeografika tiegħu. Madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda sistema ta' dan it-tip għall-ħarsien ta' prodotti li mhumiex agrikoli, bħal pereżempju l-irħam ta' Carrara u s-skieken ta' Solingen f'livell ta' UE disponibbli. Dan iwassal għal kundizzjonijiet diskriminatorji fis-Suq Uniku. Għalhekk, fl-2011 u l-2012, il-Kummissjoni se twettaq analiżi dettaljata tal-qafas legali eżistenti fl-Istati Membri kif ukoll tal-impatt ekonomiku potenzjali għal GIs li mhumiex agrikoli. Skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt, dawn jistgħu eventwalment jiġu segwiti bi proposti leġiżlattivi.

Liċenzjar multiterritorjali tad-drittijiet tal-awtur: Filwaqt li l-ambitu sostantiv tad-drittijiet tal-awtur ġie armonizzat fil-biċċa l-kbira tiegħu, xorta għadu jsir liċenzjar tad-drittijiet fuq livell nazzjonali. Fil-kuntest tas-Suq Uniku diġitali, is-simplifikazzjoni tal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u tad-distribuzzjoni tad-dħul hija waħda mill-iktar sfidi importanti li għandhom jiġu indirizzati. Fit-tieni nofs tal-2011, il-Kummissjoni se tressaq proposta sabiex toħloq qafas legali għal ġestjoni kollettiva u multiterritorjali tad-drittijiet tal-awtur, partikolarment fil-qasam tal-mużika. Hija se tistabbilixxi wkoll regoli komuni għall-governanza trasparenti u d-distribuzzjoni tad-dħul. Barra minn hekk, fit-tieni nofs tal-2011, il-Kummissjoni se tvara konsultazzjoni dwar kwistjonijiet varji marbutin mad-distribuzzjoni onlajn ta' xogħlijiet awdjoviżivi.

Librerija Diġitali: Il-ħolqien ta' libreriji diġitali Ewropej li jippriservaw u jxerrdu r-rikkezza tal-wirt intellettwali u kulturali tal-Ewropa huwa l-bażi għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa. Sabiex dan jiġi ffaċilitat, il-Kummissjoni llum qiegħda tippreżenta proposta leġiżlattiva li se jippermetti d-diġitalizzazzjoni u d-disponibbiltà onlajn tal-hekk imsejħa "xogħlijiet orfni" (xogħlijiet bħal kotba u gazzetti jew artikli minn rivisti li għadhom imħarsa minn drittijiet tal-awtur iżda li d-detenturi ta' dawn id-drittijiet mhumiex magħrufa jew ma jistgħux jiġu lokalizzati biex jinkisbu permessi tad-drittijiet tal-awtur) ara MEMO/11/333. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tinsab ħerqana sabiex tikkonkludi Memorandum ta' Ftehim fost il-libreriji, il-pubblikaturi, l-awturi u l-s-soċjetajiet kollettriċi biex jiffaċilita s-soluzzjonijiet għal-liċenzjar biex kotba li mhumiex fil-kummerċ ikunu diġitalizzati u jsiru disponibbli.

Ksur tal-IPR: Il-falsifikazzjoni u l-piraterija jirrapperżentaw theddida li dejjem qed tikber għall-ekonomija. Bejn l-2005 u l-2009,l-għadd ta' każijiet irreġistrati ta' oġġetti suspettati bi ksur ta' IPR fuq il-fruntieri tal-UE żdied minn 26 704 għal 43 572. Sadattant,l-industrija tal-kreattività tistma li l-piraterija swiet EUR 10 biljuni lill-industrija Ewropea tal-mużika, tal-films, tat-TV u tas-softwer, u iktar minn 185 000 impjieg fl-2008 biss. Il-Kummissjoni hija impenjata fit-tisħiħ tal-isforzi tagħha f'dan il-qasam. L-ewwel nett, illum il-Kummissjoni ppreżentat regolament li jsaħħaħ l-Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija, li kienet varat fl-2009, billi fdat il-kompiti tagħha lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI). Dan se jippermetti lill-Osservatorju jibbenefika mill-għarfien espert fid-drittijet tal-proprjetà tal-UASI u mir-rekord sod ta' riżultati fl–oqsma tal-marki kummerċjali u d-disinnn. Ir-Regolament issa jgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tagħhom. It-tieni nett, fir-rebbiegħa tal-2012, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva tal-Infurzar tal-IPR (ara IP/04/540). Id-Direttiva tipprovdi għal miżuri ta' liġi ċivili li jippermettu l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali min-naħa tad-detenturi ta’ dawk id-drittijiet. Madankollu, din għandha tiġi adattata, b'mod partikolari, sabiex tindirizza l-isfidi speċifiċi tal-ambjent diġitali.

L-infurzar tal-IPR mid-dwana: Id-dwana tissorvelja l-kummerċ kollu li jsir minn fruntiera esterna għall-oħra tal-UE: hija twettaq kontrolli għal bosta raġunijiet u għandha r-rwol essenzjali li tiġġieled kontra l-kummerċ ta' oġġetti li jiksru l-IPR. Fl-2009 biss, id-dwana interċettat iktar minn 40 000 vjaġġ bil-baħar suspettuż li kienu jinvolvu 118-il miljun oġġett. Filwaqt li l-maġġoranza ta' oġġetti interċettati kienu riżultat ta' falsifikazzjoni jew piraterija, il-qagħda ta' privileġġ tad-dwana fuq il-fruntiera, tippermetti li din teżerċita l-infurzar ta' firxa wiesgħa ta' drittijiet intellettwali. Bħala parti mill-istrateġija globali tal-IPR tal-lum, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll regolament ġdid għad-dwana, sabiex tinforza iktar il-qafas legali tal-azzjonijiet tad-dwana. Il-proposta timmira wkoll li tindirizza l-kummerċ ta' kunsinni żgħar ta' oġġetti falsifikati mibgħuta bil-posta minħabba li l-maġġoranza l-kbira ta' dawn l-oġġetti tirriżulta minn bejgħ minn fuq l-internet.

Sfond

L-IPR huma l-bażi tal-ekonomija tal-UE u forza ewlenija li tmexxiha lejn iktar tkabbir. Fl-2009, il-valur tal-aħjar 10 ditti fl-UE kien jammonta għal medja ta' kwazi 9 % tal-PDG . Industriji kreattivi li huma bbażati fuq id-drittijiet tal-awtur bħalma huma s-softwer, il-pubblikazzjoni ta' kotba u gazzetti, mużika u films, ikkontribwixxew għal 3.3 % tal-PDG tal-UE fl-2006 u jirrappreżentaw madwar 1.4 miljun ta' SMEs, li jirrappeżentaw 8.5 miljun impjieg. L-impjiegi fl-industriji tal-"ekonomija tal-għarfien" żdiedu b'24 % bejn l-1996 u l-2006 filwaqt li kien hemm żieda ta’ 6 f'industriji oħrajn.

Għal iktar informzzjoni dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali:

http://ec.europa.eu/internal_market/top_layer/index_52_en.htm

Ara MEMO/11/332 u MEMO/11/333

Għal iktar tagħrif dwar l-infurzar tad-dwana tal-IPR:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/customs_controls/counterfeit_piracy/index_en.htm.

Għal iktar informazzjoni dwar ir-regolament tad-dwana fir-rigward tal-IPR il-ġdid:

Ara MEMO/11/327

http://ec.europa.eu/taxation_customs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website