Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tiżgura protezzjoni aħjar għall-vittmi tal-kriminalità

European Commission - IP/11/585   18/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/585

Brussell, 18 ta’ Mejju 2011.

Il-Kummissjoni Ewropea tiżgura protezzjoni aħjar għall-vittmi tal-kriminalità

Turist mill-Polonja jisfa misruq u ferut gravi waqt żjara f’Pariġi. Żgħażagħ Taljan jiġi attakkat barra stazzjoni tal-metro f’Ħelsinki. Fl-UE kollha, madwar 75 miljun persuna fis-sena jistgħu jkunu vittmi ta’ kriminalità serja. Dawn l-avvenimenti jistgħu jkollhom konsegwenzi fiżiċi, emozzjonal u, finanzjarji devastanti għall-vittmi u l-familjari tagħhom. Meta jiġru meta wieħed ma jkunx f’pajjiżu, kulturi, lingwi u liġijiet differenti jistgħu joħolqu problemi sostanzjali. Għand min jirrikorru għall-għajnuna l-vittmi? X'inhuma d-drittijiet tagħhom? Wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE huwa li l-persuni għandhom jiġu ttrattati mingħajr diskriminazzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE. Dan il-prinċipju ġie kkonfermat fil-każ importanti Cowan vs Trésor public li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-1989 iddeċidiet li l-vittmi għandhom dritt għal kumpens irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Sew jekk persuna sfat misruqa jew indarbet f’attakk terrorista, il-vittmi kollha għandhom jiġu ttrattati b’rispett, offruti protezzjoni u appoġġ, u jingħataw il-possibbiltà li jkollhom aċċess għall-ġustizzja. Iżda liġijiet attwali fl-UE jistgħu jkunu ambigwi, u mhux dejjem jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet bażiċi. Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea llum qed tipproponi pakkett ta’ miżuri biex jiġi żgurat livell minimu ta’ drittijiet, appoġġ u protezzjoni għall-vittmi fl-UE, irrispettivament minn fejn jiġu jew jgħixu. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE għandha l-kompetenza speċifika li tilleġisla dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità.

“Filwaqt li s-sistemi ta’ ġustizzja kriminali tagħna huma ffokati biex jaqbdu l-kriminali, kultant jispiċċaw jittraskuraw il-vittmi nnfushom. Il-proposti li l-Kummissjoni qed tressaq illum se jiżguraw li l-UE tpoġġi lill-vittmi fuq quddiem, " qalet il-Viċi President Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “B’miljuni ta’ persuni fis-sena li jsofru mill-kriminalità, kwalunkwe ċittadini jista’ jsir vittma. Il-vittmi tal-kriminalità jeħtieġu rispett, appoġġ, protezzjoni u li jaraw li ssir il-ġustizzja. Għalhekk qed inpoġġi l-vittmi fil-qalba tal-ġustizzja kriminali fl-UE billi jiġi żgurat li jistgħu jiddependu fuq id-drittijiet u appoġġ minimi kullimkien fl-Ewropa.

Irrispettivament mir-reat - serqa personali, serqa f'dar, attakk, stupri, fastidju, reati tal-mibegħda, attakk terrorista, jew traffikar tal-bnedmin - il-vittmi kollha għandhom ħtiġijiet bażiċi: li jkunu rikonoxxuti u ttrattati b’rispett u dinjità, li jirċievu protezzjoni u appoġġ għall-integrità fiżika u l-proprjetà tagħhom, u li jkollhom aċċess għall-ġustizzja u kumpens.

Il-Kummissjoni trid tiżgura li dawn il-ħtiġijiet jiġu sodisfatti aħjar. Il-proposta tal-lum se ssaħħa l-miżuri nazzjonali eżistenti b’standards minimi li se jkunu komuni għall-UE kollha, sabiex kwalunkwe vittma tkun tista’ sserraħ fuq l-istess livell bażiku ta’ drittijiet - irrispettivament miċ-ċittadinanza u irrispettivament minn fejn iseħħ ir-reat.

Id-Direttiva dwar standards minimi għall-vittmi proposta se tiżgura li, fis-27 Stat Membru:

  • il-vittmi jiġu ttrattati b’rispett u l-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin jiġu mħarrġa kif jittrattawhom kif suppost;

  • il-vittmi jiksbu informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u l-każ tagħhom b'mod li jistgħu jifhmu;

  • jkun jeżisti appoġġ għall-vittmi f’kull Stat Membru;

  • l-vittmi jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċedimenti jekk iridu u li tingħatalhom għajnuna biex jattendu l-kawża;

  • jiġu identifikati vittmi vulnerabbli - bħat-tfal, vittmi ta’ stupru, jew dawk b'diżabbiltà - u li tingħatalhom protezzjoni xierqa;

  • l-vittmi huma protetti waqt l-investigazzjoni tar-reat mill-pulizija u matul il-kawża tal-qorti.

