Navigation path

Left navigation

Additional tools

Galileo: It-tlugħ tas-satelliti tal-UE f'Ottubru

European Commission - IP/11/627   23/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/627

Brussell, it-23 ta’ Mejju 2011

Galileo: It-tlugħ tas-satelliti tal-UE f'Ottubru

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li fl-20 ta' Ottubru se jsir il-varar tal-ewwel żewġ satelliti operattivi tas-sistema ta' navigazzjoni globali satellitari. Dan huwa biss l-ewwel varar minn serje sħiħa li għad trid tiġi varata mill-Port Spazjali Ewropew f'Kourou, il-Gujana Franċiża. Il-varar tas-satelliti Galileo f'altitudni ta' 23,600 km se jwassal għall-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni satellitari inizjali fl-2014. Sal-2019 il-kostellazzjoni tkun kompluta hekk kif iseħħ il-varar suċċessiv.

Antonio Tajani, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Industrija u l-Intrapriża, qal: "Dan huwa varar ta' importanza storika. L-Ewropa qed turi li għandha l-kapaċità li tkun fuq quddiem fl-innovazzjoni teknoloġika. Eluf ta' SMEs u innovaturi madwar l-Ewropa se jkunu jistgħu jiskopru opportunitajiet ta' negozju u joħolqu u jiżviluppaw il-prodotti tagħhom bis-saħħa tal-infrastruttura futura tal-Galileo. Iċ-ċittadini wkoll se jibbenefikaw minn dan is-servizz. Il-flus ma ntefqux għal xejn fuq Galileo u jiena nserraħ fuq il-kooperazzjoni tal-Istati Membri biex tinstab soluzzjoni għall-iffinanzjar tiegħu."

Il-programm Galileo huwa l-inizjattiva tal-UE għal sistema ta' navigazzjoni satellitari globali avvanzata, li tipprovdi servizz ta’ pożizzjonament globali ferm preċiż u garantit taħt kontroll ċivili. Id-deċiżjoni li tiġi ffissata d-data tal-ewwel varar ġiet wara reviżjoni ta' valutazzjoni fid-dettall taħt il-presidenza tal-Aġenzija Spazjali Ewropea. Hija kkonkludiet li l-komponenti tas-segmenti tal-ispazju u tal-art kif ukoll l-istat ta' preparazzjoni operattiva mixjin skont il-pjan.

Galileo se jirfed bosta setturi tal-ekonomija Ewropea permezz tas-servizzi tiegħu: in-netwerks tal-enerġija elettrika, il-kumpaniji ta' ġestjoni ta' flotot ta' vetturi, it-tranżazzjonijiet finanzjarji, l-industrija tat-trasport bil-baħar, l-operazzjonijiet ta' salvataġġ, il-missjonijiet ta' żamma tal-paċi, kollha jiddependu ħafna fuq it-teknoloġija tan-navigazzjoni bis-satellita.

Barra minn hekk, lill-Ewropa Galileo se jġibha indipendenti f'teknoloġija li qed issir kritika, inklużi oqsma strateġiċi bħad-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni. Galileo mistenni li jiġġenera EUR 60 biljun għall-ekonomija Ewropea f'perjodu ta' 20 sena f'termini ta' introjti addizzjonali għall-industrija u f'termini ta' benefiċċji pubbliċi u soċjali, mingħajr ma jitqies il-benefiċċju tal-indipendenza.

Sfond

Galileo se jipprovdi tliet servizzi bikrija fl-2014/2015 ibbażati fuq kostellazzjoni inizjali ta' 18-il satellita: Servizz Miftuħ inizjali, Public Regulated Service (Servizz Pubbliku Regolat) inizjali u Servizz ta' Tfittxija u Salvataġġ inizjali.

Il-fażi ta' Kapaċità Operattiva Sħiħa tal-programm ta' Galileo hija amministrata u ffinanzjata kollha kemm hi mill-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni u l-ESA ffirmaw ftehim ta' delega li permezz tiegħu l-ESA taġixxi bħala aġent ta' proġettazzjoni u appalt f'isem il-Kummissjoni.

EGNOS (European Geostationary Navigation Overlay Service) huwa s-sistema ta' awmentazzjoni reġjonali għas-sinjali tal-GPS tal-Ewropa. Din is-sistema mistennija twitti t-triq għal Galileo. Is-servizz miftuħ tal-EGNOS ilu jaħdem minn Ottubru 2009, u l-Kummissjoni dan l-aħħar nidiet is-servizz "Safety-of-Life" tal-EGNOS għall-avjazzjoni. Ara IP/11/247

Għal aktar tagħrif dwar Galileo, jekk jogħġbok żur

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/satnav .

MEMO/11/326


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website