Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: regoli ġodda tat-telekomunikazzjonijiet ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji madwar l-Ewropa kollha.

Commission Européenne - IP/11/622   23/05/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/622

Brussell, it-23 ta’ Mejju 2011.

L-Aġenda Diġitali: regoli ġodda tat-telekomunikazzjonijiet ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji madwar l-Ewropa kollha.

Sal-25 ta' Mejju 2011 l-Ewropej se jgawdu minn drittijiet u servizzi ġodda fir-rigward tat-telefonija, it-telefonija ċellulari u l-Internet. Sa din id-data, għandhom jiġu implimentati f'liġi nazzjonali regoli ġodda tat-telekomunikazzjoniet fl-UE li jiżguraw settur iktar kompetittiv u servizzi aħjar għall-konsumaturi. Dawn jinkludu d-dritt li l-konsumaturi jbiddlu l-operaturi telefoniċi fi żmien ġurnata waħda biss mingħajr ma jbiddlu n-numru tat-telefown, id-dritt ta' iktar ċarezza dwar is-servizzi offruti lill-konsumaturi u protezzjoni aħjar tad-dejta personali onlajn. Permezz ta' setgħat ta'superviżjoni ġodda għall-Kummissjoni Ewropea u setgħat regolatorji għall-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Body of European Regulators for Electronic Communications (BEREC), se tinħoloq iktar ċertezza regolatorja u għajnuna lill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, sabiex jikbru f'suq uniku Pan-Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet. Il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri biex timplimenta malajr dawn ir-regoli tal-UE u se tikkunsidra li tvara proċedimenti ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li ma jimplimentawhomx fi żmien stipulat. It-tisħiħ tas-Suq Uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet huwa għan ewlieni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: "Iċ-ċittadini u n-negozji għandhom jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li jingħatawlhom bis-saħħa ta' dawn ir-regoli l-ġodda sabiex jiksbu servizzi tat-telekomunikazzjoni iktar kompetittivi. Jien se nagħmel mill-aħjar li nista' biex ngħinhom jagħmlu dan. Jekk dawn id-drittijiet ma jkunux disponibbli fil-prattika, se nieħu l-miżuri meħtieġa sabiex nirranġa s-sitwazzjoni fil-konfront tal-Istati Membri u l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet".

Mill-25 ta' Mejju 'l quddiem, ir-regoli l-ġodda tal-UE se jagħtu liċ-ċittadini u lin-negozji:

Livelli ogħla ta' protezzjoni lill-konsumaturi u iktar għażla:

  • il-possibbiltà li fi żmien ġurnata waħda biss, ibiddlu l-operatur tat-telefonija fissa jew ċellulari mingħajr ma jbiddlu n-numru.

  • tul ta' żmien massimu ta' 24 xahar għall-iffirmar inizjali tal-konsumatur u obbligu ta' offerta ta' kuntratti ta' 12-il xahar min-naħa tal-operaturi. Dan se jippermetti li l-konsumaturi jbiddlu b'mod iktar faċli għal operatur differenti jekk isibu kuntratt aħjar.

  • informazzjoni iktar ċara dwar servizzi li għalihom iffirma l-konsumatur. Il-kunratti tal-konsumaturi għandhom jagħtu informazzjoni dwar il-livelli minimi tal-kwalità tas-servizz. B'mod partikolari, l-abbonati tal-internet għandhom jingħataw informazzjoni dwar tekniki ta' ġestjoni tat-traffiku u dwar l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tas-servizz, kif ukoll dwar kwalunkwe limitazzjoni oħra bħal pereżempju limiti fuq il-firxa tal-frekwenza (bandwidth caps) jew il-veloċità tal-konnessjoni disponibbli jew l-imblukkar jew it-trażżin (throttling) tal-aċċess għal ċerti servizzi bħalma huwa l-Protokoll tal-Internet bil-Vuċi (Voice Over Internet Protocol)). Il-Kuntratti għandhom jagħtu wkoll dettalji dwar il-kumpens jew rifużjonijiet disponibbli jekk dawn il-livelli minimi ma jintlaħqux. (ara IP/11/486 u MEMO/11/319).

