Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/629

Brussell, l-24 ta’ Mejju 2011

Politika kredibbli, ġusta u effettiva tal-UE dwar il-migrazzjoni: il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi pakkett ta' miżuri bil-għan li l-flussi migratorji mir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran jiġu ġestiti aħjar. Hija qed tipproponi wkoll emendi għar-Regolament dwar il-Viża sabiex jiġi żgurat li l-ivvjaġġar mingħajr viża ma jagħtix lok għal abbużi. Is-solidarjetà mal-Istati Membri li huma esposti l-aktar għal pressjoni migratorja u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi għadhom assolutament kruċjali.

Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Affarijiet Interni qalet: "Is-sitwazzjoni fin-Nofsinhar tal-Mediterran għadha titlob azzjoni min-naħa tal-UE. L-UE ħadet għadd ta' miżuri fuq terminu qasir ta' żmien biex tgħin lill-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq jindirizzaw il-pressjoni migratorja u biex tappoġġja lill-Istati Membri li jinsabu fuq il-fruntiera. Dawn żguraw tweġiba koerenti min-naħa tal-UE għal dawk kollha li jeħtieġu l-għajnuna tagħna. Dak li qiegħda nipproponi llum imur lil hinn mill-aktar ħtiġiet urġenti. Il-pjan tagħna huwa li niżviluppaw kooperazzjoni aktar strutturata mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq. Il-promozzjoni tal-mobbiltà u tal-ġestjoni tajba tal-migrazzjoni hija fl-interess kemm tal-UE u kif ukoll tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq. Aktar ma jgħaddi żmien aktar l-Ewropa ser tkun dipendenti fuq il-migrazzjoni ta' ħaddiema, u l-potenzjal tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq għandu jinħataf b'mod li jkun ta' benefiċċju reċiproku. Barra minn hekk, aħna għandna nagħmluha aktar faċli sabiex studenti, riċerkaturi u negozjanti jżuru pajjiżi oħra. Għal dan il-għan jeħtieġ li niftħu aktar toroq legali ta' moviment lejn l-Ewropa, billi nintensifikaw il-kooperazzjoni mal-ġirien tagħna fin-Nofsinhar, billi nistabbilixxu regoli ċari u billi niżguraw kundizzjonijiet sikuri li dan il-moviment ikun fl-interess tan-naħat kollha. Jeħtieġ ukoll li aħna nagħmluha aktar faċli li persuni jivvjaġġaw lejn l-Ewropa permezz ta' miżuri li jilliberalizzaw aktar il-proċess tal-għoti ta' viżi. Fl-istess waqt, aħna għandna niżguraw li l-ftehimiet tagħna dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi ma jiġux abbużati. Din hija r-raġuni għaliex jiena qiegħda nipproponi li tiddaħħal klawsola ta' salvagwardja għal ċirkostanzi eċċezzjonali u stretti ħafna. Nittama li din ser tgħin biex issaħħaħ il-fiduċja u r-rieda tal-Istati Membri li fil-ġejjieni jintroduċu aktar sistemi ta' vvjaġġar mingħajr viżi".

L-inizjattivi tal-lum jinkludu:

- Komunikazzjoni "Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobbiltà u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran".

Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi Djalogu dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u s-Sigurtà mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq. Id-djalogu għandu jinkudi l-aspetti kollha relatati mal-migrazzjoni li jaqgħu taħt ir-relazzjoni li l-UE ser ikollha ma' dan ir-reġjun fil-ġejjieni. Is-Sħubijiet għall-Mobbiltà ser jiġu miftiehma b'mod li joffri ġestjoni aħjar tal-opportunitajiet ta' mobbiltà legali bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq. Dawn is-sħubijiet ser jitfasslu b'mod li jikkunsidra l-partikolaritajiet ta' kull wieħed mill-pajjiżi sħab u f'kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE. Huma għandhom jgħinu lill-pajjiżi sabiex jagħmlu użu aħjar mill-potenzjal tal-ħaddiema, pereżempju billi jipprovdu assistenza biex jiġu żviluppati programmi ta' reklutaġġ, rikonoxximent ta' ħiliet jew billi jgħinu lill-migranti li jirritornaw u li jixtiequ jgħinu fl-iżvilupp tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Din it-tip ta' kooperazzjoni strutturata għandha tgħin lill-Istati Membri biex iqabblu n-nuqqasijiet fis-swieq tax-xogħol tagħhom.

