Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/620

Brussell, l-20 ta’ Mejju 2011

Sustanzi kimiċi/REACH: L-UE se tipprojbixxi l-kadmju fil-ġojjellerija, fl-istikek tal-ibbrejżjar u fil-plastiks kollha

Il-kadmju fil-ġojjellerija, il-plastiks u l-istikek tal-ibbrejżjar se jiġi pprojbit fl-UE minn Diċembru 2011. Livelli għoljin ta' din is-sustanza ta' ħsara, jiġifieri l-kadmju, instabu f'xi oġġetti tal-ġojjellerija, speċjalment f'ġojjellerija artifiċjali importata. Il-konsumaturi, inklużi t-tfal, kienu qed jirriskjaw li jiġu esposti għall-kadmju permezz ta' kuntatt mal-ġilda jew jekk jilagħquh. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tipprojbixxi l-użu tal-kadmju fit-tipi kolllha tal-prodotti tal-ġojjellerija, għajr għall-antikitajiet. Il-projbizzjoni tkopri l-kadmju fil-plastiks kollha u fl-istikek tal-ibbrejżjar li jintużaw biex materjali ta' kompożizzjoni differenti jingħaqdu flimkien peress li d-dħaħen li jiġu rrilaxxati matul dan il-proċess huma perikolużi ħafna jekk jittieħdu man-nifs.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, responsabbli għall-industrija u l-intraprenditorija qal: "Din hija aħbar pożittiva għall-konsumaturi, kif ukoll għall-industrija, ladarba diġà ġew żviluppati alternattivi għal din is-sustanza. Għal darba oħra, għandna wkoll prova tar-rwol essenzjali tar-REACH li tagħti standards għoljin f'dak li għandu x'jaqsam mas-sikurezza tas-saħħa."

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Il-probizzjoni fuq il-kadmju fil-ġojjellerija se tipproteġi lill-konsumaturi, b'mod partikolari lit-tfal. Bl-istess mod din se tkun tajba għall-ambjent minħabba li plastiks li ma jkunx fihom kadmju se jgħinu biex jitnaqqas it-tniġġis. Il-miżura tinkoraġġixxi r-riċiklaġġ tal-iskart tal-PVC, u dan jirrappreżenta progress sinifikanti fl-isforzi biex niffrankaw ir-riżorsi."

Il-projbizzjoni tiżgura li l-konsumaturi tal-UE jkunu protetti aħjar kontra l-esponiment għall-kadmju, u se tnaqqas it-tniġġis ambjentali mill-kadmju. Se tiġi adottata bħala emenda taħt ir-REACH.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tipprojbixxi l-kadmju fil-prodotti tal-plastik kollha filwaqt li tinkoraġġixxi l-irkupru tal-iskart tal-PVC għall-użu f'għadd ta' prodotti tal-bini. Peress li l-PVC huwa materjal utli li jista' jiġi rkuprat diversi drabi, il-leġiżlazzjoni l-ġdida tippermetti l-użu mill-ġdid ta' PVC rkuprat li jkun fih livelli baxxi ta' kadmju f'għadd limitat ta' prodotti tal-bini, mingħajr periklu għall-pubbliku jew għall-ambjent. Sabiex ix-xerrejja jkunu infurmati b'mod xieraq, il-prodotti tal-bini li se jkunu magħmula minn dan il-PVC rkuprat se jiġu kkumerċjalizzati b'logo speċifiku.

Il-kadmju jinsab ukoll fl-istikek tal-ibbrejżjar, li jintużaw biex materjali ta' kompożizzjoni differenti jingħaqdu flimkien, u jintuża wkoll għal applikazzjonijiet speċifiċi bħal pereżempju mmuddellar minn dilettanti ta' magni bl-istim tal-ferroviji. Id-dħaħen li jiġu rrilaxxati matul il-proċess tal-ibbrejżjar huma perikolużi ħafna jekk jittieħdu man-nifs. L-użu ta' dawn il-materjali tal-ibbrejżjar se jiġi pprojbit għajr għal użi professjonali speċifiċi ħafna.

Sfond

Il-kadmju huwa sustanza karċinoġenika u huwa tossiku għall-ambjent akkwatiku. Fl-1988, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni għal programm ta' azzjoni biex jiġġieled kontra t-tniġġis ambjentali mill-kadmju. Fl-imgħoddi kien jintuża bħala kolorant jew stabbilizzatur f'xi oġġetti tal-plastik. Fl-UE ilu pprojbit f'għadd ta' oġġetti tal-plastik mill-1992, iżda xorta kien għadu jista' jintuża f'tip ta' PVC riġidu minħabba li dak iż-żmien ma kienx hemm disponibbli alternattivi oħra fis-suq. Ladarba l-aternattivi huma disponibbli l-industrija Ewropea tal-PVC ddeċidiet li b'mod gradwali tneħħi l-kadmju mill-PVC kollu bħala parti mill-programm imsemmi "Vinyl 2010". L-użu tal-kadmju fil-batteriji u l-elettronika ilu ristrett mill-2004. Il-projbizzjoni l-ġdida se tiġi elenkata fl-Anness XVII tar-Regolament REACH (ir-Regolament 1907/2006 għar-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tas-Sustanzi Kimiċi).

Għal aktar tagħrif:

Dwar ir-REACH u r-restrizzjonijiet:

http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/chemicals/reach/restrictions/index_en.htm

Dwar l-Impatt Soċjoekonomiku ta' Aġġornament Potenzjali tar-Restrizzjonijiet dwar il-Kummerċjalizzazzjoni u l-Użu tal-Kadmju:

http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/chemicals/files/markrestr/study-cadmium_en.pdf

MEMO/10/631


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website