Privatezza u sikurezza onlajn imtejba:

  • protezzjoni aħjar kontra ksur fir-rigward ta' dejta personali u "spam" (imejls mhux mitluba) notifikazzjonijiet mandatorji ta' ksur fir-rigward ta' dejta personali.

  • informazzjoni aħjar u rekwiżiti ta' kunsens għall-ħżin jew għall-aċċess ta' informazzjoni fl-apparati tal-utenti (bħalma huma l-'cookies' li ma għandhomx x'jaqsmu mas-servizz aċċessat f'dak il-mument (ara MEMO/11/320)

Regoli iktar konsistenti madwar l-UE:

  • ir-regolaturi nazzjonali se jakkwistaw indipendenza ikbar u se jkollhom setgħat li, f'każ li ma jkunx baqa' soluzzjonijiet oħra, jobbligaw lill-operaturi tat-telekomunikazzjoni li jkollhom saħħa sinifikanti fis-suq li jisseparaw in-netwerks tal-komunikazzjoni tagħhom mill-friegħi tas-servizzi tagħhom biex jiżguraw li l-operaturi l-oħra jkollhom aċċess li mhux diskriminatorju (mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li tiġi sseparata s-sjieda jew l-obbligu li tinħoloq kumpanija separata).

  • il-Kummissjoni, flimkien mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), ingħatat ukoll setgħat oħra ta' superviżjoni fuq ir-rimedji tal-kompetizzjoni għas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet (l-hekk imsejħa "Article 7 procedure". Fil-prattika, f'każ li l-Kummissjoni tqis li abbozz ta' rimedju għall-kompetizzjoni notifikat minn regolatur nazzjonali jkun ta' xkiel għas-Suq Uniku tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, il-Kummissjoni tista' tipproċedi billi tagħmel valutazzjoni dettaljata u, wara li tikkonsulta mal-BEREC, tista' toħroġ rakkomandazzjoni sabiex ir-regolatur nazzjonali jemenda jew jirtira r-rimedju pjanat. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jridu jqisu bis-sħiħ dawn ir-rakkomandazzjonijiet (ara MEMO/11/321).

Elementi ġodda oħra fil-pakkett jinkludu aċċess aħjar għas-servizzi tal-emerġenza inkluż il-112, li huwa n-numru uniku ta' emerġenza tal-Ewropa.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tindika lir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjonjiet kif għandhom jirregolaw aċċess kompetittiv minn parti terza b'netwerks ta' fibra ultra-veloċi (magħrufin ukoll bħala 'aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss' - netwerks NGA) (ara MEMO/10/424) iddaħlet dan l-aħħar abbażi ta' elementi ġodda fir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet.

Il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet mill-Istati Membri u se tuża bis-sħiħ is-setgħat tagħha, li dan l-aħħar ittejbu permezz tat-Trattat ta' Lisbona, sabiex tiżgura implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet f'liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni ħejjiet linji gwida dwar kwistjonijiet differenti, bħal pereżempju l-'cookies' u s-servizz universali, sabiex tgħin fl-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet.

Sfond

Ir-regoli riveduti tal-UE dwar in-netwerks u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni ġew adottati formalment mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill lejn l-aħħar tal-2009 (MEMO/09/491). Il-Parlament u l-Kunsill qablu li r-regoli jridu jiġu implimentati f'liġijiet nazzjonali fis-27 Stat Membru sa mhux iktar tard mill-25 ta' Mejju 2011.

Iż-żewġ Direttivi li jidħlu fis-seħħ fil-25 ta' Mejju 2011, id-Direttiva dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar u d-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini, jemendaw ħames Direttivi tal-UE differenti u eżistenti (Id-Direttiva Qafas, id-Direttiva tal-Aċċess, id-Direttiva tal-Awtorizzazzjoni, id-Direttiva dwar is-Servizz Universali u d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika). Ġie adottat wkoll Regolament ġdid li jistabilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet (BEREC). Il-BEREC ġie stabbilit uffiċjalment f'Riga f'Mejju tal-2010 (IP/10/641).

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Is-sit elettroniku ta' Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site