Ċertament, il-faċilitazzjoni tal-moviment isseħħ biss ladarba jiġu stabbiliti s-salvagwardji kollha li huma meħtieġa. F'dan id-Djalogu, is-sħab tagħna ser ikollhom jiżguraw li jieħdu l-miżuri effettivi kollha biex iwaqqfu l-migrazzjoni irregolari u li jippermettu r-ritorn ta' dawk fost iċ-ċittadini tagħhom li ma jkollhomx id-dritt li jibqgħu fl-Ewropa. F'dawn l-aħħar ġimgħat il-Kummissjoni diġà għamlet l-ewwel kuntatti mat-Tuneżija u l-Eġittu biex tibda dawn id-Djalogi, u hija tittama li fil-ġejjieni qarib tkun tista' timpenja ruħha ma' sħab interessati oħrajn.

- Ir-Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2010)

Ir-Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2010) jitfa' dawl fuq l-iżviluppi ewlenin li nkisbu fis-sena li għaddiet fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-asil. Dan jenfasizza, pereżempju, il-miżuri li ttieħdu biex il-Greċja tiġi megħjuna bil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha, li involvew l-użu, min-naħa tal-Frontex, ta' għassiesa tal-fruntiera minn pajjiżi Ewropej oħrajn fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Greċja u t-Turkija, u kif ukoll l-għajnuna estensiva li l-Kummissjoni u l-Istati Membri taw lill-Greċja fil-bidla totali li qed issir fuq is-sistema tal-asil ta' dan il-pajjiż. Bħala rimedju għan-nuqqasijiet li ġew identifikati, ir-Rapport jinkludi rakkomandazzjonijiet speċifikament b'rabta mat-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri, il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, il-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali, l-iżvilupp tas-sistema Ewropea Komuni tal-Asil, l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, u l-iżvilupp tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni.

- Proposta biex isiru emendi għar-Regolament tal-UE 539/2001 dwar il-viżi.

Il-Politika dwar il-Viżi hija komponent kruċjali għall-effiċjenza tal-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni. Il-leġiżlazzjoni kurrenti tal-UE dwar il-politika tal-viżi ma tippermettix li t-teħid ta' deċiżjonijiet isir b'mod rapidu. Il-proċedura għat-tneħħija jew għall-introduzzjoni tal-obbligi tal-viża ssir permezz tal-proċedura ta' kodeċiżjoni ordinarja u għaldaqstant tista' ddum għaddejja għal numru ta' snin. L-emendi proposti jipprevedu l-introduzzjoni ta' klawsola ta' salvagwardja li, f'ċerti kundizzjonijiet eċċezzjonali, tippermetti r-riintroduzzjoni temporanja tar-rekwiżiti tal-viża għal ċittadini ta' pajjiżi terzi. Mekkaniżmu bħal dan jipprovdi lill-UE b'għodda, li tkun tintuża biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali, sabiex jinstab kontrobilanċ għal kwalunkwe konsegwenza avversa u serja li tista' titfaċċa minħabba l-liberalizzjoni tal-viżi, u b'mod partikolari l-wasla fl-UE ta' għadd kbir ta' migranti irregolari u ta' applikanti għall-asil b'talbiet bla bażi. L-emendi proposti ser jgħinu t-tisħiħ tal-fiduċja tal-Istati Membri fil-governanza fi kwistjonijiet marbuta mal-viża u kif ukoll fi kwalukwe liberalizzazzjoni ta' viżi li tista' sseħħ fil-ġejjieni.

Il-pass li jmiss

Dawn l-inizjattivi huma l-ewwel segwitu għall-Komunikazzjoni dwar il-Migrazzjoni li ġiet adottata fl-4 ta' Mejju tal-2011. Huma ser jiġu diskussi fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li ġej fid-9 ta' Ġunju tal-2011 u ser jgħinu biex titwitta t-triq għal diskussjoni rigward politika Ewropea dwar l-asil u l-migrazzjoni bejn il-Kapijiet ta' Stat u Gvern tal-UE matul il-Kunsill Ewropew li ser isir fi Brussell fl-24 ta' Ġunju tal-2011.

Għal iktar informazzjoni

Ara MEMO/11/328, MEMO/11/329 u MEMO/11/330

Għal aktar informazzjoni dwar il-politika estensiva dwar il-migrazzjoni (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni tal-4 ta 'Mejju): IP/11/532 u

MEMO/11/273

Għal iktar informazzjoni dwar it-tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea għall-flussi migratorji mill-Afrika ta' Fuq: MEMO/11/226

Il-websajt ewlenija ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-websajt ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website