Sabiex il-vittmi tal-vjolenza jingħataw protezzjoni minn danni ulterjuri mill-attakkant tagħhom, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll Regolament dwar l-għarfien reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni ta’ liġi ċivili. Dan se jiżgura li l-vittmi ta' vjolenza (bħal vjolenza domestika) ikunu jistgħu jiddependu fuq ordnijiet ta' trażżin jew ta’ protezzjoni maħruġa kontra l-awtur tar-reat jekk jivjaġġaw jew imorru jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE.

Il-ġabra ta’ proposti tal-lum hija l-ewwel pass biex il-vittmi tal-kriminalità jkunu element ċentrali tas-sistemi ġudizzjarji tagħna. Fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni biex issaħħaħ ir-regoli eżistenti dwar kumpens għall-vittmi tal-kriminalità sabiex jiġi żgurat li għandhom aċċess xieraq għal kumpens, b’mod partikolari meta jisfaw vittmi meta jkunu barra minn pajjiżhom. Sabiex il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku f’pajjiż ieħor tal-UE jingħataw l-opportunità li jitolbu kumpens għad-danni, il-Kummissjoni bi ħsiebha tirrevedi r-regoli eżistenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kunflitt tal-liġijiet, sabiex il-persuni jkunu jistgħu jiddependu fuq il-limiti ta’ żmien li japplikaw f’pajjiżhom.

Sfond

Madwar 15% tal-popolazzjoni tal-UE tista’ tistfa vittma ta’ kriminalità x’imkien fl-UE kull sena. B’żieda ma’ dan, jistgħu jiġu affettwati ħafna iktar persuni qraba familjarji minħabba li jgħinu lill-maħbubin tagħhom biex mill-jirkupraw mill-esperjenza iebsa li jkunu għaddew minnha jew minn ġrieħi fiżiċi jew diffikultajiet finanzjarji wara li jkunu sfaw vittmi ta' reat. Ir-riskju li wieħed jisfa’ vittma meta wieħed ikun qed jivjaġġa huwa kbir daqs kemm meta wieħed ikun f’pajjiżu. L-Ewropej jagħmlu 1.25 biljun safra bħala turisti fl-UE kull sena, u dan ifisser li huwa inevitabbli li xi uħud minnhom jisfaw vittmi ta’ kriminalità f’pajjiż ieħor.

Ir-regoli minimi għall-vittmi huma parti mill-għanijiet usa’ tal-UE biex tibni Żona Ewropea ta’ Ġustizzja, sabiex in-nies ikunu jisgħtu jiddependu fuq l-istess livell ta’ drittijiet bażiċi u jkollhom fiduċja fis-sistema ta’ ġustizza irrispettivament minn fejn jinsabu fl-UE.

Id-drittijiet tal-vittmi huma wkoll drittijiet fundamentali, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-ħajja privata u l-ħajja familjarji u l-proprjetà. Dawn id-drittijiet għandhom jiġu mħarsa, flimkien mad-drittijiet ta' persuni oħra involuti f'proċeduri kriminali, bħal dawk akkużati b’reat.

Prinċipju importanti ieħor huwa n-nondikriminazzjoni fl-aċċess tad-drittijiet tal-vittmi. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat il-każ Cowan v Trésor public li l-għoti ta’ kumpens, pereżempju, m’għandhux ikun limitat minħabba ċittadinanza. Il-każ kien dwar turist mir-Renju Unit fi Franza, li kien safa vittma ta’ serqa u weġġa’ waqt li kien ħiereġ minn stazzjoni tal-underground f’Pariġi. Il-qorti sabet li ċ-ċittadini tar-Renju Unit suppost kellu jkun ittrattat bl-istess mod bħal ċittadini Franċiż fir-rigward ta’ kumpens għall-ġrieħi tiegħu, minħabba li bħala turist kien intitolat li juża l-libertà tal-għoti ta' servizzi.

Il-miżuri ġodda għat-titjib tal-protezzjoni tal-vittmi, ippreżentat illum, huma parti mis-segwitu li l-Kummissjoni qed tagħti għar-Rapport 2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE.

Ara wkoll MEMO/11/310.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-Paġna Ewenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website